Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bormla — Sqaq San Lazzru - fond nru. 8

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li ssir xi ħaġa biex il-post no. 8, Sqaq San Lazzru, Bormla ma jibqax miżbla? Jista' forsi jerġa' joħroġ għall-kiri jew għall-bejgħ b'kontribuzzjonijiet aħjar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt diġa' ħareġ żewġ sejħiet għal offerti għal bejgħ tal-fond numru 8 Sqaq San Lazzru, Bormla. Għall-ewwel sejħa irċieva offerta waħda li kienet tant baxxa li ġiet rifjutata. Għat-tieni sejħa ma rċieva ebda offerti. Id-Dipartiment beda l-proċess biex toħroġ it-tielet sejħa għal offerti għal bejgħ tal-fond in kwestjoni.

Amnestija — Persuni li kienu fil-pussess ta' armi tan-nar mhux liċenzjati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta kien l-aħħar li l-Gvern ta amnestija 'l dawk li kienu fil-pussess ta' armi tan-nar mhux liċenzjati? Minn dakinhar kemm kienu dawk li bbenefikaw minn dik l-amnestija u kemm kienu l-armi tan-nar involuti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-aħħar amnestija dwar l-armi kienet ingħatat fl-1985. Kien hemm 1,860 persuna li bbenefikaw minn din l-amnestija, filwaqt li l-armi tan-nar hekk reġistrati kienu jammontaw għal 4,627.

Persuni bi problema ta' droga — Kondotta

Question

Jista' wieħed jibda jaħseb li jikkonsidra li bniedem li rnexxielu jegħleb il-problema tad-droga wara ħafna snin b'kondotta tajba, tkun tista' titħassarlu ir-reat tad-droga minn fuq il-kondotta għaliex dan itellifhom milli jsibu impjieg?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Ordinanza dwar iċ-ċertifikati tal-Kondotta (Kap. 77) tipprovdi dwar il-proċedura sabiex ma tiġix irreġistrata kundanna f'xi każijiet, inkluż tad-droga.

Qrati — Kawżi ta' kollużjonijiet

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fis-sena 2004 sa l-1 ta' Lulju kemm ġew ippreżentati kawżi ta' kollużjonijiet quddiem: 1) it-Tribunal għat-Talbiet iż-Żgħar; 2) il-Qrati ordinarji? Il-kawżi li qed issir referenza għalihom mhumiex dawk fejn ikun hemm danni personali.

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi għas-sena 2004, u eżattament sa l-1 ta' Lulju 2004 kien hemm: (a) 224 kawża ta' kolliżjonijiet quddiem it-Tribunal għal Talbiet Żgħar; (b) 29 kawża ta' kolliżjonijiet quddiem il-Qrati tal-Maġistrati, u (c) 3 kawżi ta' kolliżjonijiet quddiem il-Prim' Awla tal-Qrati Ċivili.

Beach concessions

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jassigura li dawk li għandhom beach concessions fil-bajjiet biex jarmaw id-deck chairs u l-umbrelel iżommu l-ispazju mikri lilhom u xejn aktar? Jista' f'kull każ jiġi mmarkat b'mod ċar liema jkun l-ispazju mikri lilhom għal dan l-iskop?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi qed isiru diskussjonijiet mid-Dipartiment ta' l-Artijiet flimkien mal-Pulizija u l-Kunsill Lokali sabiex jitwaħħlu sinjali fil-bajjiet li juru ċar l-ispazji mogħtija b'encroachment permit għat-tqegħid ta' deckchairs u umbrellel.

Pulizija — Sejba tal-moon rock

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kienx hemm żviluppi fuq is-sejba tal-moon rock li nsterqet mill-mużew? Kien hemm surveillance recording equipment u cameras?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-investigazzjoni tal-Pulizija dwar il-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, għadha għaddejja. Għal aktar tagħrif dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ġentilment nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Dipartiment ta' l-artijiet — Konċessjonijiet għal skopijiet rikreattivi

Question

Fid-dawl tal-konċessjonijiet li jingħataw minn naħa tal-gvern għal skopijiet rikreattivi bħal sports u scouts, peress li min talab l-art spjega għal xiex iridha, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern hux qed jagħmel hu impact assessment?

Response (BORG, TONIO)

Peress li l-għotja ta' proprjeta' tal-gvern lill-għaqdiet sportivi ssir fuq rakkomandazzjoni tal-Kunsill Malti Sports, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Żagħżagħ u Xogħol li huwa responsabbli minn dan il-Kunsill.

Taqsima tal-Vice Squad — Sistema ta' arja kondizzjonata

Question

X'inhi r-raġuni li s-sistema ta' l-arja kondizzjonata fit-taqsima tal-Vice Squad u ta' l-Economic Crime għadha bil-ħsara bil-konsegwenza li l-pulizija f'dawn it-taqsimiet qed ikollhom jaħdmu fi sħana tremenda? Kemm ilha bil-ħsara u meta hemm il-ħsieb li tissewwa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ttieħdet l-azzjoni meħtieġa sabiex is-sistema ta' l-arja kondizzjonata imsemmija tiġi lura għan-normal kemm jista' jkun malajr.

Żejtun — Triq Santa Monika - No Parking signs

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru, permezz tal-pulizija, ġentilment jgħid jekk fil-festa taż-Żejtun li saret il-Ħadd 20 ta' Ġunju 2004 sarux tabelli tan-No Parking mill-pulizija tal-lokal fi Triq Santa Monika, Żejtun? Jekk iva, meta saru?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi għalkemm ma tpoġġewx tabelli tan-no parking, ir-rotta minn fejn kull sena tgħaddi l-purċissjoni kienet ġiet dikjarata bħala żona ta' rmonk fil-Gazzetta tal-Gvern tal-4 ta' Ġunju 2004. Infurmat ukoll li l-Pulizija qed tinvestiga dan l-ilment u f'każ ta' nuqqas, ser jittieħdu l-passi opportuni.

Pulizija — Rapporti dwar każi ta' serq

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Ġunju, 2004? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Ġunju, 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Ġunju 2004 il-każi ta' serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 37 każ ta' serq.

Pulizija — Rapporti dwar reati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Ġunju 2004? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Ġunju, 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni tal-Mistoqsija Parlamentari huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi matul Ġunju 2004 kien hemm 280 persuna misjuba ħatja ta' reati kriminali.

Dipartiment ta' l-artijiet — Art tal-gvern għal skop ta' polo pitch

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk saritx talba quddiem id-dipartiment ta' l-artijiet biex fuq art tal-gvern, jiġifieri fil-limiti ta' San Pietru, Triq San Leonardu, Xgħajra, li fil-preżent qegħda f'idejn full time farmer, isir polo pitch? Jekk fl-affermattiv, u jekk il-permess tal-MEPA joħroġ, x'se jiġri mill-full time farmer?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern għandha quddiemha talba sabiex isir polo pitch fi proprjeta' tal-Gvern fi Triq San Leonardu fix-Xgħajra. It-Taqsima għada ma ħadet l-ebda deċiżjoni fuq din it-talba. Infakkar lill-Onorevoli Interpellant li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern ma tistax talloka art għal skop partikolari jekk dak l-iskop ma jkunx awtorizzat mill-MEPA. Sal-lum ma jidhirx li l-MEPA ħarġet xi permess għal polo pitch fuq din l-istess art.

Qrati — Reati waqt attivitajiet sportivi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tressqu nies il-qorti din is-sena għal reati li saru waqt attivitajiet sportivi? X'kien ir-reat u fejn sar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel ħames xhur ta' din is-sena kien hemm 37 persuna li tressqu l-Qorti għal reati mwettqa waqt xi attivita' sportiva. Kien hemm 27 persuna li tressqu fuq inċidenti li nqagħlu waqt logħob tal-football, filwaqt li l-10 l-oħra tressqu fuq inċidenti li nqagħlu fil-korsa taż-żwiemel. L-allegati reati kienu jinkludu dagħa; kliem u/jew ġesti oxxeni; insulti u theddid; ksur tal-bon ordni w imġieba abbużiva.

Dipartiment ta' l-artijiet — Inkwilini ta' post tal-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li koppja minn Bormla li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li jinsabu t-tnejn bla xogħol u huma inkwilini ta' post tal-gvern, jibdew iħallsu l-kont pendenti bin-nifs?

Response (BORG, TONIO)

Qatt ma kien hemm problemi li jintlaħaq ftehim ma' Dipartiment tal-Artijiet sabiex il-kera titħallas bin-nifs fejn ikun hemm problemi umanitarji. Għaldaqstant l-inkwilini tal-post indikat mill-Onor. Interpellant huma mitluba biex jagħmlu kuntatt mas-Sezzjoni tal-Kera tad-Dipartiment tal-Artijiet.

Rabat — Triq iż-Żebbuġ - vetturi abbandunati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jitneħħew tliet vetturi (żewġ vannijiet u karozza bla numru ta' identifikazzjoni) kollha fi Triq iż-Żebbuġ, Rabat u dan peress li l-istess vetturi ilhom abbandunati għal diversi xhur?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-vetturi msemmija tneħħew.

Pulizija — Promozzjoni għall-surġenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta ser jingħataw il-ħatra dawk il-pulizija li f'Marzu 2004 għamlu l-eżami u f'April 2004 ġew mgħarrfa li għaddew għall-surġenti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ħatriet imsemmija jingħataw meta l-esiġenzi tas-servizz ikunu jippermettu.

Żejtun — Karozzi li ġew ittowjati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment jgħid: 1) kemm ġew towed vetturi fiż-Żejtun nhar il-Ħadd 20 ta' Ġunju, 2004? 2) Mil-liema toroq ġew towed u kemm-il vettura ġiet towed minn kull triq? 3) Bejn wieħed u ieħor, x'ħin ġew towed dawn il-vetturi? 4) Jista' ġentilment iwieġeb dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi nhar il-Ħadd 20 ta' Ġunju 2004, nhar il-festa fiż-Żejtun, ġew irmunkati ħames vetturi li kienu pparkjati fir-rotta tal-purċissjoni fi Triq Sta. Monika. Infurmat ukoll illi dawn ġew irmunkati bejn is-6.30pm u s-7.15pm.

Wied il-Għajn — Rapporti ta' prostituzzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid: 1) kemm saru raids mill-pulizija fil-lokalita' ta' Wied il-Għajn minħabba rapporti ta' prostituzzjoni minn tfajliet barranin? 2) Kemm tressqu nies il-qorti minn din il-lokalita' fuq l-istess akkużi? 3) Mingħajr ma jsemmi ismijiet, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi stabbiliment fejn il-pulizija sabu għal aktar minn darba tfajliet barranin li kienu qed jintużaw għal skopijiet ta' prostituzzjoni? 4) Jekk ir-risposta għall-mistoqsija nru. 3 hi fl-affermattiv, kemm-il darba? 5) Jista' ġentilment iwieġeb għal dawn il-mistoqsijiet waħda waħda?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena, il-Pulizija għamlet tlett tfittxijiet fl-inħawi ta' Wied il-Għajn minħabba prostituzzjoni. B'riżultat ta' dan, tressqu l-Qorti erba' persuni. Infurmat ukoll illi kien hemm stabbiliment wieħed fejn is-sena l-oħra kien instabu nisa barranin bi skop ta' prostituzzjoni.

Persuni ta' nazzjonalita' barranija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn persuni ta' nazzjonalita' barranija li għandhom permess jgħixu u jaħdmu f'Malta illum u minn liema pajjiż ġejjin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li skond l-aħħar lista aġġornata li dehret fuq l-internet (website tad-Dipartiment ta' l-Informazzjoni) in-numru ta' persuni barranin li bħalissa għandhom liċenzja ta' impjieg u għalhekk jistgħu jgħixu u jaħdmu Malta huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Trattat ta' l-EU — Tradutturi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min kienu t-tradutturi u kemm tħallsu fir-reviżjoni tat-Trattat ta' l-EU?

Response (BORG, TONIO)

It-Trattat ta' l-Unjoni Ewropea ġie tradott minn "lawyer linguists" Maltin li jaħdmu mall-Kunsill/Kummissjoni ta' l-Unjoni Ewropea u ma kien hemm l-ebda spiża għall-Gvern Malti. Dan it-Trattat ġie rivedut mit-Translation Unit - Dr Ugo Mifsud Bonnici u Dr Vanni Bruno, mis-Sur Victor Cauchi L.P. mill-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali u minn Dr C. Scicluna mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru, u dan b'ebda spiża għall-Gvern ħlief għas-salarji normali. It-Trattat reġa' ġie finalizzat mill-"lawyer linguists" fi Brussels imsemmija aktar qabel.