Legislature:
Category:
Reset
Active:

Aġenzija Sedqa — Ħaddiema Ġodda

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda ma' Aġenzija Sedqa mill-5 ta' Jannar 2000 sa l-10 ta' Settembru 2000? Jekk fl-affermattiv jista' l-Ministru jgħid, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi impjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fil-perijodu ndikat mill-Onor. Interpellant ġew impjegati tmin ħaddiema full-time u tnejn part-time ma' l-Aġenzija Sedqa. Dawn il-ħaddiema kollha ġew impjegati wara talba lill-ETC jew sejħa għall-applikazzjonijiet, permezz ta' avviż fil-gażżetti lokali. Dawn it-talbiet lill-ETC u sejħiet għall-applikazzjonijiet saru bejn Settembru 1999 u Lulju 2000.

Fondazzjoni Ħajja Indipendenti — Sussidju

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk persuna b'diżabilita' li ma tużax it-trasport provdut mill-Fondazzjoni Trasport Ħajja Indipendenti, biex tmur ix-xogħol għandhiex dritt għal sussidju mogħti mill-gvern lill-fondazzjoni biex tuża l-istess sussidju ma' kumpannija oħra tat-trasport?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Persuna b'diżabilita' li ma tużax it-trasport provdut mill-Fondazzjoni Transport Ħajja Indipendenti, biex tmur għax-xogħol, m'għandhiex dritt għal sussidju dirett jekk tagħżel li tuża mezz ta' trasport provdut minn ħaddieħor.

Djar — Akkomdazzjoni Alternattiva

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament se tingħata akkomodazzjoni alternattiva peress li qed tgħix fil-periklu, kif juri r-rapport tal-perit li qed jintbagħat ukoll separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-każ qed ikun ikkunsidrat.

Ċentru ta' Taħriġ għall-Adulti — Impjegati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari nru. 6990?

Response (GONZI, LAWRENCE)

It-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6990 kienet ingħatat permezz tat-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7282 tal-31 ta' Mejju, 1999 (Seduta Nru. 110. Minn dak iż-żmien 'l hawn ġew ingaġġati 28 Care Workers kemm minn gradi oħra ta' ħaddiema li kienu jaħdmu fiċ-Ċentri tat-Taħriġ u kemm minn barra, jiġifieri Care Workers ġodda. Il-Ministeru tiegħi bħalissa se jdaħħal sitt Care Workers oħra, kif ukoll numru ta' Support Workers oħra. Fi frar, 2000 ġie wkoll ingaġġat Assistent Direttur biex jieħu ħsieb iċ-Ċentri tat-Taħriġ. Barra milli għandu Diploma fis-Social Work u Masters' Degree fil-Gerantologija, dan l-Assistent Direttur għandu esperjenza twila mal-persuni b'diżabilita' u esperjenza amministrattiva.

Djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti r-raġuni għaliex biċċa art li tagħmel parti minn flat li, id-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament minn din il-mistoqsija, ittieħdet? Hemm persuni oħra fl-istess flat li għandhom art mal-flat? Din l-art hija tal-Lands? Jekk le, ta' min hija? Jekk iva, għaliex ma tingħatax lill-familja li qegħda tokkupaha? Jekk mhux se tingħata lill-familja li qegħda titlobha, x'użu se jsir minnha? X'konnessjoni għandha din il-biċċa art ma' l-Awtorita' tad-Djar? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-korrispondenza kollha li hemm dwar din l-art u min għandu l-ewwel dritt li jeħodha? Jaf il-Viċi Prim Ministru li minħabba din il-biċċa art persuna b'diżabilita' mhux se tgħix ma' din il-familja għax tneħħilha l-aċċess?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li d-drittijiet dwar l-art in kwistjoni għad iridu jiġu stabbiliti definittivament mad-Dipartiment ta' l-Artijiet u għalhekk ma tistax tingħata risposta f'dan l-istadju.

Servizz ta' SWDP — Għawdex

Question

Meta anke l-Qrati tal-Maġistrati t'Għawdex ibbenefikaw mis-servizz professjonali ta' l-SWDP t'Għawdex, jista' l-Viċi Prim-Ministru jgħid x'għażla għandhom il-Qrati Għawdxin meta jiġu biex jaħtru l-esperti tagħhom f'każi soċjali? Il-Viċi Prim Ministru informa lil min kien jagħmel użu minn dan is-servizz speċjalment lill-Qrati, li dan is-servizz kellu jispiċċa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Qrati f'Għawdex għandhom żewġ għażliet meta jaħtru l-esperti tagħhom. Jistgħu jgħażlu li jaħtru esperti Għawdxin miċ-Ċentru Ħidma Soċjali jew esperti mill-SWDP. Dawn ta' l-aħħar huma ffukati b'mod partikolari fuq każijiet ta' protezzjoni għat-tfal u dawk dwar vjolenza domestika.

Benefiċċji soċjali — Relief

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jinħareġ ir-relief ta' omm xebba bil-ġenituri tagħha mejta li tinsab bla ebda dħul finanzjarju li, id-dettalji tagħha qed jintbagħatu separatament u korrispondenza importanti oħra qed tintbagħat separatament ukoll minn din il-mistoqsija? Jaf li biex tmantni lit-tifel ta' ħames xhur, din l-omm xebba jkollha tgħix milli jagħtuha n-nies?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-każ tal-persuna ndikata qiegħed jerġa' jiġi mistħarreġ mid-dipartiment konċernat u l-persuna mistennija tirċievi risposta fil-jiem li ġejjin.

Servizz ta' SWDP — Għawdex

Question

B'riferenza għaż-żjara li l-Ministru għal Għawdex u l-Ministru għall-Politika Soċjali għamlu fl-SWDP f'Għawdex wara r-rebħa elettorali ta' l-1998, fejn il-Ministru għall-Politika Soċjali faħħar tant is-servizz billi ġie kkwotat li qal: 'Minn biċċa drapp qed tagħmlu libsa ta' tieġ'. Jista' l-Viċi Prim-Ministru jispjega l-għaliex mhux biss lil dawn il-part timers baqa' ma tahomx support permezz ta' ħaddiema kwalifikati fulltime Għawdxin jew għallanqas administrative support workers, iżda saħansitra wieħed mill-kollegi ġie mitlub jirreżenja mill-impjieg għax intqal li m'hemmx bżonn ta' servizz ta' counselling f'servizz ta' social work?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Ħidma Soċjali ġenerika f'Għawdex hi f'idejn iċ-Ċentru Ħidma Soċjali u għalhekk kull għajnuna f'dan ir-rigward tinstab fiċ-Ċentru. In-numru ta' każijiet speċjalizzati in konnessjoni ma' protezzjoni tat-tfal u vjolenza domestika huma relattivament ftit u ma jiġġustifikax il-preżenza ta' ħaddiema klerikali. L-interventi soċjali minn social workers u l-counselling isiru minn nies li huma mħarrġa professjonalment għal din il-ħidma u anke dan isir taħt superviżjoni. Dan hu l-mod li wieħed irid jassigura li l-interventi jkunu professjonali. Is-social workers tal-SWDP kellhom it-taħriġ u s-superviżjoni neċessarja.

Uffiċju ta' l-SWDP — Għawdex

Question

Jista' l-Viċi Prim-Ministru jagħti spjega: (a) Għaliex l-uffiċċju ta' l-SWDP f'Għawdex għalaq kiesaħ u biered? (b) Għaliex l-uffiċċji ġew żarmati minn ġewwa pero' tħalliet fuq barra l-plakka li tindika lil pubbliku li f'Għawdex hemm servizz ta' l-SWDP? (ċ) X'sar minnhom il-ħaddiema kwalifikati f'dan is-settur? Ma jaħsibx li dan huwa ħela ta' riżorsi umani? (d) Xi pjani għandu l-Ministeru sabiex itejjeb is-servizz tal-welfare f'Għawdex fuq bażi almenu bħal dak ta' Malta? (e) Kif qed ikampaw familji u/jew individwi vulnerabbli Għawdxin sabiex is-servizzi ta' l-SWDP ta' Malta (Taqsima Vjolenza Domestika, Taqsima Ħarsien tat-Tfal, Servizz ta' Terapija għal- amilja eċċ) jkunu jistgħu jiġu pprovduti lilhom, meta qabel kien hemm ko-ordinazzjoni ta' dawn is-servizzi f'Għawdex u issa dan is-servizz spiċċa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

(a) Il-każijiet li taħdem fuqhom l-SWDP f'Għawdex huma speċjaliżżati u għalhekk huma ftit. F'dan ir-rigward is-social worker jagħmel visti fid-djar tal-klijenti meta jkun meħtieġ jew jarahom fiċ-Ċentru Ħidma Soċjali jew anke f'istituzzjonijiet fejn ħafna mill-każijiet ta' vjolenza domestika jkunu qeda. (b) Il-plakka li qed isemmi l-Onor. Interpellant tneħħiet il-gimgħa l-oħra. (c) L-ebda wieħed mill-part-timers li kien hemm fl-Lulju ma' xtaq jaħdem fuq każijiet konnessi ma' Għawdex. Wieħed minnhom wera x-xewqa li jgħamel xogħol ma' l-SWDP f'Malta. L-SWDP qed tikkonsidra din ix-xewqa. (d) Is-servizzi speċjaliżżati huma għal qadi ta' l-Għawdxin ukoll u għalhekk il-ħidma ta' l-SWDP hi aċċessibbli għal Għawdex ukoll. Il-ħidma soċjali ġenerika hi f'idejn iċ-Ċentru Ħidma Soċjali. Il-gvern hu kommess li s-social work ikun organiżżat fuq livell reġjonali minn fejn jingħata s-servizz ta' social work iżda f'koordinament ma' entitajiet oħra li jipprovdu ħidma soċjali bħall-ETC, l-Awtorita' tad-Djar u Siġurta Soċjali. Għawdex qed jitqies bħala wiehħed minn dawn ir-reġjuni. Kull żvilupp f'dan il-qasam qed jieħu din id-direzzjoni. (e) Il-familji Għawdxin qed jinqdew billi jużaw is-servizzi ta' l-SWDP l-istess bħal kull familja Maltija oħra u għal ħidma soċjali ġenerika jistgħu jirrikorru għaċ-Ċentru Ħidma Soċjali f'Għawdex stess.

Djar — Sussidju

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm persuni għomja applikaw għal sussidju taħt skeda 5 ta' l-Awtorita' tad-Djar matul din is-sena? Fuq liema kriterji jiġi mgħoti dan is-sussidju? Kemm kien hemm applikazzjonijiet mill-1 ta' Jannar, 1998 sal-lum? Kemm ġew approvati u rifjutati applikazzjonijiet? Jekk applikazzjoni tiġi rifjutata l-applikant għandu dritt għall-appell?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-Skeda 5 li tifforma parti mill-Avviż Nru. 62 li deher fil-Gażżetta tal-Gvern tas-27 ta' Jannar 1998 u Avviż Nru. 63 li deher fil-Gażżetta tal-Gvern tat-18 ta' Marzu 1999, fejn inħarġu applikazzjonijiet għall-postijiet ġodda, ma jirriżultax li kien hemm applikanti għomja.

SWDP — Servizz ta' social work

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex u x'għanijiet kien hemm li għalih twaqqaf is-servizz ta' social work u counselling ta' l-SWDP f'Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-servizz li qed jingħata f'Għawdex mill-SWDP hu wieħed li jiffoka biss fuq sitwazzjonijiet konnessi ma' abbuż tat-tfal u vjolenza domestika. Dan wara li kien sar qbil mad-dipartiment tal-Welfare f'Għawdex biex il-ħidma soċjali ta' natura ġenerika ngħata miċ-Ċentru Ħidma Soċjali. B'hekk assigurajna li ma jkunx hemm duplikar tax-xogħol. L-esperjenza wrietna li minħabba li każijiet ta' vjolenza domestika u protezzjoni tat-tfal huma sensittivi ħafna u jirrikjedu superviżjoni mill-qrib ġie deċiż li jkun aħjar li s-social worker li jaħdem fuq dawn il-każijiet ikun jaħdem mill-uffiċċju minn Malta. Għalhekk is-servizzi speċjaliżżati fuq il-protezzjoni tat-tfal u vjolenza domestika, li huma bbażati fl-uffiċċju ta' l-SWDP l-Blata l-Bajda qed iservu lil Għawdex ukoll bħal kull parti oħra ta' Malta.

SWDP — Ċentru tar-Riżorsi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienu l-għanijiet taċ-ċentru tar-riżorsi għall-għaqdiet mwaqqfa mill-SWDP?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-SWDP kienet katalista biex l-Għaqdiet f'Għawdex jaħdmu qrib xulxin u flimkien. Għal dan l-iskop kienet ippubblikat materjal ta' informazzjoni dwar dan u anke għamlet diversi laqgħat biex il-ħidma soċjali bejn l-għaqdiet volontarji tikber. Wara żmien dan taha l-frott bit-twaqqif ta' Ċentru ta' Riżorsa għal dawn l-għaqdiet f'Għawdex. B'dan l-iżvilupp wieħed mill-għanijiet ta' l-SWDP f'Għawdex kien intlaħaq.

SWDP — Servizzi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex ġie mwaqqaf is-servizz ta' l-SWDP f'Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-servizzi ta' l-SWDP ma ġewx imwaqqfa f'Għawdex. Minħabba n-numru żgħir ta' każijiet rappurtati lill-SWDP in konnessjoni mal-protezzjoni tat-tfal u vjolenza domestika, mhux meħtieġ li jinżamm uffiċċju separat miċ-Ċentru Ħidma Soċjali. Għalhekk kif u meta l-SWDP jkollha bżonn uffiċċju, dawn jużaw iċ-Ċentru Ħidma Soċjali jew f'post, li għal raġunijiet ta' kunfidenzjalita' mhux ser insemmi fejn jiġu trattati ħafna mill-każijiet ta' Vjolenza Domestika.

ETC — Sponsorship

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'għajnuna konkreta ngħata ż-żagħżugħ li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament biex il-Korporazzjoni Impjiegi u Taħriġ issib sponsor ħalli jissapportjah fl-iskema ta' apprendistat fil-qasam ta' l-Applied Information Technology? Għaliex illum żewġ uffiċjali tal-Korporazzjoni li d-dettalji taghħom qegħdin jintbagħtu separatament ħadu bil-herra lil dan iż-żagħżugħ u beżżgħuh li jitkeċċa jekk fi żmien xahrejn jibqa' bla sponsor?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Filwaqt li r-responsabbilita' li jinstabu ażjendi li joffru sponsorship lill-apprendisti hi tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ, jekk l-apprendist jintgħażilx jew le mill-ażjenda jiddependi mill-kapaċita' u mir-riżultati ta' l-iskola tal-apprendist. Ninsab infurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant kien ġie minn ta' l-aħħar kemm fl-eżamijiet ta' nofs is-sena kif ukoll dawk annwali. Minkejja li l-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ bagħtet lil din il-persuna għal tmien intervisti, ma' ditti privati kif ukoll ma' korpi parastatali, din il-persuna baqgħet ma ntgħażlitx. Ġranet ilu l-Korporazzjoni għamlet arranġamenti biex din il-persuna terġa' tattendi għal intervista oħra bil-ħsieb li tiġi aċċettata għal sponsorship, iżda din ma żammetx l-appuntament mingħajr ma tat raġuni valida. Kien għalhekk li uffiċċjal tal-Korporazzjoni bagħat għal din il-persuna biex tagħti spjegazzjoni dwar dan in-nuqqas. Ninsab infurmat ukoll li f'ebda ħin waqt din il-laqgħa ma din il-persuna ttieħdet bl-herra.

Sptar San Vinċenz de Paule — Ħaddiema

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mill-5 ta' Jannar, 2000 sal-10 ta' Settembru, 2000 lill-ħaddiema ta' l-Isptar San Vinċenz de Paule? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħidjekk hux il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li fil-perijodu ndikat fil-Mistoqsija saru 11-il trasferiment ta' mpjegati fir-Residenza San Vinċenz de Paule. Dawn saru kollha fuq talba ta' l-istess impjegati. Trasferimenti fil-futur isiru skond l-esiġenzi tas-servizz fiċ-ċirkostanzi prevalenti.

Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali/Impjiegi — Ħaddiema

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mill-5 ta' Jannar, 2000 sal-10 ta' Settembru, 2000 lill-ħaddiema tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjiegi? Jista' jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħidjekk hux il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li matul il-perijodu ndikat fil-Mistoqsija sar trasferiment ta' mpjegat wieħed mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u ta' l-Impjieg, liema trasferiment sar fuq talba ta' l-istess impjegat. Bħal f'kull dipartiment ieħor, trasferimenti minn u lejn dan id-Dipartiment isiru skond l-esiġenzi tas-servizz fiċ-ċirkostanzi prevalenti.

Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali — Djar

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fejn waslu l-passi li skond ittra tas-27 ta' Novembru 1999, il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ġie nfurmat li bdew jittieħdu biex il-proprjeta' tiegħu f' 118, Triq Luqa Briffa, Gzira tiġi vakata u terġa' tmur lura fil-pusses tad-dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi d-Dipartiment ma bagħat l-ebda ittra lill-persuna indikata fis-27 ta' Novembru 1999. Dak iż-żmien l-istess persuna kien għad għandha konvenju biex tagħti b'ċens il-post li kienet taf li hu rekwiżizzjonat.

Għajnuna Soċjali — Abbużi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni jabbużaw minn xi benefiċċji soċjali din is-sena u x'passi ttieħdu kontrihom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Kif diġa' kelli l-okkażjoni li ngħid, aktar kmieni din is-sena fid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali twaqqfet sezzjoni kontra l-frodi u l-abbuż fit-teħid ta' benefiċċji soċjali. Ninsab infurmat li s'issa ġew identifikati 'l-fuq minn 15,000 każ ta' abbuż u ttieħdet l-azzjoni neċessarja biex il-benefiċċji jiġu aġġustati jew jittwaqqfu skond il-każ. Id-Dipartiment issa ser jibda' l-proċess biex jiġi kkwanifikat l-ammont li jrid jiġi rifuż lura.