B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 629, jista’ l-Ministru jagħti d-data ta’ meta l-proċess bis-sistema ġdida tal-IT għall-Uffiċċju tal-Kartuna s-Safra, liema proċess kien beda taħt l-amministrazzjoni preċedenti, se jkun qed jiffunzjona?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess għax-xiri ta’ sistema ġdida tal-IT għall-Uffiċċju tal-Kartuna s-Safra, qied fil-proċess tal-evalwazzjoni. Qabel ma jingħalaq dan il-proċess, mhux possibbli li tingħata aktar informazzjoni dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett.
Jista' l-Ministru jara u jispjega għala kien hemm ħafna nies imsejħin biex jitteħdilhom test tad-demm nhar is-Sibt 20 ta’ April fl-out patients fl-Isptar Mater Dei fis-7.00 a.m. u li iżda dan itteħdilhom wara l-10.00 a.m., meta ħafna minnhom kienu anzjani u li kienu ilhom sajmin mil-lejl ta’ qabel u li għalhekk ġiet kaġunata tbatija bla bżonn?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li fil-ġurnata msemmija ma kienx hemm sitwazzjoni ta’ persuni li ssejħu għat-test tad-demm fl-outpatients fl-Isptar Mater Dei u li tħallew jistennew sa wara l-għaxra ta’ filgħodu.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill-2004 sal-lum? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Operazzjoni tan-knee replacement – każ ta’ individwu
Question
Minħabba li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament għandha bżonn urġenti ta’ operazzjoni ta’ knee replacement u m’għandhiex il-mezzi finanzjarji biex tkun tista’ tagħmel dan privatament, jista’ l-Ministru jagħti indikazzjoni ta’ meta din il-persuna tkun tista’ ssirilha l-imsemmija operazzjoni?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-każ qiegħed jiġi segwit minn persuni responsabli mid-dipartiment għas-saħħa.
Jista' l-Ministru jgħid x`inhi r-raġuni li s-servizz ta’ emerġenza li kien jingħata mill-privat fi tmiem il-ġimgħa twaqqaf ħesrem? Peress li qabel l-elezzjoni l-Gvern Laburista kien wieħed li se jkompli jsaħħaħ u saħansitra jifrex aktar il-programmi ta’ public private partnerships fil-qasam tas-saħħa, kif jispjega dan il-pass meta tali miżura qed twassal sabiex titnaqqas l-aċċessibilità għas-servizzi tas-saħħa, filwaqt li tkompli żżid il-pressjoni fuq l-Isptar Mater Dei?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-mistoqsija parlamentari numru 1330, fejn ngħarrfu li ma kien hemm l-ebda tibdil f’din ir-risposta.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu numru ta’ pazjenti, xahar b`xahar, li għamlu użu mis-servizz ta’ emerġenza mogħti b’xejn mill-privat matul tmiem il-ġimgħa, minn meta dan beda sa meta twaqqaf? Kemm kienet l-ispiża għal dan is-servizz?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba
Jista' l-Ministru jgħid x’miżuri ittieħdu, jew se jittieħdu, sabiex id-Dipartiment tal-Emerġenza ġewwa l-Isptar Mater Dei jilqa’ għan-numru iżjed ta’ pazjenti li huma mistennija li jattendu f`dan id-dipartiment, wara li twaqqaf is-servizz mogħti mill-privat fi tmien il-ġimgħa?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ pazjenti li kienu qed jagħmlu użu mis-servizz li għalih ma ġġeddidtx il-kuntratt, qatt ma kellu impatt fuq is-servizz mogħti u għalhekk m’hemmx bżonn ta’ miżuri ġodda partikolari.
Ministeru tas-Saħħa — impjegati - lectures waqt il-ħin tax-xogħol
Question
Jista' l-Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari 404, u ċjoè jgħid jekk instabx mod kif tingħata l-informazzjoni mitluba dwar kemm hemm impjegati fil-Ministeru tiegħu li għandhom approvazzjoni sabiex jagħtu lectures waqt il-ħin tax-xogħol? Min huma u x'kariga jokkupaw dawn il-ħaddiema? Jista' jivverifika jekk l-istess uffiċjali humiex jitħallsu għal dawn il-lectures? B'liema rata u mingħand min?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mill-informazzjoni miġbura s’issa, hemm disa’ impjegati li jagħtu lectures, però persuna waħda tagħti dawn il-lectures waqt il-ħin tax-xogħol, meta ikun meħtieġ biss, mill-Università ta’ Malta. Il-ħaddiem konċernat huwa mħallas mill-istess Università.
B`referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 90, fejn il-Ministru indika li t-transfer policy tal-Ministeru tas-Saħħa hija approvata, u r-risposta għall-mistoqsija parlamentari 563, fejn il-Prim Ministru qal li t-transfer policy li qed tiġi emendata mill-PAHRO tikkonċerna ħaddiema Għawdxin, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-transfer policy attwali li qed tintuża mill-ministeru tiegħu sabiex isiru t-transfers?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforna lill- Onerevoli Interpellant li t-transfer policy għada ma ġietx pubblikata u implementata. Il-policy fil-preżent hija bħalma kienet fil-passat u tigwida lil management li jagħmel transferiment skont l-eżiġenzi tas-servizz.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhu s-substantive grade tal-persuni li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, li huma impjegati fis-segretarjat tiegħu? X’inhi r-raġuni li l-kuntratti ta’ dawn il-ħaddiema mas-segretarjat għadhom ma ġewx konklużi? X’inhi l-paga, inkluż allowances, premiums, overtime eċċ., li kull wieħed minnhom qed jirċievi?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellent li l-persuni msemmija ma jibbenefikaw mill-ebda overtime u baqgħu jitħallsu skont is-substantive grade tagħhom.
L-
allowance
li jieħdu tax-xogħol extra li jaħmlu fis-segretarjat huma skond il-linji gwida għall-impjegati tal-ministeri u segretarjat parlamentari.
Kopja ta’ dawn il-linji gwida kienu tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra f’seduta preċedenti.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 353 u jgħid min huma l-konsulenti (inkluż persons of trust) li qegħdin jagħtu kontribut fid-dekasteru tiegħu? X’terms of reference għandhom għall-ħidma tagħhom fil-Ministeru? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti jew appointment letters fejn dawn diġà ġew iffirmati?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onor. Interpellant, li preżentament m'hemm l-ebda konsulent ingaġġat mal-Ministeru tas-Saħħa.
Ministeru għas-Saħħa — Impjegati minn barra s-Servizz Pubbliku
Question
Peress li għall-mistoqsijiet parlamentari 736 li saret fis-26 ta' April 2013 u 1616 li saret fil-15 ta’ Mejju 2013 dwar impjegati fis-segretarjat tal-Ministeru li huma minn barra s-Servizz Pubbliku l-Ministru rreferieni għar-risposta ta’ mistoqsija parlamentari 63 u d-dokumenti relatati li tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra, u peress li minn dan it-tagħrif ma joħroġx it-tagħrif mitlub, u ċjoè kemm hu n-numru tal-individwi impjegati minn barra s-servizz pubbliku u jekk dawn kenux jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ (ETC), jista’ issa l-Ministru jwieġeb din il-parti tal-mistoqsija?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li 3 mill-impjegati fis-segretarjat kienu jirreġistraw għax-xogħol mill-ETC
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2288 u jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Gvern għal xiri ta' oqbra dan għaliex qabel l-elezzjoni tal-2008 persuni ntalbu jekk hux interessati u fl-2013 talbuhom iħallsu €2,500? Fiex wasal ix-xogħol? Jista' dan l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament jiġi kkuntatjat biex ikun jaf eżatt x'għandu jagħmel?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent għaddejjin fuq ġbir ta’ informazzjoni fuq dak li kien sar qabel kif ukoll ninsabu f’kuntatt mal-MEPA rigward il-permessi meħtieġa. Qed jiġi wkoll studjat tender li kien għalaq f’Ottubru tal-2012.
Jista' l-Ministru jgħid jekk mal-ħatra tiegħu kellux inventarju ta' x'suppost kien hemm fil-Ministeru? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid jekk ġiex konfermat li dak kollu mniżżel fl-inventarju instabx? Jekk kien hemm xi nuqqasijiet, jista' jgħid jekk ittieħditx xi azzjoni, u x'inhi din l-azzjoni?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mal-ħatra tiegħi fil-Ministeru, ġie preżentat liċ-Chief of staff inventarju ta’ l-affarijiet li kien hemm fil-Ministeru għas-saħħa, li jinsab 15, Triq Merkanti l-Belt Valletta.
Allied Health Care Professionals — postgraduate courses
Question
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' allied health care professionals li jaħdmu mal-Gvern u li bħalissa qed jattendu xi tip ta' postgraduate course f'Malta jew barra? F'liema speċjalizzazzjonijiet u fejn qed jistudjaw, u kemm hu t-tul tal-korsijiet li qed jattendu?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li hemm 98 Professjonisti – Allied Health Professionals, Scientific Officers and Psychologists li jaħdmu mal-Ministeru għas-Saħħa u li bħalissa qed jattendu xi tip ta' postgraduate course f'Malta jew barra.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni msemmija.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbeda l-proċess sabiex, hekk kif kien imwiegħed lilhom qabel l-elezzjoni, il-care workers ingaġġati mill-kuntrattur fid-diversi organizzazzjonijiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru tas-Saħħa, jingħataw impjieg fiss mas-servizz pubbliku? Xi proċess se jintuża? Se joħorġu xi sejħiet għall-ingaġġ? Min se jkun eliġibbli? Kemm hu stmat li jiġu ingaġġati care workers?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant lil l-care workers, bħal kategoriji oħra ta’ ħaddiema, spiss kienu u qed jiġu imħaddma taħt kondizzjonijiet ta’ xogħol prekarju. Il-Ministeru tiegħi qed jaħdem mill-qrib mal-Gvern biex dawn il-ħaddiema ikollhom kundizzjonijiet ta’ xogħol li mhux biss ikun xieraq iżda ukoll dinjituż.
Jistà l-Ministru jgħid jekk tnaqqsux xi security officers mill-parkeġġi tal-Isptar Mater Dei? Jista’ jgħid jekk humiex qed jitħallew vetturi bla permess jipparkjaw fil-parkeġġ tal-konsulenti fl-Isptar Mater Dei, tant li diversi konsulenti mhumiex qed isibu fejn jipparkjaw il-vettura tagħhom?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li ma’tnaqqsux Security Officers mill-parkeġġ tal-Isptar Mater Dei, infurmat ukoll li vetturi li jipparkjaw bla permess fil-parkeġġ tal-kunsulenti, jiġu mmultati.
Jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandhom l-awtoritajiet tal-Isptar Mater Dei rigward is-security officers ingaġġati mill-kuntrattur li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei? Jista’ jikkonferma li is-security officers se jitnaqqsu bin-nofs?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li huwa fil-kompitu tal-awtoritajiet tal-Isptar Mater Dei sabiex jaraw li s-servizz tas-security officers tal-kuntrattur jingħata bl-aħjar servizz u ta’valur għal flus imħallsa.
Jistà l-Ministru jgħid liema huma dawk il-karigi, taħt il-ministeru, dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħtu, li skond il-kuntratt marbut ma’ tali kariga, huma intitolati għall-fully expensed car u kemm hu l-ammont ta’ fuel li jistà jiġi kkunsmat kull xahar? Kemm hemm uffiċjali li għażlu li jieħdu l-allowance relattiv, u kemm hu dan l-allowance f`kull każ?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant tingħata f’xi seduta oħra.
Jistà l-Ministru jgħid liema huma dawk il-karigi, taħt il-ministeru, dipartimenti jew entitajiet li jaqgħu taħtu, li skond il-kuntratt marbut ma tali kariga, huma intitolati għall-servizz ta’ xufier?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li serviżż ta’ xufier jingħata lis-Segretarju Permanenti u Kap tad-Dipartimenti skont it-tieni Skeda tal- Att dwar l-Amministrazzjoni Pubblika skont il-ħtieġa u kif stipulat fil-‘Manual on Allowances Payable to Public Officers’ maħruġ mid-Dipartiment tal-Employee Relations fi ħdan l-Uffiċċju tal-Prim Ministru.