Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini — Chairman

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min hu ċ-Chairman tal-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini? Jista’ jgħid x’remunerazzjoni jieħu inkluż perkaċċi jekk inhu l-każ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ċ-Chairman tal-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini huwa l-Perit Charles Buhagiar. Għat-tieni parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7415.

Xogħlijiet fuq toroq residenzjali

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar liema toroq residenzjali, fis-7, fid-9, fil-11 u fit-12-il distrett elettorali, s'issa ġie deċiż li jsiru matul l-2014? Għal liema minn dawn it-toroq diġà ħarġu t-tenders għax-xogħol meħtieġ?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6936.

Mosta — Triq il-Qalbiena Mostin - stallazjoni ta' traffic lights

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-pjan li l-lights fi Triq il-Qalbiena Mostin fil-Mosta se jitwaħħlu biex jonqos il-periklu fiż-żona u jkun hemm management aħjar tat-traffiku fl-akwata?

Response (MIZZI, JOE)

Jien infurmat li l-pelican lights li hemm approvati fi Triq Qalbiena Mostin se jibdew jitwaħħlu fil-ġranet li ġejjin.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Settembru 1998 u Dicembru 2010, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ingħataw ebda xogħlijiet lill-kumpanija li d-dettalji tagħha ingħataw separatament, mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet u korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.

Malta Public Transport Service Operations Ltd – uffiċjali ssekondati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-uffiċjali li ġew issekondati mal-Malta Public Transport Service Operations Ltd? Jista’ jgħid x’karigi ngħataw u xi kwalifiki għandhom sabiex ġew magħżula huma minflok uffiċjali oħra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li żewġ uffiċjali ta’ Transport Malta ġew sekondati temporanjament mal-Malta Public Transport Services (Operations) Limited. Dawn l-uffiċċjali huma iċ-Chief Officer tad-Direttorat għat-Trasport fuq l-Art li qed jokkupa l-kariga temporanja ta’ Chief Executive Officer tal-kumpanija, u l-Assistant Manager (Route Network) li qed jokkupa l-kariga temporanja ta’ Operations Director tal-kumpanija. Dawn iż-żewġ uffiċjali ntagħżlu minħabba l-esperjenza li għandhom fis-settur tat-trasport.

Inventarju mgħoddi lill-Malta Public Transport Services

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-inventarju dettaljat ta’ dak kollu li ġie mgħoddi għand il-kumpanija l-ġdida (Malta Public Transport Services) mingħand l-Arriva Malta Ltd meta ġie ffirmat il-kuntratt ta’ xiri mill-Gvern?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari W162 fejn tpoġġa fuq il-mejda tal-Kamra l-ftehim li sar bejn il-Gvern u l-Arriva Malta Ltd u li jinkludi wkoll is-Share Purchase Agreement u d-dokumenti relatati.

Transport Malta – Direttorat tal-Infurzar — tmexxija

Question

Jista’ l-Ministru jindika min hu l-persuna li qed imexxi d-Direttorat tal-Infurzar ġewwa Transport Malta fl-assenza ta’ chief officer u senior manager ġewwa l-istess Direttorat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li sakemm timtela l-pożizzjoni ta’ Chief Officer Enforcement l-impjegati f’dan id-direttorat qed jirrapurtaw direttament lic-Chief Executive Officer tal-Awtorità.

Malta Public Transport Ltd — Ħaddiema li taw ir-riżenja tagħhom

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm ħaddiema li kienu mal-Arriva Malta Ltd li taw ir-riżenja tagħhom minn meta ġew trasferiti għall-kumpanija l-ġdida tat-trasport? Jekk fl-affermattiv, kemm kien in-numru ta’ ħaddiema li taw ir-riżenja tagħhom u liema pożizzjoni kienu jokkupaw fl-istess kumpanija?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 8663.

Unscheduled bus services

Question

B’referenza għal dak li qal l-Ministru waqt seduta tal-parlament fejn qal li l-istat qed jonfoq is-somma ta’ €35,472 kuljum f’kiri ta’ coaches mingħand l-unscheduled bus service, jista’ l-Ministru jgħid min hu l-persuna jew persuni li nnegozjaw ir-rati ta’ ħlas mal-istess kumpanija?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li ninforma lill-Onor. Interpellant illi in-negozjati dwar it-rati ta’ ħlas saru mill-operatur tat-trasport pubbliku u minn Transport Malta, niġbed l-attenzjoni tal-istess Interpellant li l-imsemmija somma ta’ €35,472 ma tkopriex biss il-kiri tal- coaches iżda il-kiri tal-vetturi kollha li qed jissostitwixxu l-bendy buses.

Licensing and Testing Directorate — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ ħaddiema li jaħdmu ġewwa l-Licensing and Testing Directorate? Dawn l-impjegati huma kollha ħaddiema tal-Awtorità jew hemm minnhom li huma ħaddiema ta’ xi aġenzija privata?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li preżentament ġewwa l-Licensing and Testing Directorate hemm jaħdmu 41ħaddiem, li 8 minnhom huma ħaddiema minn aġenzija privata.

Roundabout ta’ Kastilja – siġar tal-Palm

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jafx li se jinqerdu numru konsiderevoli ta' siġar tal-palm li hemm fir-roundabout ta' quddiem Kastilja minħabba l-monument il-ġdid propost tal-ex Prim Ministru Dom Mintoff? Jista' jgħid jekk inħarġux il-permessi meħtieġa biex dawn il-palm jinqerdu? Jista' jgħid jekk id-Dipartiment tal-Plant Health ħariġx il-permessi meħtieġa skont il-liġi? Jista' jgħid jekk hemmx palm infettat fil-post imsemmi u jekk iva jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċertifikati maħruġa mid-Dipartiment tal-Plant Health li juru liema minn dawn il-palm huma infettati u li għalhekk iridu jiġu distrutti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-pjazza ta’ Kastilja ser jinqalgħu erbatax-il palma ( tnax ‘Phoenix Canariensis’ u tnejn ‘Wasingtonia Filifera’) Ħamsa minn dawn il-palmi (‘Phoenix Canariensis’) huma infettati u se jinqerdu. Is seba ‘Phoenix Canariensis’ l-oħra se jerġgħu jitħawlu ġo Pjazza Kastilja u iż-żewġ ‘ Wasingtonia Filifera’ se jitħawlu ġo ġnien Herbert Ganado. Permess tal-Mepa huwa DN 00285/14

Mosta – Toroq fiż-żona Santa Margerita

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-toroq fiż-żona Santa Margherita fil-Mosta humiex responsabilità tiegħu bħala Ministeru jew tal-Kunsill Lokali tal-Mosta? Jista’ jgħid liema huma t-toroq fir-responsabilità tiegħu u liema huma fir-responsabilità tal-kunsill lokali, kemm bħala manutenzjoni kif ukoll bħala uċuħ ġodda għal dawn it-toroq? Jista’ jgħid kif jintgħażlu t-toroq biex isirilhom wiċċ ġdid? Hemm xi lista ta’ prijoritajiet u fejn iċ-ċittadini jkunu jistgħu jaraw din il-lista ta’ prijoritajiet għat-toroq taż-żona?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi iż-żona ta’ Santa Margerita fil-Mosta taqa’ taħt ir-responsabilta’ tal-Kunsill Lokali tal-Mosta. Transport Malta tasfalta toroq li qatt ma jkunu saru u tidħol għall-proġetti oħra skont il-prijoritajiet li jirriżultaw għandha. Il-manutenzjoni ta’ dawn it-toroq wara taqa’ f’idejn il-kunsill. It-toroq li fuqhom ikun ser isir ix-xogħol, u għalhekk ikunu irrizultaw bħala prijorita,’ jinħargu permezz ta’ quotation jew tenders. Il-lista għall-dawn is-sejħiet, tkun għad-dispożizzjoni tal-pubbliku fil-gazzetta tal-gvern, fuq is-sit ta’ Transport Malta u fuq is-sit tad-dipartiment tal-kuntratti (skont il-valur), filwaqt li la darba jkun ġie deċiż li jinħareġ tender ir-residenti u il-kunsill lokali rispettiv jiġu nfurmati li ser ikun qed isir ix-xogħol permezz ta’ ittra li tintbagħat lilhom.

Ħal Tarxien — Triq il-Palma - Zebra Crossing bla dawl

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 8419 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma u li issa ġiet riferuta lilu u jara fiex wasal il-każ ta' stallar ta' dawl maż-zebra crossing li tinsab fi Triq il-Palma Ħal Tarxien peress li din saret qabel l-elezzjoni u ilha minn dakinhar bla dawl?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Transport Malta kienet ħarġet quotation għal dan ix-xogħol, pero’, sfortunatament il-proċess ma kienx wieħed sodisfaċenti minħabba li l-istimi tal-bidders kienu għoljin. Għaldaqstant Transport Malta qiegħda fil-proċess li terġa’ toħroġ sejħa għall-offerti għal-dawn ix-xogħlijiet

Kappara Overpass – tender għall-proġett

Question

Peress li fl-artikolu li deher fil-media fit-3 ta’ Settembru 2013 kien ġie rrappurtat li x-xogħol fuq il-Kappara overpass se jkun beda sa Ġunju 2014, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan il-proġett għadux se jsir, u jekk se jsir meta se toħroġ it-tender?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dokument tat-tender relatat ma’ dan il-proġett kien ġie sottomess quddiem id-Dipartiment tal-Kuntratti biex jiġi evalwat u issa mistenni li jiġi ppublikat aktar tard dan ix-xahar.

Kunsill Lokali Ħamrun – Proġett għal Triq il-Kbira San Ġużepp

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk humiex qed isiru taħditiet mal-Kunsill Lokali tal-Ħamrun dwar proġett għal Triq il-Kbira San Ġużepp, il-Ħamrun? Jekk iva, jista’ jgħid fiex waslu dawn it-taħditiet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali tal-Ħamrun għamel laqgħa ma’ Transport Malta fejn intalbet għajnuna biex issir Triq il-Kbira San Gużepp. Għajnuna tingħata skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Studju dwar pont bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk minkejja li l-kumpanija li isimha qed jingħata separatament kienet ġiet blacklisted mill-Bank Dinji fuq allegati prattiċi ta' korruzzjoni, għadhiex għaddejja bl-istudji dwar il-possibbiltà li jsir pont bejn Malta u Għawdex? Fiex waslu dawn l-istudji u meta se jiġu ppubblikati?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi li naf jien hu li fuq prattiċi ta’ korruzzjoni huwa fatt magħruf li taħt l-amministrazzjoni preċedenti, ġew imċappsa bit-tebgħa tal-korruzzjoni l-għola awtoritajiet tal-pajjiż, fosthom il-Korp tal-Pulizija u l-Qrati kif ukoll diversi entitajiet oħra fosthom Transport Malta u l-Enemalta, u għalhekk peress li l-Onorevoli Interpellant jappartjeni lil dan il-Partit li kien fl-amministrazzjoni preċedenti imissu jaf xi tfisser korruzzjoni. Għaldaqstant ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpanija li qed jirreferi għaliha hija tal-gvern tal-pajjiz, u l-gvern m’huwiex blacklisted mill-World Bank. Fuq l-istudji innifishom, ma naħsibx li dan hu l-mument opportun biex ċerti dettalji jkunu ppublikati. Madankollu nserraħ ras l-Onorevoli Interpellant li dan il-gvern jimxi bi trasparenza u għalhekk mhux se jkun hemm dettalji li jinħbew mill-poplu fi kwalunkwe proġett. Għaldaqstant iktar informazzjoni tkun tista’ tingħata fil-mument opportun.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — varjazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jagħti, xahar b’xahar, mit-13 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija, lista ta' varjazzjonijiet li ngħataw mill-Ministeru tiegħu inkluż aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, kumpanniji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jgħid x'tip ta' kuntratt kien, min ingħata l-kuntratt, fejn sar ix-xogħol, il-valur oriġinali tal-kuntratt, il-valur finali tal-kuntratt u kemm kienet il-varjazzjoni?

Response (MIZZI, JOE)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra

Riforma tat-Trasport Pubbliku – konsulenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-konsulenti/uffiċjali li ħadmu fuq ir-riforma tat-trasport pubbliku? Jista’ jindika xi kwalifiki u x’esperjenza għandhom fit-trasport pubbliku dawn l-istess persuni?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-riforma qiegħda ssir minn team ta’ nies bi kwalifiċi differenti mill-aspett ta’ route network, operat legali u finanzjarju, fosthom impjegati ta’ Transport Malta fi ħdan id-Direttorat tat-Trasport fuq l-Art kif ukoll b’koordinazzjoni mal-Executive Chairman.

Tħaffir għaż-żejt — superviżjoni

Question

Peress illi reċentement il-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura qal illi fuq il-bir taż-żejt li se jibda t-tħaffir fuqu (Ħaġar Qim), se jintbagħat xi ħadd li jkun stazzjonat fuq ir-rig taż-żejt biex jirrapporta direttament lilu, jista’ l-Ministru jgħid min se tkun din il-persuna, xi kwalifiki għandha u kemm se titħallas għal dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-persuna imsemmija għadha ma ntagħżlitx.

Tħaffir għaż-żejt — kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x' tip ta' kuntratt hemm bejn dawk li se jħaffru għaż-żejt u l-Gvern Malti? Min se jħallas għat-tħaffir għaż-żejt?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li l-kuntratt bejn il-Gvern u Phoenicia Energy u Melita Exploration huwa Production Sharing Contract. Għaldaqstant it-tħaffir jitħallas kollu mill-kuntrattur.