Legislature:
Category:
Reset
Active:

Toroq residenzjali — xogħlijiet

Question

Peress illi f' laqgħa ta' djalogu “'Gvern li jisma'”, il-Ministru ma għamel l-ebda referenza dwar bini mill-ġdid kif ukoll kisi bit-tarmak ta' toroq residenzjali, jista’ l-Ministru jgħid liema toroq residenzjali se jsir xogħol fihom minn Transport Malta fix-xhur li ġejjin li ma kenux mibdija jew inklużi fil-programm ta' xogħlijiet mill-gvern preċedenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-programm ta’ toroq huwa wieħed dinamiku li jinbidel skont il-prijoritajiet. Din is-sena hemm pjan li jsiru 40 triq, fosthom it-toroq problematiċi li tħallew lura mill-amministrazzjoni preċedenti.

Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni — proġetti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema proġetti sar/qed isir ix-xogħol fuqhom mill-ħaddiema tal-Gvern li jaqgħu taħt id-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni mit-12 ta' Marzu 2013 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ma nistax nifhem kif l-Onor. Interpellant li ilu jaħdem għal diversi snin bħala Senior Architect fid-Dipartiment li jaqa’ taħt il-Ministeru li tiegħu jien responsabbli, ma jafx li d-Dipartiment tal-Kostruzzjoni u Manutenzjoni fi ħdan il-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura, ma kienx jeżisti fil-perjodu msemmi. Ukoll ma nistax nifhem, kif l-Onorevoli Interpellant ma jafx li d-Dipartiment imsemmi waqaf milli jiffunzjona meta tqis li dan seħħ taħt l-amministrazzjoni preċedenti. Il-fatt li l-istess Onorevoli Interpellant, huwa l-kelliem ewlieni għall-Oppożizzjoni fuq dan il-qasam, ma tantx jirrifletti tajjeb fuq l-Oppożizzjoni li l-għan tagħha għandu jkun li tkun kostruttiva fil-kritika taghha u mhux li tostakola lill-Gvern milli jwettaq il-programm tiegħu fl-interess tal-poplu Malti u Għawdxi kollu.

Tħaffir għaż-Żejt – Oil Rig

Question

B'referenza għat-tweġiba li l-Ministru ta għall-mistoqsija parlamentari 7594, jista’ l-Ministru jippubblika l-istudju 'Report of Major Hazards' u 'Emergency Response Plans' relatati mat-tħaffir għaż-żejt li għandu jsir f'area 4 ftit tax-xhur oħra?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont il-kuntratt li l-Gvern għandu ma' Phoenicia Energy u Melita Exploration, dokumenti marbuta mal-bir huma meqjusa bħala kunfidenzjali u għalhekk il-Gvern ma jistax jippubblika dawn id-dokumenti.

Pont bejn Malta u Għawdex — studju

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal l-istudju li qed isir minn kumpanija Ċiniża dwar il-pont bejn Malta u Għawdex?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-gvern għaddej bl-istudji tiegħu dwar kif tista’ ssir link permanenti bejn Malta u Għawdex u meta jkun il-waqt dan il-gvern jinforma lil din il-Kamra u lill- pubbliku bil-konklużjonijiet tal-istudji li qed isiru biex jittejjeb is-servizz bejn iż-żewġ gżejjer.

Mina bejn Malta u Għawdex – feasibility study

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-full feasibility study fuq il-possibilità ta’ mina taħt il-baħar bejn Malta u Għawdex wara li aktar minn sentejn ilu kien ġie konkluż il-pre-feasibility study fuq l-istess mina?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 9043.

Trasport Pubbliku — passiġġieri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-passiġġieri li użaw it-trasport pubbliku xahar b’xahar mill-1 ta’ Jannar 2013 sat-28 ta Frar 2014?

Response (MIZZI, JOE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba hekk kif provduta mill-operatur tat-trasport pubbliku.

Nollijiet tal-operatur tas-servizz pubbliku

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien id-dħul min-nollijiet xahar b’xahar għall-operatur tas-servizz pubbliku mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2013?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont informazzjoni pprovduta mill-Operatur tat-Trasport Pubbliku, id-dħul min-nollijiet xahar b’xahar għas-sena 2013 kien hekk kif muri fit-tabella t’hawn taħt: Xahar Dħul Jannar €1,460,099 Frar €1,475,167 Marzu €1,638,568 April €1,952,564 Mejju €2,058,295 Gunju €2,150,358 Lulju €2,438,553 Awwissu €2,486,079 Settembru €2,171,748 Ottubru €2,207,080 Novembru €1,678,411 Dicembru €1,510,076

Malta Transport Services Ltd — nollijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien id-dħul min-nollijiet xahar b’xahar għal Malta Transport Services Ltd minn meta ħadet l-operat tat-trasport pubbliku sal-ġurnata meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni dwar id-dħul min-nollijiet kif ipprovduta mill-Operatur tat-Trasport Pubbliku huwa kif ġej; Xahar Dħul (minbarra s-sussidju) Jannar 2014 € 1,379,728 Frar 2014 € 1,333,142 Marzu 2014 € 1,572,300 Total € 4,285,170 Il-figura tad-dħul ta’ Jannar tinkludi l-bejgħ ta’ biljetti li sar fl-1 ta’ Jannar 2014, jiġifieri ġurnata qabel ma’ l-Gvern ħa f’idu is-servizz tat-trasport pubbliku. Id-dħul mill-bejgħ ta’ biljetti li sar f’din il-ġurnata huwa stmat li kien jammonta għal €28,000. L-ammont ta’ bejgħ ta’ biljetti għal Marzu hekk kif indikat fit-tabella t’hawn fuq huwa proviżorju minħabba li l-figuri għadhom qed jiġu rikonċiljati mill-Operatur tat-Trasport Pubbliku.

Servizz tat-trasport pubbliku – kumpaniji

Question

Peress illi f'laqgħa ta' djalogu “Gvern li jisma'”, il-Ministru ftaħar illi hemm ħafna kumpaniji interessati li jieħdu f' idejhom il-provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku, jista’ l-Ministru jkun konkret fi kliemu u jgħid min huma dawn il-kumpaniji?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi b'kollox kien hemm 15-il entità jew rappreżentanti tagħhom, li kienu kemm Maltin kif ukoll barranin, illi wara li ħarġet is-sejħa għall-interess, issottomettew id-dettalji tagħhom skont kif mitlub fl-istess sejħa. Dan sabiex Transport Malta tkun tista żżommhom aġġornati bi kwalunkwe żvilupp dwar din is-sejħa u sabiex ikunu jistgħu jingħataw risposti għall-kjarifiki li setgħu jiġu mressqa minnhom stess.

Servizz tat-trasport pubbliku — Talbiet għall-kjarifiki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kumpanija kien hemm li għamlet talba għal kjarifika fil-konfront tal-expression of interest li ħareġ il-gvern għall-provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku? Kemm minn dawn it-talbiet għall-kjarifiki ġew imwieġba mill-Gvern? Jekk għad hemm talbiet għall-kjarifiki li għadhom mhux imwieġba, x' inhi r-raġuni li l-Gvern għadu ma weġibhomx?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li kien hemm għaxar entitajiet li għamlu talbiet għal kjarifiki fil-konfront tal-Expression of Interest li ħarget Transport Malta għall-provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku. Infurmat ukoll illi it-talbiet għal kjarifiki li waslu għand Transport Malta sal-14 ta’ Marzu 2014 li kienet id-data tal-għeluq għal tali talbiet, ġew mwieġba kollha sal-24 ta’ Marzu 2014.

Is-Siġġiewi — xogħlijiet

Question

B’ referenza għall-mistoqsija parlamentari 6775, jista’ l-Ministru jgħid x’talbiet sarulu mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi wara l-laqgħat li kellhom? Liema talbiet fi ħsiebu jwettaq il-Ministru?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 8836.

Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura — PR u media events – nefqa totali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid mill-10 ta' Marzu 2013 sal-lum xahar b’xahar, kemm ġew organizzati PR u media events mill-Uffiċċju tiegħu? Kemm kienet l-ispiża ta’ kull attività? Kemm kienet in-nefqa fuq backdrops, dawl, sound u faċilitajiet oħra awdjoviżivi? Kemm kienet in-nefqa fuq disinn u stampar ta' materjal? Kemm kienet in-nefqa totali ta’ dawn l-attivitajiet? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq dawn l-attivitajiet? Dawn intgħażlu wara sejħa pubblika?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu li qed jagħmel referenza għalih saru 24 Media / PR Events li swew medja ta’ €200 kull wieħed. Ix-xogħol relatat magħhom ingħata skont il-proċeduri tal-procurement tal-Gvern.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — xogħlijiet lill-kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn l-2011 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ingħata ebda xogħol lill-kumpanija li d-dettalji tagħha ingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi bejn l-2011 u Marzu 2013.

Ħal Qormi – proġett kontra l-għargħar

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6772 jista’ l-Ministru jgħid jekk il-proġett kontra l-ilma tal-għargħar f’Ħal Qormi għadux mistenni li jitlesta sa nofs din is-sena?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ix-xogħol fuq il-kuntratt prinċipali tal-proġett kontra l-għargħar f’Ħal-Qormi hu miexi b’ritmu tajjeb u jekk ma jkunx hemm ċirkustanzi imprevisti jew maltemp se jitlesta bejn Lulju u Awwissu ta’ din is-sena.

Ħal Qormi – xogħlijiet

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6773, jista’ l-Ministru jgħid b’mod konkret liema huwa x-xogħol li huwa ppjanat li jsir mill-Ministeru tiegħu f’Ħal Qormi nkluż toroq, bankini, culverts u xogħol ieħor infrastrutturali jew marbut ma’ trasport u sigurtà fit-trasport? Meta huwa ppjanat li jsir dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6773.

Ħal Qormi — xogħlijiet

Question

B’ referenza għall-mistoqsija parlamentari 6773, jista’ l-Ministru jgħid x’talbiet sarulu mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi - wara l-laqgħat li kellhom? Liema talbiet fi ħsiebu jwettaq il-Ministru?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-Kunsill Lokali primarjament għamel talbiet li jikkonċernaw manutenzjoni u titjib fl-infrastruttura. Dawn it-tip ta’ xogħlijiet jitwettqu b’mod regolari b’konsultazzjoni mal-Kunsill Lokali konċernat skont l-urġenza ta’ kull biċċa xogħol partikolari kif ukoll skont il-prijoritajiet.

Ħal Luqa — xogħlijiet

Question

B’ referenza għall-mistoqsija parlamentari 6774, jista’ l-Ministru jgħid b’mod konkret liema huwa x-xogħol li huwa ppjanat li jsir mill-Ministeru tiegħu f’Ħal Luqa nkluż toroq, bankini, culverts u xogħol ieħor infrastrutturali jew marbut ma’ trasport u sigurtà fit-trasport? Meta huwa ppjanat li jsir dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6773.

Ħal Luqa — xogħlijiet

Question

B’ referenza ghal-mistoqsija parlamentari 6774 jista’ l-Ministru jgħid x’talbiet sarulu mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Luqa wara l-laqgħat li kellhom? Liema talbiet fi ħsiebu jwettaq il-Ministru?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 8836.

Is-Siġġiewi — xogħlijiet

Question

B’ referenza għall-mistoqsija parlamentari 6775, jista’ l-Ministru jgħid b’mod konkret liema huwa x-xogħol li huwa ppjanat li jsir mill-Ministeru tiegħu fis-Siġġiewi inkluż toroq, bankini, culverts u xogħol ieħor infrastrutturali jew marbut ma’ trasport u sigurtà fit-trasport? Meta huwa ppjanat li jsir dan ix-xogħol?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 6773.

Kumpanija tat-trasport pubbliku — supervisors

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li hemm supervisors li kienu mal-kumpanija Arriva u issa qegħdin mal-kumpannija li qed tmexxi t-trasport li ma jafux jiktbu u jaqraw b'konsegwenza li ma jistgħux jagħmlu xogħlhom sew?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba l-fatt li ma tinżammx din it-tip ta’ informazzjoni fuq il-ħaddiema imsemmija, għaddejt is-suġġeriment lill- Malta Public Transport Services Ltd. sabiex janalizzaw din is-sitwazzjoni.