Legislature:
Category:
Reset
Active:

Transport Malta – ħatra ta’ konsulent

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament inħatarx konsulent legali ta’ Transport Malta xi ġimgħat ilu? Jekk fl-affermattiv, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa pubblika li saret għal dan ir-rwol, jekk saret, u jgħid taħt liema kondizzjonijiet sar l-ingaġġ? F’każ illi jkun hemm xi tilwima industrijali f’ Transport Malta jew f’oqsma li tirregola t-Transport Malta (bħall-qasam tal-portijiet u l-ajruport), u jekk f’din it-tilwima tkun involuta l-GWU, x’se tkun il-pożizzjoni tal-individwu li huwa wkoll konsulent legali tal-GWU?

Response (MIZZI, JOE)

Nikkonferma li l-individwu msemmi huwa konsulent legali ta’ Transport Malta, li ġie mqabbad fuq bażi ad hoc minħabba l-esperjenza fil-qasam tax-xogħol tiegħu. Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan il-konsulent legali ma ġiex imqabbad fuq xogħol relatat fil-qasam ta’ portijiet u avjazzjoni, jew każijiet fejn l-GWU tista’ tkun involuta, u għaldaqstant m’hemmx lok għal kunflitt t’interess.

Transport Malta — Direttorat tal-Infurzar

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7590, jista’ l-Ministru jirrispondi l-kumplament tal-mistoqsija u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-fedina penali tal-persuni li ġew magħżula? Jista’ jindika x’kienet ir-raġuni li l-interviews saru minn kumpanija indipendenti ta’ reklutaġġ meta Transport Malta għandha Dipartiment tar-Riżorsi Umani? Jista’ jgħid l-isem ta’ din il-kumpanija u jekk ix-xogħol ingħatax b’direct order? Jista’ jindika jekk waqt dawn l-interviews kienx hemm uffiċjali ta’ Transport Malta preżenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-lista ta’ kandidati prospettivi ġiet mgħoddija lil Transport Malta mill-ETC, fejn hija l-prassi normali li l-ETC tavża lill-Awtorita’ meta jkun hemm xi ħadd mill-applikanti jkun klassifikat bħala Person in Disadvantaged Situations. F’dan il-każ Transport Malta ma rċeviet l-ebda avviż f’dan ir-rigward. L-interviews saru minn kumpanija ndipendenti ta’ reklutaġġ, li hija EMD Management Ltd, minħabba n-numru sostanzjali t’applikanti. Waqt l-interviews kien hemm rappreżentant mid-Direttorat tal-Infurzar.

Transport Malta – penali maħruġa lill-Arriva Malta Ltd

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7601, jista’ l-Ministru jagħti rendikont tal-ammont ta’ penali li ma nħarġux lill-Arriva Malta Ltd li jkopri minn Awwissu tal-2013 sal-1 ta’ Jannar 2014 (sal-aħħar ġurnata tal-operat, xahar b’xahar) skont id-data ta’ meta nħarġu l-penali?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li ngħatat f’mistoqsija parlamentari 7601.

Malta Transport Services Limited – Director of Operations

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7588, jista’ l-Ministru jindika kemm hu l-performance bonus ikkontemplat li jingħata lil dan l-impjegat minħabba r-responsabilità addizzjonali li għandu? Jista’ jindika jekk dan l-impjegat għandux xi tip ta’ allowances oħra fosthom mobile jew użu tal-karozza tal-kumpanija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-allowance huwa skont il-grad li l-persuna imsemmija qiegħed fih. Filwaqt li kif diġà ntqal fir-riposta għall-mistoqsija parlamentari 7588, il-kumplament tal-pakkett finanzjarju ta’ din il-persuna hu l-istess għal dak li kellu għall-impjieg tiegħu ma’ Transport Malta.

Trasport Pubbliku – espressjoni ta’ interess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ġabar l-espressjoni ta’ interess li ħareġ il-Gvern għall-provvista tat-trasport pubbliku?

Response (MIZZI, JOE)

Jekk l-Onor. Interpellant isegwi dak li jkun għaddej, suppost għandu jkun infurmat li l-espressjoni ta’ interess għadha fi żmien ta’ proċess u għaldaqstant ma jkunx xieraq li tali informazzjoni tingħata f’dan l-istadju. L-informazzjoni kollha mitluba tingħata fil-mument opportun.

Malta Transport Services Ltd – Trasport Pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn meta l-Malta Transport Services Ltd ħadet l-operat tat-Trasport Pubbliku f’idejha, kemm intefqu flus biex ikun jista’ jiġi operat dan is-servizz u kemm kien id-dħul minn bejgħ ta’ biljetti kif ukoll dħul ieħor?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar id-dħul minn bejgħ ta’ biljetti u dħul ieħor kif ipprovduta mill-Operatur tat-Trasport Pubbliku tinstab fit-tabella t’ hawn taħt: Mill- 1 ta’ Jannar sal- 31 ta’ Marzu 2014 Dħul minn bejgħ ta’ biljetti €4,285,170 Dħul ieħor (minbarra sussidju) €10,322 Dħul Totali €4,295,492 Il-figura tad-dħul ta’ Jannar tinkludi l-bejgħ ta’ biljetti li sar fl-1 ta’ Jannar 2014, jiġifieri ġurnata qabel ma’ l-Gvern ħa f’idu is-servizz tat-trasport pubbliku. Id-dħul mill-bejgħ ta’ biljetti li sar f’din il-ġurnata huwa stmat li kien jammonta għal €28,000. L-ammont ta’ bejgħ ta’ biljetti għal Marzu hekk kif indikat fit-tabella t’hawn fuq huwa proviżorju minħabba li l-figuri għadhom qed jiġu rikonċiljati mill-Operatur tat-Trasport Pubbliku. Infurmat ukoll li l-ispejjeż ta’ l-operat bejn l-1 ta’ Jannar u t-28 ta’ Frar 2014 kienu €7,272,138. L-ammont relatat ma’ l-ispejjeż tax-xahar ta’ Marzu għadu qed jiġi rikonċiljat.

Is-Siġġiewi – bus shelters

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6768, jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-istallazzjoni tal-bus shelters fi Triq Blat il-Qamar u Triq Monsinjur FX Mangion fis-Siġġiewi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li saret permezz ta’ Development Notification Order (DNO) fir-rigward tal-bus shelter ġewwa Triq Monsinjur FX Mangion fis-Siġġiewi ġiet milqugħa mill-MEPA. Transport Malta qegħda tagħmel il-preparamenti meħtieġa sabiex toħroġ talba għall-kwotazzjonijiet għal xogħlijiet ta’ Basework. Dan ix-xogħol huwa meħtieġ sabiex ikun jista’ jitwaħħal dan il-bus shelter. Fir-rigward tal-bus shelter fi Triq Blat il-Qamar fis-Siġġiewi, Transport Malta irtirat l-applikazzjoni li kienet għamlet permezz ta’ DNO. Dan wara li l-istess Awtorita’ ġiet mgħarrfa mill-MEPA li kellha tiġi sottomessa Full Development Permit għal dan il-bus shelter. Din l-applikazzjoni ġiet sottomessa għall-kunsiderazzjoni mill-MEPA fit-2 t’April 2014.

Is-Siġġiewi – bus shelters

Question

B’ referenza għall-mistoqsija parlamentari 6768 jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet l-evalwazzjoni għal post alternattiv biex jitpoġġa bus shelter li kellu jsir fi Triq Ħesri u nstab li mhemmx spazju biex dan isir fit-triq imsemmija?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li wara li saret site visit minn rapreżentanti ta’ Transport Malta u l-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi fl- inħawi ta’ Triq Ħesri ma nstabx post alternattiv fejn jista jiġi nstallat bus shelter. Madankollu ser jibqgħu jsiru tentattivi sabiex tinstab xi forma ta’ soluzzjoni alternattiva.

Is-Siġġiewi — ġnien kommemorattiv

Question

B’ referenza għall-mistoqsija parlamentari 6789 jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx jew hux qed isiru pjanti alternattivi biex jiġi żviluppat ġnien għall-memorja ta’ Annabelle Vassallo fiż-żona ta’ ħdejn il-Kappella tal-Providenza tas-Siġġiewi? Meta mistenni jinbeda u jitlesta dan il-proġett?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 6769.

Is-Siġġiewi – Triq l-Imqabba – crash barriers

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6770 jista’ l-Ministru jgħid xi progress sar f’ dawk li huma miżuri tas-sigurtà meħuda fi Triq l-Imqabba Siġġiewi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lil Onor. Interpellant illi wara li Transport Malta ddeċidiet li ssir struttura aktar adekwata li ma ddejjaqx it-triq, ġew studjati l-interventi possibli u għalhekk fil-ġimgħat li ġejjin se jkun qed isir il-proċess ta' procurement biex ikun jista’ jsir ix-xogħol neċessarju kif previst.

Ħal Qormi – problema ta’ għargħar

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6771, jista’ l-Ministru jagħti rendikont ta’ xi progress sar s’issa u x’xogħol fadal isir biex jitlesta l-proġett kontra l-ilma tal-għargħar f’Ħal Qormi?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li s’issa tlesta madwar 55 fil-mija tax-xogħol kollu fuq dan il-proġett. Ix-xogħol li fadal isir hu t-tkomplija ta’ madwar 320 metru taż-żewġ culverts li qed isiru fi Triq il-Wied, xogħol ta’ re-asfaltar fuq il-pont ta’ Triq Correa li ma kienx jista jsir matul ix-xitwa, it-tkomplija ta’ żewġ culverts li qed jinbnew fil-Golf Course tal-Marsa, ftuħ ieħor għall- ilma ħdejn il-pont (Skewed Arch Bridge) ta’ Triq San Sebastjan, u tkomplija ta’ erba’ culverts li qed isiru taħt it-Triq Aldo Moro bejn il-kanal ta’ l-ilma tal-Marsa Sports Ground u Triq Aldo Moro u fil-parti ta’ ħdejn Triq Throubridge. Ser isir ukoll xogħol ta’ bini ta’ culverts tul Triq San Ġwakkin u parti minn Triq il-Ħelsien.

Triq Ħaż-Żebbuġ – manutenzjoni u asfaltar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi progress qed isir fil-manutenzjoni u fl-asfaltar fi Triq Ħaż-Żebbuġ bejn ir-Rabat u Ħaż-Żebbuġ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi hekk kif imwieġeb għall-mistoqsija parlamentari 7662, Triq Ħaż-Żebbuġ fil-limiti ta’ Ħaż-Żebbuġ u r-Rabat ma taqax taħt ir-responsabbilta’ ta’ Transport Malta minħabba li hija triq rurali mhux fl-iskema tal-bini. Għaldaqstant Transport Malta tgħin skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Transport Malta – ħatra tal-Bord tal-Inġustizzji

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra t-terms of reference tal-Bord tal-Inġustizzji li twaqqaf dan l-aħħar minn Transport Malta? Jista’ jgħid jekk il-bord twaqqafx b’deċiżjoni taċ-Chairman ta’ Transport Malta, jew b’deċiżjoni tal-Bord ta’ Transport Malta jew b’deċiżjoni tal-istess Ministru? Jista’ jagħti d-dettalji dwar min huma l-membri tal-Bord, fuq liema kriterji ntgħażlu, min għażilhom u kemm qed jitħallsu? Jista’ jgħid ukoll jekk jaqbilx mal-ħatra tal-persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament bħala Chairman ta’ dan il-Bord u jekk jidhirlux li jista’ jkun hemm kunflitt ta’ interess peress illi dan il-persuna huwa l-konsulent legali tal-GWU kif ukoll marbut fil-viċin mal-Partit Laburista?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4646.

Transport Malta – ħaddiema ta’ aġenzija privata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema li jaħdmu ma’ Transport Malta u li huma impjegati ta’ xi aġenzija privata? Jista’ jindika f’liema dipartiment ta’ Transport Malta qegħdin jaħdmu dawn il-ħaddiema?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li Transport Malta għandha 21 ħaddiem li huma mqabbda minn aġenzija privata (20 minn Secretarial Services Ltd u 1 Appletree Ltd). Dawn jaħdmu f’dawn id-direttorati: Land Transport Directorate Roads Directorate Corporate Services Directorate Merchant Shipping Directorate Civil Aviation Directorate Finance Directorate Traffic Management & Road Safety Unit Apparti minn Appletree Ltd jipprovdu numru ta’ ħaddiema għal servizz ta’ moniteraġġ fuq it-trasport pubbliku, liema ammont ta’ ħaddiema jvarja skont l-esiġenzi tax-xogħol.

Transport Malta – aġenziji li jipprovdu servizz klerikali

Question

Jista’ l-Ministru jindika min huma l-aġenziji li jipprovdu s-servizz klerikali ġewwa Transport Malta? Jista’ jgħid jekk dawn ingħatawx kuntratti ta’ xogħol fuq direct order jew permezz ta’ tender? Jekk b’tender, jista’ jindika l-perijodu li jkopri kull tender?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-aġenziji li joffru servizzi klerikali lil Transport Malta huma Secretarial Services Ltd u Appletree Ltd. Dawn ġew imqabbda fi żmien l-amminstrazzjoni preċedenti u m’hemm l-ebda dokumentazzjoni li turi li dawn is-servizzi ngħataw b’tender.

Transport Malta — moniteraġġ

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7606, jista’ l-Ministru jgħid x’tip ta’ servizzi qed jiġu subcontracted fejn jidħol moniteraġġ tas-servizz tat-trasport pubbliku? Jista’ jgħid minn hi l-kumpanija li qed tipprovdi dawn is-servizzi u jindika jekk dawn is-servizzi ngħatawx b’direct order jew tender? Jekk b’tender sa meta jkopri l-kuntratt iffirmat?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li s-servizz li huwa sub-contracted huwa relatat mal-moniteraġġ tas-servizz tat-trasport pubbliku fejn dan il-moniteraġġ isir sabiex jevalwa l-andament ta’ rotta jew grupp ta’ rotot. Dan jinkludi il-puntwalità tar-rotot, l-affidabilità tas-servizz, tul ta’ ħin tal-vjaġġi kif ukoll in-numru ta’ passiġġieri li jagħmlu użu mir-rotot. Dan l-istħarriġ isir sabiex tittieħed stampa ċara tal-andament tas-servizzi tat-trasport pubbliku. Ir-riżultati ta’ dan l-istħarriġ, li jsir f’ħinijiet diversi tal-ġurnata, jiġi diskuss mal-operatur sabiex ikun jista’ jieħu l-miżuri neċessarji biex itejjeb is-servizz. Il-kumpanija li tipprovdi dan is-servizz hija Appletree International Ltd. Din il-kumpanija kienet ingħażlet wara li kienet ħarġet sejħa għal tenders. Il-kuntratt kien ġie ffirmat fit-8 ta’ Novembru 2012 u kien għall-perjodu ta’ tnax-il xahar, bil-provediment li l-istess kuntratt jista’ jiġi estiż.

Arriva Malta Ltd – Rapporti mal-Pulizija

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7605, jista’ l-Ministru jikkonferma jekk sarx rapport mal-pulizija sabiex jittieħdu passi kontra ż-żewġ persuni li kienu nvoluti f’serq fil-każ ta’ Novembru 2013? Jista’ jindika kemm kien l-ammont ta’ flus li ġie misruq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta seħħ il-każ, f’Novembru 2013, l-operatur tat-trasport pubbliku kienet għadha il-kumpanija privata Arriva Malta Ltd. Skont informazzjoni li ngħatajt, l-Arriva m’għamlet l-ebda rapport mal-pulizija fil-konfront taż-żewġ ħaddiema li kienu nvoluti f’ serq ta’ fuel f’Novembru 2013. Infurmat ukoll li l-ammont misruq kien jammonta għal €2,820 liema ammont ġie mħallas lura lill-kumpanija mill-istess ħaddiema.

Servizz tat-trasport pubbliku – articulated buses

Question

B’referenza għall-mistqosija parlamentari 7603, jista’ l-Ministru jgħid jekk it-8 vetturi indikati tat-tip articulated buses li nġabu bħala spares, intużawx fuq is-servizz tat-trasport pubbliku? Jekk dawn intużaw fuq is-servizz, kemm minnhom intużaw bejn Marzu u Awwissu tat-2013?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li skont informazzjoni provduta mill-operatur tat-trasport pubbliku it-8 vetturi tat-tip articulated li nġabu bħala vetturi spare ġew reġistrati matul ix-xahar ta’ Mejju 2013. L-użu tal- articulated buses kollha kien skont il-ftehim li l-kumpanija Arriva kellha mal-Gvern preċedenti. Bejn Mejju 2013 u Awissu 2013, it-8 vetturi spare ntużaw fuq is-servizz hekk kif kien il-bżonn fejn kien hemm vetturi bil-ħsara jew fejn kien hemm domanda addizzjonali tas-servizz. Fis- 27 t’Awissu 2013 dawn it- 8 vetturi tat-tip articulated, kif ġara għall- articulated buses kollha, kienu tneħħew mis-servizz wara li ma kienux iċċertifikati siguri għat-toroq u għall-passiġġieri li jużaw is-servizz tat-trasport pubbliku.

Grand Harbour Regeneration Corporation – proġetti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6208, jista’ l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li l-Grand Harbour Regeneration Corporation tibqa topera taħt l-iskopijiet li primarjament twaqqfet għalihom u ċjoè li tkompli twettaq proġetti mad-dawra tal-port?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Grand Harbour Regeneration Corporation tissokta bil-ħidma li qed twettaq u qed tfassal proġetti oħra fiż-żona tal-Port il-Kbir inkluż fil-Belt Valletta.

Magħtab u Baħar iċ-Ċagħaq – xogħol ta’ asfaltar u riabilitazzjoni taż-żoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol ta' asfaltar u riabilitazzjoni taż-żoni tal-Magħtab u Baħar ic-Ċagħaq? Għalfejn saret l-ewwel fażi tax-xogħol fil-Magħtab imma l-kuntratti tat-tieni u t-tielet fażi baqgħu ma ħarġux minkejja l-fatt li dan huwa proġett li kellu jitkompla minn fażi għall-oħra fi tliet fażijiet?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellanta tispeċifika għal-liema proġetti qed tirreferi.