B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 995, tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar liema huma l-kategoriji ta’ applikazzjonijiet li taħthom huma maqsuma t-3,003 applikazzjoni indikati? Tista’ tagħti tagħrif dwar kif, skont il-kategorija tal-applikazzjoni, huma maqsuma l-applikanti, raħal b’raħal?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sallum l-Awtorità tad-Djar għandha 3,186 applikazzjoni għall-akkommodazzjoni alternattiva. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument li juri l-applikazzjonijiet u l-kategoriji kif inhuma mqassmin raħal b’raħal.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3511, tista’ l-Ministru tagħti tagħrif dwar x’kienu l-istqarrijiet li saru s’issa biex l-anzjani jkollhom 300 sodda oħra, provduti mill-privat, biex ikunu jistgħu jinqdew il-ħtiġijiet tal-anzjani?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant għall-istqarrija maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni bin-numru ta’ referenza 1575, li kopja tagħha qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra..
Ministeru għas-Saħħa — Korrimenti fuq il-post tax-xogħol
Question
Tista’ l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 3226 li oriġinarjament saret lill-Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u tgħid kemm kien hemm każijiet ta’ korriment fuq il-post tax-xogħol fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru għas-Saħħa matul l-2010, 2011, 2012 u 2013?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tara li l-Awtorità tad-Djar tagħmel kuntatt mal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li għandha problema fir-residenza fejn tgħix?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi dan ix-xogħol kien fost tmien xogħlijiet differenti li kellhom isiru min kuntrattur u li ngħataw lilu permezz ta’ ħruġ ta’ quotation. Sfortunatament ix-xogħol meħtieġ f’din ir-residenza ma sarx,. Għalhekk, l-Awtorità se ssib kuntrattur ieħor sabiex jagħmel it-tiswijiet neċessarji mill-aktar fis.
Tista’ l-Ministru tara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament peress li jgħix ġo post li huwa overcrowded u jekk din il-problema titqies bħala waħda ta’ prijorità, tingħata preċedenza?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanta in kwestjoni applikat għall-akkommodazzjoni alternattiva nhar is-27 ta’ Lulju, 2001. L-applikazzjoni tagħha qegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa flimkien mal-applikazzjonijiet tal-istess kategorija.
Residenza San Vinċenz de Paul – ħidma tas-Segretarju Parlamentari u deputat Laburista
Question
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamenti 542, 1500, 2892, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-guidelines li jirregolaw il-ħidma u l-operat tas-Segretarju Parlamentari għall-Anzjani u tad-Deputat Laburista li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, li ngħata inkarigu fir-Residenza San Vinċenz de Paul u fetaħ uffiċċju f’din ir-Residenza? Tista’ tgħid ukoll xi ħlas u benefiċċji għandu d-Deputat għal din il-ħidma? Qed jingħata karozza għall-użu uffiċjali u/jew personali? Jekk iva, jista' jgħid x’tip ta’ karozza, minn fejn qed tinkera, b’liema rata u ħarġitx sejħa għall-kiri ta’ din il-karozza?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferri għat-tweġibiet li ngħataw fil-mistoqsijiet parlamentari 2543, 2544 u 2892.
Awtorità tad-Djar – kera tal-post tal-Multiple Sclerosis Society of Malta
Question
Tista’ l-Ministru tikkonferma jekk l-Awtorità tad-Djar hijiex se żżomm mal-impenn li kienet għamlet mal-Multiple Sclerosis Society of Malta li t-18-il xahar kera li kienu tħallsu mis-soċjetà qabel mal-post kien jista’ jintuża se jkunu kkunsidrati bħala credit għal kera dovuta mid-data ta’ meta beda jintuża l-post ’il quddiem?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorita’ tad-Djar ser iżżomm mal-impenn li kienet għamlet mal-Multiple Sclerosis Society permezz tal-ittra datata 2 ta’ Novembru 2012 fejn ġew eċentati li jħallsu l-kera temporanjament sakemm il-post 17, Ent 198, Triq il-Wied, Msida, ikun adekwat biex jintuża.
Oltre dan l-Awtorita’qiegħda ukoll tapprova li l-kera terġa’ tibda titħallas fid-29 t’April 2014.
Djar tal-Anzjani — Applikazzjonijiet minn persuni Għawdxin
Question
B’referenza għar-rapport preliminarju maħruġ mill-NSO Census of population and housing 2011 li ġie ppubblikat fl-2012, l-istatistika ppubblikata f’dan ir-rapport turi li minn popolazzjoni ta’ 416,055 persuna, 8,710 persuna jgħixu f’arranġamenti fejn il-maġġor parti tagħhom huma djar tal-anzjani, tista’ l-Ministru tagħti lista kemm minn dawn it-8,710 persuna huma Għawdxin, kemm hemm bħalissa applikazzjonijiet pendenti ta’ residenti Għawdxin li jridu jmorru jgħixu fi djar tal-anzjani u kemm minn dawn ilhom pendenti? Tista’ tgħid jekk hemmx xi pjanijiet sabiex anzjani Għawdxin ikollhom residenza simili ġewwa Għawdex?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jindirizza l-mistoqsija lill-Ministru/i konċernat/i, f’dan il-każ lill-Ministru għall-Għawdex u lill-Ministru tas-Saħħa.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern hux se jkompli bil-pjanijiet tal-Gvern preċedenti u jiżviluppa Flamini House, li hija proprjetà tal-Gvern u li tinsab fil-Pjazza ta’ Raħal Ġdid, bħala dar għall-anzjani? Huwa minnu li l-Gvern għandu ħsieb li jgħaddi din id-dar lil xi għaqda/entità partikolari f’Raħal Ġdid għal skopijiet oħra, u mhux biex tintuża bħala dar għall-anzjani?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern qiegħed jevalwa l-pjani għal din id-dar.
Tista’ l-Ministru tgħid kemm-il darba ltaqa’ mill-elezzjoni 'l hawn il-Kumitat dwar il-Heatwave? Jekk iva, meta saret kull laqgħa u min kien preżenti għal kull laqgħa?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumitat ad hoc tal-heatwave ma ltaqax mill-25 ta’ Lulju, 2012. Madankollu, il-Ministeru jinsab lest għal kull kontinġenza, inkluża dik ta’ heat waves.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk fil-Blokka Ġwanni Pawlu 2 fir-Residenza San Vinċenz de Paul hemmx xi apparat tar-reverse osmosis bil-ħsara? Jekk iva, kemm ilu bil-ħsara dan l-apparat?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-apparat tar-reverse osmosis fi Blokka Gwanni Pawlu 2 twaqqaf meta bħala Segretarju Parlamentari responsabbli għall-Kura tal-Anzjani, huwa kien politikament responsabbli mir-Residenza San Vinċenz de Paul.
Infakkru li dan l-impjant twaqqaf fid-19 ta’ Settembru 2012 wara konsultazzjoni mas-Segretarjat tiegħu biex isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni wara li kienu nstabu diversi tipi ta’ mikrobi fis-sistema. Għalkemm inġiebu diversi kumpaniji privati u kompetenti biex isir tali tindif. Minkejja li kienu nbidlu kemm it-tankijiet, il-membranes tal-filter, u ngħata trattament bil-UV Light fejn kien indikat, xorta baqgħet il-problema bil-mikrobi, fosthom Coliforms, E.Coli, Legionella, Enterococci u Pseudomonas aeuruginosa.
Tajjeb li l-Onorevoli Interpellant ikun informat li l-ilma li jissupplixxi lis-swali f’San Vinċenz de Paul qiegħed jiġi ttestjat minn kumpaniji kompetenti u approvati biex isiru t-testijiet b’mod regolari u serji. Jirriżulta li l-ilma huwa tajjeb għax-xorb u mingħajr riskju.
Ċerta li l-Onor. Interpellant ikun jaf li wara żjara għall-għarrieda mill-ħaddiema tas-saħħa pubblika, dawn kienu impressjonti ħafna bil-progress li sar. Dan huwa proċess kontinwu biex jitjieb is-servizz.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni għaliex qed jinqata' l-benefiċċju soċjali ta' spiss lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, għalkemm tbati minn kondizzjoni?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-benefiċċju tal-persuna indikata minnu, li ġie nieqes fid-29 ta' Ġunju 2013, twaqqaf peress li l-mara tiegħu taħdem full-time.
Tista' l-Ministru tgħid jekk il-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament tistax tixtri l-post li tgħix fih? Jekk fl-affermattiv, tista' tintbagħat informazzjoni dwar xi kemm tista' tkun it-talba għax-xiri ta' dan il-post?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li r-residenza li fiha tgħix il-persuna li għaliha qed issir referenza hija dar u għalhekk ma tistax tinbiegħ għaliex l-iskema teskludi l-bejgħ ta’ djar.
Peress li wara appell quddiem l-arbitru ġie deċiż li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament kellha raġun, tista' l-Ministru tgħid meta taħseb li se tirċievi dan il-benefiċċju?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu ġiet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha.
Wara li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament applikat sabiex tixtri l-post li tgħix fih, tista' l-Ministru tgħid x'sar mill-każ tagħha?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanta ġiet nfurmata bil-miktub fit-22 ta’ April 2013 li l-applikazzjoni tagħha ma tistax tiġi pproċessata peress li l-Gvern mhux is-sid assolut ta’ din l-art. L-applikanta ingata lura wkoll l-ispejjeż li ħallset mal-applikazzjoni.
Tistà l-Ministru tgħid meta kienet l-aħħar darba li sar audit mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol fir-Residenza San Vinċenz de Paul u x'kien ir-rizultat ta' dan l-audit?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-OHSA jagħmlu diversi audits fis-sezzjonijiet differenti tar-Residenza San Vinċenz de Paul. L-aħħar audit sar f’Lulju li għadda tal-X-Ray Unit fejn kien rakkomandat li jsiru radiation dose survey kif ukoll acceptance test reports. Dawn l-esperti ġew ikkuntattjati biex jitħejja rapport.
Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — impjegati li qed isegwu kors l-Università
Question
Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati li jaħdmu fid-dipartimenti u l-uffiċċji kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha li qed jagħmlu kors l-università u/jew kors online ma' Università barranija (indikati separatament)? Tista’ tgħid liema korsijiet huma? Tista’ tgħid x’inhu l-grad ta’ kull impjegat u jekk id-dipartiment ikkonċernat hux qed jagħti xi għajnuna? Jekk fl-affermattiv, x’inhi din l-għajnuna?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista’ l-Ministru tara li tiġi kkuntatjata l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li tgħix ġo post ikkundannat u għandha bżonn post alternattiv?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-applikanta in kwestjoni ġiet infurmata fit-23 ta’ Awwissu 2013 li l-applikazzjonijiet tagħha qegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa flimkien mal-applikazzjonijiet tal-istess kategorija.
Tista’ l-Ministru tara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li kellha tirċievi sussidju mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (KNDP) imma s’issa għadha bla risposta?
Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-ammont intbagħat lill-persuna konċernat fid-19 ta' Lulju 2013.