Birkirkara Bypass — Triq Dun Karm - Traffic Lights
Question
Peress li waħda mill-postijiet fejn qed jiġu ppjanati traffic lights fi Triq Dun Karm (Birkirkara Bypass) iżomm ħafna ilma u jinżel gelgul ta' ilma meta ssir xi maltempata, jista' l-Ministru jara x'passi jistgħu jittieħdu jekk jirriżultalu li ma ttieħdu l-ebda passi biex dan l-inkonvenjent li jagħmel is-sit ta' dawn it-traffic lights bla użu meta tagħmel ix-xita jitneħħa? Barra minn hekk, x'passi se jittieħdu biex karozzi ma jiskartawx it-traffic lights billi jgħaddu mis-service road fil-ġenb tat-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-Traffic Lights (Pelican Crossings) tqegħdu f`post li fih jidher l-inqas inkonvenjent. Dawn il-Lights twaħħlu wkoll wara li ġew approvati mit-Traffic Control Board.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ħarġux it-tenders relattivi għall-għoti ta' tarmac u wkoll bankini fi Triq il-Ġnien, Naxxar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-sejħa għall-offerti biex isiru bankini u l-illivellar ta` Triq il-Ġnien, Naxxar ħarġet fil-5 ta` Frar, 1999. Jien infurmat ukoll li x-xogħol ta` l-asfalt ma jistax isir għalissa.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4756 u r-risposta mogħtija, jista' l-Ministru jgħid u jikkonferma li ma tqegħdux partitions fissi bħala parti minn dan ix-xogħol? Jista' l-Ministru verament jgħid li ma nfetaħx iktar minn bieb wieħed? X'ġiegħel li x-xogħol ma tkompliex kif ġie ppjanat?
Jista' l-Ministru jgħid min ordna dan ix-xogħol u jekk dan kellux l-awtorizzazzjoni biex jagħmel dan?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħala parti mix-xogħol imsemmi tqegħdu żewġ `demountable partitions`. Mhuwiex magħruf għall-liema pjanijiet qed jirrefri għalihom l-Onor. Interpellant.
Dan ix-xogħol sar fuq istruzzjonijiet maħruġa miċ-`Chief Executive` ta` l-Awtorita` Marittima.
Jista' l-Ministru jara li jitwaħħlu l-pelican lights fit-tarf ma' Għargħur Road kantuniera ma' St Paul's Street, Naxxar u dan peress li t-traffiku li jkun ġej minn St Paul's Street m'huwiex iċedi lit-traffiku li jkun irid joħroġ minn Għargħur Road għall-istess St Paul's Street?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jara x`jista` jsir.
Jista' l-Ministru jara li kull meta l-karozzi tal-linja li jgħaddu minn Naxxar bħalma hi l-karozza numru 55 li tidħol il-Għargħur, ma jkunux jistgħu jidħlu minn Naxxar minħabba xi festa jew fiera bħat-Trade Fair, jgħaddu mill-Iklin u b'hekk iniżżlu lill-passiġġieri li jkunu għan-Naxxar fejn ir-roundabout, ħdejn iċ-Ċimiterju tan-Naxxar u tibqa' sejra r-rotta normali għall-Għargħur?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li fi żmien it-Trade Fair, il-venda tan-Naxxar tkun trasferita għal ħdejn il-grounds tal-fiera u l-karozzi għal Għargħur jibqgħu jaħdmu b`mod regolari.
Meta jkun hemm il-festa fin-Naxxar, jien infurmat li s-servizz bin-numru tar-rotta 56 jibqa jaħdem minn u lejn il-Għargħur kull siegħa u jgħaddi mill-Iklin.
Jista' l-Ministru jgħid x'se tkun il-pożizzjoni tal-Ministeru tiegħu fir-rigward tal-problema li nibtet dan l-aħħar fil-kwestjoni ta' Triq Ġorġ Borg Olivier, fir-Rabat peress li kif jaf il-Ministru sar suġġeriment li din it-triq issir one way u dan jaf ikun ta' inkonvenjent kbir għar-residenti ta' Ħad-Dingli?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari Nru. 4281.
Jista' l-Ministru jara li Triq Dun Gwann Magro f'Ħal Tarxien tingħata t-tarmac?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ser isir skond il-prijoritajiet tax-xogħol tad-Dipartiment, wara li jkun żgurat li s-servizzi kollha jkunu tqiegħdu b`mod permanenti.
Jista' l-Ministru jara li Triq il-Fieres (parti) f'Ħal Tarxien tingħata t-tarmac?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ser isir skond il-prijoritajiet tax-xogħol tad-Dipartiment, wara li jkun żgurat li s-servizzi kollha jkunu tqiegħdu kollha b`mod permanenti.
Ministeru tat-Trasport u Komunikazzjoni — Computers
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu computers kemm fil-ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment b'dipartiment?
Jista' l-Ministru jgħid x'ditta huma?
Meta nxtraw?
Kemm swew fi spejjeż?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-Informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 202 dwar it-twessiegħ u l-istat ġenerali ta' Triq San Ġwakkin, f'Ħal Qormi, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal id-Dipartiment tat-Toroq biex iwettaq ix-xogħol bżonnjuż f'din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq bi ħsiebu jibda x-xogħol neċessarju biex isiru d-disinji meħtiega hekk kif xogħol ieħor li hemm fl-idejn jitlesta`.
Jista' l-Ministru jgħarrafni fejn waslu d-diskussjonijiet bejn il-PTA u l-Assoċjazzjoni tas-Sidien tal-Karozzi tal-Linja dwar kondizzjonijiet aħjar għall-ħaddiema f'dan il-kamp fosthom ir-reviżjoni tan-nollijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-diskussjonijiet bejn il-Gvern, permezz ta` l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku u l-Assoċjazzjoni tas-Sidien tal-Karozzi tal-Linja għadhom għaddejjin.
Peress li l-Gvern ħabbar li fi żmien mhux 'il bogħod se jintroduċi l-vehicle road test, jista' l-Ministru jgħid x'qed jagħmel biex l-ewwel jissewwew u jitranġaw it-toroq skond il-pariri ta' l-esperti Ġermaniżi?
Jekk wara li karozza jirriżulta li tkun tajba għas-sewqan u minħabba ħsarat fit-toroq jiżviluppa xi inċident, jista' l-Ministru jgħid jekk iċ-ċittadin huwiex se jkollu xi rimedju kontra l-awtoritajiet? Kif?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-esperti Ġermaniżi u d-Dipartiment tat-Toroq issa qegħdin jippreparaw il-pjan għar-restawr tat-toroq b`mod prijoritarju li jikkonsidra ix-xogħol tal-`Utilities`, aspetti ambjentali u diversi fatturi oħra.
Il-`vehicle road test` għandu jiżgura li l-istat tal-vetturi ikun tajjeb għal użu fit-triq.
Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Infiq ta' flus
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm intnefqu flus s'issa fl-uffiċini tal-Ministeru biex jiġu rranġati mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jista' l-Ministru jagħti rendikont itemized dwar l-flus li ntnefqu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija Nru. 2648.
Dwar it-tieni parti tad-domanda ma nara l-ebda skop li jingħata r-rendikont itemized mitlub fit-tieni parti tal-mistoqsija.
Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Bordijiet/kumitati
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-bordijiet jew kumitati tat-tmexxija, eċċ tal-gvern u ta' entitajiet oħra pubbliċi li jaqgħu taħt il-Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni li ġew mibdula mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Min kienu l-membri qabel ma nbidlu? Min huma l-membri issa? X'remunerazzjoni qed jieħdu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u risposta tingħata f`seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn karozzi rreġistrati f'Malta u Għawdex, imqasssma skond iċ-ċilindraġġ, sena b'sena mill-1995 sal-lum?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta` karozzi irreġistrati f`Malta u Għawdex, imqassma skond iċ-ċillindraġġ, sena b`sena mill-1995 sal-1998 huwa kif muri fuq it-tabella li ser inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra.
Ministeru tat-Trasport u Komunikazzjoni — Fax machines
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu fax machines kemm fil-Ministeru kif ukoll fid-dipartimenti kollha li jaqgħu fir-responsabbilta' tad-dekasteru tiegħu dipartiment b'dipartiment?
Jista' l-Ministru jgħid x'ditta huma?
Meta nxtraw?
Kemm swew fi spejjeż?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.
Jista' l-Ministru jgħid meta f'dawn it-toroq Triq Louise Schickluna, Triq San Gwann parti minn Triq San Antnin, Triq l-Iskola - continuation - u Triq Wistin Lavanzin kollha fil-Fgura, se ssir l-ewwel fażi bl-asfalt? Jaf il-Ministru li hemm minn dawn it-toroq li ilhom iktar minn tmien snin f'dan l-istat?
Jista' l-Ministru jagħti prijorita' għal dawn it-toroq peress li hemm residenti li qed ibatu minn mard minħabba t-trabijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li Triq Wistin Lavanzi u Triq Sant Antnin huma diġa asfaltati u miksija bit-tarmak. It-toroq l-oħra isir ix-xogħol fihom skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment wara li jkun żgurat li s-servizzi neċessarji huma fil-post.
Jista' l-Ministru jikkonferma li x-xogħol kollu ta' servizzi fi Triq Dun Gwann Mamo ġewwa Ħal Tarxien ilu lest is-snin? Jista' jiġi konfermat l-istess għal Triq il-Fieres Tarxien li tinfed għal Triq Dun Gwann Mamo? Jista' jiġi verifikat li l-asfaltar ta' Triq il-Fieres se jsir fil-ġimgħat li ġejjin, skond kif qal il-perit responsabbli għat-Tarxien section ġewwa r-Roads Department, li ismu qed jintbagħat separatament? Di piu ikunx għaqli li una volta li se tiġi asfaltata Triq il-Fieres tiġi asfaltata wkoll Triq Dun Gwann Mamo peress li b'hekk jiġu ffrankati flejjes kbar għad-Dipartiment tat-Toroq peress li jsiru żewġ toroq f'daqqa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għalissa d-Dipartiment tat-Toroq qed ifassal pjan dwar kif u meta t-toroq f`Malta jkunu jistgħu jiġu asfaltati sewwa.
Jista' l-Ministru jara li t-Triq Kanonku Karmenu Pirotta f'Birkirkara tingħata t-tarmac peress li bħalissa tinsab fi stat diżastruż bil-konsegwenza li qed tkun ta' inkonvenjent kbir għar-residenti ta' din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li parti minn Triq il-Kanonku Karmenu Pirotta hija diġa mogħtija t-tarmak. Parti sostanzjali fi Triq Pirotta għad trid tiżviluppa billi jitwaqqa l-bini biex tinfetaħ it-triq. Ghalhekk il-parti tat-triq li żviluppat wara dan il-bini ma tistax tiġi asfaltata.