Organizzazzjonijiet li qed jingħataw flus mill-Ministeru għal Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma l-organizzazzjonijiet f’Għawdex li qed jingħataw flus mill-Ministeru għal Għawdex speċifikament biex jimpjegaw CEO, Maniġer jew xi persuna oħra li tkun full-time mal-istess organizzazzjoni? Kemm hu l-ammont li kull sena jingħata lil kull organizzazzjoni fis-sena mill-Ministeru għal Għawdex għal dan il-għan?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kellu safar fl-aħħar 12-il xahar? Jista’ jgħid fejn siefer (belt u pajjiż) u x’kienet ir-raġuni għal kull safra? Min kienu l-uffiċjali li akkumpanjawh f’kull safra? Kemm kienet l-ispiża għal kull safra?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor Interpellant li fuq impenji uffiċjali barra l-pajjiż inkun akkumpanjat minn ufficjali tas-Segretarjat privat tiegħi u minn uffiċjali oħra tal-gvern.
Jista’ l-Ministru jgħid x’safar sar minn uffiċjali mill-Ministeru, mill-Uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari u mill-entitajiet li jaqgħu taħtu fl-aħħar 12-il xahar? Jista’ jgħid fejn sar is-safar (belt u pajjiż) u x’kienet ir-raġuni għal kull safra? Jista’ jgħid min mar għal kull safra? Kemm kienet l-ispiża għal kull safra?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru vjaġġi u kemm kienu l-passiġġiera u l-karozzi li qasmu bejn Malta u Għawdex permezz tal-vapuri tal-Gozo Channel fl-2012, 2013, 2014 u 2015 sad-data li fiha tkun imwieġba din il-mistoqsija?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Għawdex — Triq bejn il-Qala u x-Xewkija - standards
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-maġġor parti tat-Triq li għadha kemm ingħatat l-ewwel kisja ta' tarmak bejn il-Qala u x-Xewkija ma sarux bankini, almenu fuq naħa waħda tat-triq? Min iddisinja dawn it-toroq qabel sar ix-xogħol? Il-Ministeru għal Għawdex ra li dawn it-toroq prinċipali f'Għawdex u li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu jsir skont standards stabiliti u jkunu siguri għal kull min juża dawn it-toroq bil-vettura jew bil-mixi?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħlijiet fuq dawn it-toroq għadhom mhux konklużi.
Jista' l-Ministru jara li fil-parti tad-Dwejra li tagħti għat-Tieqa jsiru tabelli ċari li jidhru sew li jindikaw il-perikolu ta' dawk l-inħawi u li wieħed ma għandux jaqbeż fil-baħar minn dawk l-inħawi?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma llil-Onorevoli Interpellant li diġa hemm numru ta' sinjali fil-post u dawn juri biċ-ċar li huwa perikoluż li tersaq ħdejn it-tarf tal-irdum. Ir-ritratti qed inpoġġihom fuq il-mejda tal-kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid għaliex parti minn Triq l-Imġarr fix-Xewkija kellha tinqala’ biex tħaffret trinka tal-Water Services Corporation meta din it-triq kienet għadha kemm tlestiet ftit tas-snin ilu? Seta’ dan ix-xogħol ġie evitat u t-trinka ssir f’post ieħor? Jekk le, ma setgħux intużaw l-istess trinek li kienu saru fl-istess triq meta din kienet qed tiġi mibnija mill-ġdid b’fondi tal-Unjoni Ewropeja?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi il-Mistoqsija lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni li jitlesta l-bini tad-Dar tal-Anzjani f'Għawdex u meta hu mistenni (xahar u sena) li din il-binja tibda tilqa' fiha l-ewwel anzjani?
Response (REFALO, ANTON)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dan il-Ministeru se jkun qed jagħmel dak kollu meħtieġ sabiex din id-Dar tinbena u tinfetaħ fil-futur qarib.
Jista' l-Ministru jikkonferma jew le jekk il-Gvern hux jikkunsidra li r-responsabilità tad-Dar tal-Anzjani f'Għawdex hiex se tiġi taqa' taħt is-Segretarjat responsabbli mill-Anzjanità Attiva fi ħdan il-Ministeru għall-Familja u s-Solidarjeta Soċjali?
Jista' l-Ministru jindika meta mistenni jibda x-xogħol fuq il-pixxina f'Għawdex, liema pixxina tista' tkun ta' benefiċċju mhux biss għall-pubbliku inġenerali iżda wkoll għall-isportivi kif ukoll għall-persuni b'diżabilità?
Response (REFALO, ANTON)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dan il-Ministeru għandu l-objettiv illi jara illi din il-Pixxina, li ilha tant tiġi mwegħda minn Gvernijiet Nazzjonalisti, issir realta’ fil-futur qarib.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid kemm hu stmat li se tkun tammonta l-ispiża tal-ħatriet fuq dawn il-bordijiet, separatament, matul is-sena 2015?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għal mistoqsija Nru 19719.
L-ispiża fuq il-bord tal- Gozo Channel Company Ltd hija stmata li ser tammonta għal €49,200 għas-sena 2015.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 12078, liema mistoqsija ġiet mwieġba fit-12 ta Novembru 2014 u fit-tweġiba kien intqal li saret applikazzjoni mal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar il-bini ta' Qorti ġdida f'Għawdex u sa dakinhar kien sar is-site selection exercise konness ma' din l-applikazzjoni, jista' l-Ministru jgħid xi żviluppi kien hemm dwar dan il-proġett minn dakinhar 'l hawn?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi wara t-tlestija tas-site selection exercise tkompla l-proċess ta’ assessjoni tad-disinni l-ġodda mal-Mepa. In-numru tal-PA number relattiv huwa PA3790/08.
Jista' l-Ministru jgħid f'termini ta' kilometri, kemm toroq ingħataw wiċċ ġdid ta' tarmak mill-Ministeru għal Għawdex matul is-sena 2015? Jista' jelenka lista ta' toroq involuti?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar peress illi l-ammont ta toroq li dan il-Gvern qiegħed jittakilja f’ Għawdex huwa wieħed konsiderevoli meta pparagunat mas-snin ta Gvernijiet Nazzjonalisti.
l-informazzjoni ddettaljata għaldaqstant se tingħata f’ xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess biex jitpoġġa t-tieni fibre optic cable bejn Malta u Għawdex? Jista' jgħid meta se jkun tpoġġa u jibda jitħaddem dan it-tieni fibre optic cable? Kemm hija maħsuba li se tkun l-ispiża totali għal dan il-cable?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.
Studenti Għawdxin — akkomodazzjoni fl-inħawi tal-Università u MCAST
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu għamilx studju dwar kemm qed iħallsu l-istudenti Għawdxin li jistudjaw f'Malta biex jikru akkomodazzjoni fl-inħawi tal-Università jew fl-inħawi tal-MCAST? Jekk iva, x'irriżulta? Jekk qatt ma sar dan it-tip ta' studju, jaħsibx li wasal iż-żmien li jsir biex jiġi determinat jekk hemmx bżonn passi li jittieħdu passi biex jgħinu lil dawn l-istudenti Għawdxin?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-istudenti Għawdxin li jsegwu korsijiet privati f'Malta u ċjoè li jsegwu korsijiet terzjarji li jkunu offruti minn entitajiet privati, ma jingħatawx il-grant ta' studenti Għawdxin li jistudjaw f'Malta u dan meta dawn l-istudenti ma jkunux qed jirċievu stipendju u saħansitra jkunu qed iħallsu għall-korsijiet tagħhom? Jista' jara li dawn l-istudenti jingħataw il-grant li tingħata lill-istudenti sħabhom Għawdxin li jistudjaw f''Malta?
Response (REFALO, ANTON)
Ninsab infurmat li l-istudenti Għawdxin li jsegwu korsijiet privati f’Malta u li bħalhom ma jingħatawx ġewwa Għawdex, jistgħu japplikaw għall-grant ta’ €489.15 għal kull sena akkademika. Din il-grant tingħata fi tliet pagamenti ta’ €163.05 kull tlitt xhur. Bħalissa m’hemmx applikazzjonijiet pendenti.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru, inkluż id-dipartmenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, għamlux użu u/jew qegħdin jagħmlu użu mis-servizzi tal-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament mid-9 ta’ Marzu 2013 sad-data li fiha qed issir din il-mistoqsija parlamentari? Jekk iva, jista’ jgħid jekk dan is-servizz ingħatax b’tender, b’direct order jew b’kwotazzjoni? Jista’ jgħid kemm-il quote jew direct order inħarġu f’dan il-perjodu u jgħid kemm kien il-valur ta’ kull quote jew direct order inkluż liema dipartiment jew entità talbet dawn il-quotes jew ħarġet dawn id-direct orders? Jista’ jgħid kemm huwa l-ammont komplessiv li tħallas s’issa u kemm għad fadal biex jitħallas?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li fil-perjodu imsemmi, il-Ministeru għal Għawdex, inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ma għamlux użu jew qegħdin jużaw is-servizzi tal-kumpanija msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Gvern għadux bil-ħsieb li jintroduċi servizz veloċi bil-baħar bejn Għawdex u l-viċinanzi tal-Belt Valletta? Jekk fl-affermattiv, jista' jaġġorna lill-Kamra bl-inizjattivi li ttieħdu biex dan is-servizz jiġi mplimentat?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-gvern hu kommess illi jesplora l-possibiltajiet kollha sabiex iżid l-aċċessibilta ta’ Għawdex.