Legislature:
Category:
Reset
Active:

Heritage Malta – Palazz tal-Inkwiżitur

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15786, jista' l-Ministru jgħidilna fuq kemm-il sena Heritage Malta stmat li dan l-investiment ħa jiġi rkuprat? Jista' wkoll jgħidilna għaliex ma ġewx applikati fondi tal-Ewropa sabiex jittwettaq dan il-proġett?

Response (BONNICI, OWEN)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-proġett twettaq bħala parti mill-programm ta’ konservazzjoni u ftuħ mill-ġdid għall-pubbliku tal-ispazji kollha tal-Palazz tal-Inkwiżitur kif ukoll sabiex jinħolqu faċilitajiet adegwati għat-tgawdija tal-istess Palazz minn udjenzi differenti. Dan jista jiġi kkonfermat mill-fatt li bejn l-1 ta’ Jannar u l-15 ta’ Mejju 2015 din is-sala intużat xejn inqas minn 38 darba għall-taħditiet pubbliċi, programmi edukattivi għat-tfal tal-iskejjel, laqgħat ta’ operat tal-Aġenzija u sessjonijiet ta’ taħriġ minn istituzzjonijiet governattivi oħra. Għaldaqstant, l-investiment diġa ħalla l-frott mixtieq. Fir-rigward tal-użu tal-fondi tal-Unjoni Ewropea, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li dan hu biss wieħed mill-modi ta’ finanzjament tal-proġetti, u li Heritage Malta tuża dan is-sors għal proġetti ħafna ikbar minn dan skont il-prijoritajiet tagħha. Heritage Malta twettaq ħafna xogħol ieħor ta’ konservazzjoni, manutenzjoni u titjib tal-faċilitajiet permezz tal-impjegati tagħha u tal-istudenti tal-MCAST li jwettqu l-apprentistat magħha. Dan kien wieħed minnhom.

Heritage Malta – Kawżi Ċivili pendenti

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15783, jista' l-Ministru jgħidilna l-isem tal-kumpanija jew partnership li qed j/tiddefendi lil Heritage Malta f'dawn il-każi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta qed tiġi rrappreżentata kif ġej: · 154/2012 MALTATICKET.COM vs HM – Dr Patrick Valentino u Mamo TCV & Associates. · 1278/2011 HM vs MALTATICKET.COM – Dr Patrick Valentino. · ARB 2290/2010 AGM vs HM – Refalo and Zammit Pace Advocates.

Heritage Malta — Manager Exhibitions and Upkeep

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15777, jista' l-Ministru jispjega għaliex il-Manager Exhibitions and Upkeep, li qabel kien jiffoka fuq esebizzjonijiet, signage u disinn, ġie mgħobbi wkoll bl-upkeep? Jista' wkoll jikkonferma li l-post ta’ senior executive fl-istess dipartiment tħeħħielu l-overtime, u għalhekk ma jistax ilaħħaq mad-domanda ta' xogħol li qabel kien qed ilaħħaq magħha?

Response (BONNICI, OWEN)

Kif diġà mwieġeb f’mistoqsija parlamentari 15777, dan il-manager żdietitlu wkoll bl-upkeep ‘peress li l-ħaddiema tal-Exhibitions kif ukoll tal-Upkeep jagħmlu ħafna xogħol fuq l-istess proġetti’ u b’hekk qed ikun hemm użu aħjar ta’ riżorsi. Il-pożizzjoni ta’ senior executive fiha nnifisha awtomatikament teskludi l-overtime. Madanakollu, bl-istess mod kif jagħmlu s-senior executives l-oħrajn, dan bl-ebda mod ma jfisser li x-xogħol ma jsirx jew li ma jitkompliex wara l-ħin jekk hekk ikun meħtieġ.

Heritage Malta – ħaddiema fil-grad A

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15778, jista' l-Ministru jgħidilna minn Marzu 2013 sa issa, kemm-il ħaddiem fil-grad A ingaġġat Heritage Malta (permezz ta' internal calls kif ukoll b'external calls)? Kemm minnhom għandhom livell ta' kwalifika MQF level 6 jew iktar?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sa issa Heritage Malta ingaġġat tlettax-il ħaddiem fi grad A. Ħdax kienu permezz ta’ internal call, u sitta minnhom kellhom MQF level 6. Tnejn oħra kienu permezz ta’ external call, u wieħed minnhom kellu MQF level 6.

Heritage Malta – pjan f’każ ta’ ħruq

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15779, jista’ l-Ministru jinnota illi f'każ ta ħruq, parti mill-kollezzjoni nazzjonali li Heritage Malta hija responsabbli għaliha, tista' tintilef sakemm tissejjaħ u tasal l-għajnuna. Jaqbel li jkun aħjar kieku jiġu istallati fire alarms u fire suppression systems f'dawn il-postijiet u b'hekk tonqos il-possibilità ta' ħsara irriversibbli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li filwaqt li fil-prinċipju kulħadd jaqbel li għandu jkun hemm sistemi li javżaw li hemm ħruq u jwaqqfuh kemm jista’ jkun malajr, wieħed irid jifhem li mhux dejjem possibbli li dan iseħħ, speċjalment suppression systems, peress li dan ikun jeħtieġ intervent invażiv ħafna fl-istrutturi tal-binjiet li jospitaw il-mużewijiet, li ħafna drabi huma artefatti fihom infushom. Wieħed irid ukoll iżomm f’moħħu li l-esperjenza turina li f’każijiet bħal dawn il-ħsara li jikkawza l-ilma tkun ikbar minn dik ikkawzata min-nar innifsu. Għalhekk, filwaqt li dejjem wieħed għandu jkollu fire alarm, sistema ta’ fire suppression konvenzjonali awtomatika mhux bilfors hija desiderabbli. Heritage Malta, filwaqt li installat sistemi ta’ fire alarms f’xi wħud mis-siti tagħha, qed taċċerta ruħha li dawn is-sistemi jkunu installati mill-ewwel f’kull binja inkluża fil-proġetti l-ġodda.

Heritage Malta – esibizzjoni dwar l-Assedju l-Kbir fil-Palazz tal-President

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15780, jista' l-Ministru jikkonferma li l-kuratur ta' din l-esibizzjoni huwa l-kuratur anzjan tal-istess sezzjoni?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-kuratur ta’ din il-wirja huwa dak imsemmi mill-Onor. Interpellant, flimkien ma’ kollegi oħrajn li jikkollabora magħhom.

Heritage Malta – tempji ta’ Kordin III

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15781, jista' l-Ministru jgħidilna x’inhuma l-pjanijiet ta' Heritage Malta fir-rigward tat-tempji ta' Kordin III? Jista' wkoll iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-management plan relatat ma’ dan it-Tempju?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li għad ma hemmx pjanijiet konkreti dwar it-tempju msemmi, li għadu ma għaddhiex fir-responsabilità tal-aġenzija. Għal din ir-raġuni dan ma kienx inkluż fil-management plan tat-tempji preistoriċi li kien tfassal xi snin ilu

Tempji ta’ Ħal Tarxien u Forti Sant Anġlu — inawgurazzjoni

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15782, jista' l-Ministru jagħti d-data tal-ftuħ ta’ dawn il-proġetti?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li għadu kemmxejn kmieni sabiex wieħed jistabbilixxi data definittiva ta’ inawgurazzjoni ta’ dawn iż-żewg proġetti peress li fadal ammont sostanzjali ta’ xogħol x’jitlesta.

Birżebbuġa – Triq l-Irziezet tal-Marnisi/Triq it-Torri – qtugħ ta’ ħaxix

Question

Jista’ l-Ministru jara li jinqata’ l-ħaxix li hemm mal-ġnub ta' Triq l-Irziezet tal-Marnisi/Triq it-Torri, Birżebbuġa, għax ilu żmien twil ma jinqata’?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa li x-xogħol mistenni jinbeda matul din il-ġimgħa.

Ħal Luqa – parkeġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il parking bay żdied fil-lokalità ta' Ħal Luqa minn Marzu 2013 sad-data illi fiha saret din il-mistoqsija parlamentari? Jista' jikkonferma illi l-Kunsill Lokali għandu l-permess ta' Trasport Malta biex jagħmel dan għall-parking bays kollha illi saru matul il-perjodu msemmi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa li l-parking spaces il-ġodda saru minn Transport Malta. Il-Kunsill Lokali ma żiedx parking spaces. Għaldaqstant din il-mistoqsija għandha tkun indirizzata lill-Ministeru konċernat.

Att dwar il-Protezzjoni tal-Informatur

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 9400, jista’ l-Ministru jgħid jekk il-konsultazzjonijiet u l-konstatazzjonijiet meħtieġa dwar l-impatt tad-dħul tas-subartikolu (3) tal-artikolu 2 tal-Kapitlu 527 tal-Liġijiet ta’ Malta, Att dwar il-Protezzjoni tal-Informatur, sarux u jekk iva, meta se jidħlu fis-seħħ?

Response (BONNICI, OWEN)

Is-subartikolu ċitat mill-Onor. Interpellant jipprovdi għal eskluzjoni tal-applikazzjoni tal-Att dwar il-Protezzjoni tal-Informatur għal ċerti setturi salv jekk dik id-deroga tiġi limitata jew imneħħijja b’regolamenti li jirrigwardaw dawk is-setturi partikolari tal-amministrazzjoni. Dan ma jfissirx li d-deroga bilfors trid titneħħa iżda li dan jista’ jsir jekk ikun hemm lok. Għalhekk wieħed għad irid jezamina l-andament ta’ din il-liġi u jara jekk jkunx il-każ illi l-applikazzjoni tagħha tiġi estiża.

Proprjetà Mobbli – rikors għall-bejgħ in subbasta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati rikorsi għall-bejgħ in subbasta ta’ proprjetà mobbli fis-snin 2013 u 2014 quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili? Jista’ jgħid kemm minnhom ġew magħluqa u kemm għadhom pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

In-numri ta’ rikorsi għall-bejgħ in subbasta ta’ proprjetà mobbli fis-snin 2013 u 2014 quddiem il-Prim’Awla, Qorti Malta huwa kif muri hawn taħt. Qed jingħata wkoll it-tagħrif mitlub dwar kemm minnhom ġew magħluqa u kemm għadhom pendenti. Subbasti Mobbli 2013 2014 Preżentati 31 39 Magħluqa 22 17 Pendenti 9 22 In-numri ta’ rikorsi għall-bejgħ in subbasta ta’ proprjetà mobbli fis-snin 2013 u 2014 quddiem il-Qorti ta’Ghawdex huwa kif muri hawn taħt. Qed jingħata wkoll it-tagħrif mitlub dwar kemm minnhom ġew magħluqa u kemm għadhom pendenti. Subbasti Mobbli 2013 2014 Preżentati 4 Preżentati 3 Magħluqa 3 Magħluqa 0 Pendenti 1 Pendenti 3

Proprjetà Immobbli – rikors għall-bejgħ in subbasta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew ippreżentati rikorsi għall-bejgħ in subbasta ta’ proprjetà immobbli fis-snin 2013 u 2014 quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili? Jista’ jgħid kemm minnhom ġew magħluqa u kemm għadhom pendenti?

Response (BONNICI, OWEN)

In-numri ta’ rikorsi għall-bejgħ in subbasta ta’ proprjetà immobbli fis-snin 2013 u 2014 quddiem il-Prim’Awla, Qorti ta’ Malta huwa kif muri hawn taħt. Qed jingħata wkoll it-tagħrif mitlub dwar kemm minnhom ġew magħluqa u kemm għadhom pendenti. Subbasti Immobbli 2013 2014 Preżentati 103 85 Magħluqa 38 18 Pendenti 65 67 In-numri ta’ rikorsi għall-bejgħ in subbasta ta’ proprjetà immobbli fis-snin 2013 u 2014 quddiem il-Qorti ta’ Għawdex huwa kif muri hawn taħt. Qed jingħata wkoll it-tagħrif mitlub dwar kemm minnhom ġew magħluqa u kemm għadhom pendenti. Subbasti Immobbli 2013 2014 Preżentati 18 18 Magħluqa 12 7 Pendenti 6 11

Heritage Malta – performace bonus

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 13338, jista’ l-Ministru jispjega kif is-CEO ta' Heritage Malta ngħata l-massimu tal-performance bonus fid-dawl tan-nuqqasijiet li l-Awditur Ġenerali jelenka fir-rapport tiegħu tal-2013, fid-dawl li proġetti li suppost kellhom jiġu kompluti fl-2014 ma tlestewx u fid-dawl ta' sitwazzjonijiet li impjegati li ma kenux eleġibbli biex japplikaw għall-internal call ġew imsejħa xorta waħda għall-intervista u dak il-ħin ġew infurmati li ma kinux eliġibbli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li wħud mill-miri imsemmija kellhom proprju l-iskop biex jibdew jindirizzaw il-kummenti tal-Awditur. L-iskeda ġenerali tal-proġetti ġiet irrispettata, u l-impjegat imsemmi ġie mgħajjat għall-intervista peress li kien issottometta informazzjoni żbaljata u kien hemm bżonn ta’ kjarifika minn naħa tiegħu.

Heritage Malta — kalendarju

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 13893, jista' l-Ministru jgħidilna kemm baqa’ stock tal-kalendarju 2015? Jista' wkoll jgħidilna x'kienet ir-raġuni li din is-sena, għall-ewwel darba, ġew stampati l-kalendarji u l-istaff ta' Heritage Malta ma ngħatax kopja bħas-soltu? Jista wkoll jgħidilna jekk Heritage Malta għandhiex ħsieb li tagħmel kalendarju għas-sena 2016?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li sal-aħħar ta’ April kien għad fadal 2536 kalendarju. In-nefqa kollha ġiet irkuprata. Kif ġara f’każijiet oħra, l-impjegati ta’ Heritage Malta, fost benefiċċji oħra, jingħataw offerta speċjali bi prezz ridott ħafna meta l-aġenzija toħroġ xi pubblikazzjoni. F’dan il-każ ġara l-istess. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-komunikazzjoni rispettiva għall-informazzjoni tal-Onor. Interpellant. Ma hemmx ħsieb li jiġi stampat kalendarju għall-2016 peress li din kienet iniżjattiva speċifika marbuta mal-anniversarju tal-Assedju l-Kbir.

Heritage Malta – ingaġġ ta’ konservaturi

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15767, jista' l-Ministru jikkonferma illi ħaddiema li se jkun ingaġġati għal dan l iskop biss, se jkunu qed jaħdmu fuq din l-biċċa xogħol speċifikament?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-konservatur se jkun qed jaħdem fuq il-kwadri msemmija.

Ftuħ ta’ Forti Sant’ Iermu

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15770, jista' l-Ministru jgħidilna għaliex Heritage Malta l-ewwel irriklamat l-open day għall-aħħar t'April, imbagħad dawret kollox għal opening soon?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-data kellha tinbidel minħabba impenji Ministerjali.

Mużew tal-Arkeoloġija – sejħa għal kuratur

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15771, jista' l-Ministru jispega għaliex Heritage Malta ma għandhiex ħsieb tingaġġa replacement fil-Mużew tal-Arkeoloġija, il-Belt Valletta? Jista' jispjega kif filwaqt li x-xogħol f’din is-sezzjoni żdied, ir-riżorsi umani tnaqqsu?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta tqis li r-riżorsi umani li huma allokati għall-Mużew tal-Arkeoloġija huma biżżejjed bħalissa.

Esibizzjoni The Roman Inquisition in Malta — riklami

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 15775, jista' l-Ministru jgħidilna jekk hemmx ħsieb li dan il-patrunaġġ jiġi użat ukoll biex jiġu rriklamati siti u mużewijiet li ma tantx jżuruhom nies?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta għandha l-fakulta li tuża dan il-patrunaġġ għall-iskopijiet li jidhrilha huma l-aħjar għall-aġenżija, u għalhekk dan jista’ jinkludi wkoll xi mużewijiet li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant.

L-Imqabba – Triq Ħal Kirkop – tneħħija ta’ skart

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-ewwel sqaq fi Triq Ħal Kirkop, l-Imqabba, fid-direzzjoni minn Ħal Kirkop lejn l-Imqabba, jitnaddaf minn kull tip ta' skart li qed jintefa’ minn terzi b'detriment għall-bdiewa li għandhom ir-raba’ tagħhom fl-inħawi? Jista’ jara li dan ix-xogħol isir mill-aktar fis possibbli peress li skart simili mormi fl-istess post kien ħa n-nar u kkawża ħsara irreparabbli fl-uċuħ tar-raba’ tal-madwar? Jista’ jara li jsiru spezzjonijiet regolari mill-kunsill responsabbli biex jiġi assigurat li ma jintrema l-ebda skart fl-isqaq msemmi?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Imqabba li jnaddaf dan l-isqaq regolarment bil-ħaddiema tiegħu. Il-Kunsill jifhem it-tħassib espress mill-bdiewa u dawk li jaħarqu n-nar tal-ajru fl-inħawi u għalhekk li, minkejja r-riżorsi limitati, jieħu ħsieb li dan jitnaddaf. Minkejja s-sorveljanza sa issa għadu ma’ nqabad ħadd iħammeġ f’dawn l-inħawi, la mill-Gwadjani Lokali u lanqas mill-Pulizija.