Legislature:
Category:
Reset
Active:

Forti Sant Iermu u l-Mużew Militari –lapida kommemorattiva

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li uffiċċjal fil-Ministeru tiegħu kien involut f'argument ma uffiċċjal fil-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura dakinhar tal-inawgurazzjoni tal-proġett tar-Restawr tal-Forti Sant' Iermu u l-ftuħ tal-Mużew Militari dwar il-lapida li nkixfet u li allura ma ssemma mkien il-Ministru responsabbli mill-Kultura? Jista' jgħidilna jekk dan l-iżball mhux ser jiġi rranġat u jekk fl-affermattiv min ser ikopri l-ispejjeż?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onor. Interpellant għandu informazzjoni żbaljata.

International Museums Day

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna x'events organizzat Heritage Malta għal International Museums Day ta' din is sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li għall-International Museums Day Heritage Malta organizzat attività ta’ outreach iffukata fuq il-kommemorazzjoni tal-Assedju l-Kbir mar-residenti ta’ San Vinċenż De Paule. Din ġiet organizzata bil-kollaborazzjoni tal-ICOM Malta.

Heritage Malta – publikazzjonijiet

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16010, jista' l-Ministru jgħidilna għaliex f'dan il-każ, Heritage Malta ma segwietx poċedura interna HM 09 - 2014 maħruġa mis-CEO fejn tisħoq li "Any member of staff wishing to engage in other work (which may be considered as constituting conflict of interest), which necessarily has to take place beyond the normal working hours of the Agency, is required to submit a written request for clearance from the Agency to do so"?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li wara li ngħatat awtorizzazzjoni bil-fomm, bi żvista ma saritx talba formali bil-miktub.

PBS ––kelliema tal-Gvern u tal-Oppożizzjoni mistiedna fi programmi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid waqt il-programmi tal-Public Broadcasting Services minn Marzu 2013 salp-lum, kemm-il darba ġew mistiedna kelliema tal-Gvern u kemm-il darba ġew mistiedna kelliema tal-Oppożizzjoni? Jista’ jagħti l-informazzjoni xahar b’xahar mill-2013 sal-lum?

Response (BONNICI, OWEN)

Nixitieq ninforma lill-Onor. Interpellant li din l-informazzjoni kienet ġiet mogħtija f’risposta preċedenti għall-mistoqsija parlamentari 14091.

TVM – clips ta’ diskorsi tal-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppozzizzjoni waqt l-aħbarijiet

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista, xahar b’xahar, ta’ kemm-il darba ttieħdu clips tal-Prim Ministru fil-kariga kostituzzjonali tiegħu u bħala mexxej Laburista u tal-Kap tal-Oppożizzjoni fil-kariga tiegħu bħala Kap tal-Partit Nazzjonalista li xxandru fuq l-aħbarijiet tat-8p.m. tal-istazzjoni nazzjonali mill-10 ta’ Mejju 2013 sat-30 ta’ April 2015?

Response (BONNICI, OWEN)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm il-PBS dejjem iżżomm bilanċ fejn jidħlu clips ta’ diskorsi tal-mexxejja tal-Partiti, m’għandhiex għad-dispozizzjoni tagħha din l-istatistika. Il-PBS għandha fiduċja li l-Awtorità tax-Xandir tiġbor din l-istatistika mill-moniteraġġ li tagħmel tas-servizzi tal-aħbarijiet.

TVM – clips ta’ diskorsi tal-Ministri, Segretarji Parlamentari u Deputati tal-Gvern u tal-Oppozzizzjoni waqt l-aħbarijiet

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista, xahar b’xahar, ta’ kemm-il darba ttieħdu clips tal-Ministri, Segretarji Parlamentari, Deputati tal-Gvern u Deputati tal-Oppożizzjoni li xxandru fuq l-aħbarijiet tat-8p.m. tal-istazzjon nazzjonali mill-10 ta’ Mejju 2013 sat-30 ta’ April 2015?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta għal din il-mistoqsija ngħatat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari preċedenti 14090. Nixtieq ninfurmah li jekk qed jirreferi għar-rappurtaġġi tal-aħbarijiet dawn isiru skont il-valur tal-aħbar. Normalment lanqas jiġu rappurtati kelliema tal-Gvern iżda jiġu rappurtati meta jkun hemm valur ta’ aħbar. Il-PBS għandha fiduċja fl-Awtorità tax-Xandir li tiġbor din l-istatistika mill-moniteraġġ li tagħmel tas-servizzi tal-aħbarijiet.

PBS — Kariga ta’ inidividwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadux jokkupa l-pożizzjoni ta’ konsulent tal-Kap Eżekuttiv tal-PBS bħalma kienu infurmati l-impjegati permezz ta’ ittra mibgħuta lilhom jew jekk ingħatatx xi inkarigu ieħor? Kemm dam konsulent tal-Kap Eżekuttiv? Jekk m’għadux, x’kariga qed jokkupa bħalissa? X’kien il-pakkett ta’ ħlas inkluż il-perkaċċi, għaż-żewġ karigi? Xi proċedura ta’ ingaġġ ġiet segwita biex imtlew iż-żewġ karigi?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-persuna msemmija hija mpjegata mal-PBS fuq bażi ta’ ‘Contract For Service’ għal xogħol relatat mal-website. Ix-xogħol ta’ konsulenza lis-CEO li tingħata minn din il-persuna, m’hijix inkluża fil-kuntratt u għaldaqstant ma hemmx remunerazzjoni għaliha.

Kunsilli Lokali — skemi ta' finanzjamenti minn fondi speċjali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16169, jista’ l-Ministru jagħti l-elenku sħiħ ta’ skemi ta’ fondi speċjali għall-kunsilli lokali li fadal applikazzjonijiet pendenti (li l-applikazzjonijiet għalihom għadhom qed jintlaqgħu bħalissa), u jista’ wkoll jagħti l-lista sħiħa ta’ skemi li għalkemm għalihom diġà għalqu l-applikazzjonijiet, l-istess applikazzjonijiet għadhom qed jiġu aġġudikati? Liema kunsilli għandhom applikazzjonijiet pendenti għal dawn l-iskemi, u x’kienu t-talbiet li għamlu l-istess kunsilli?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor Interpellant illi il-bieraħ 2 ta’ Ġunju 2015, għalqet is-sejħa għall-iskema ta’ għajnuna finanzjarja lill-Kunsilli Lokali li għandhom responsabbilita’ ta’ libreriji lokali. Sal-bieraħ kienu daħlu 39 applikazzjoni. Bħalissa hemm skema oħra – dik ta’ restawr ta’ postijiet storiċi u din tagħlaq fit-30 ta’ Ġunju. L-uniku skema li għada ma ġietx aġġudikata hija dik ta’ għajnuna finanzjarja għall-korsijiet ta’ Lifelong Learning 2015-2016 . Dan għaliex s’issa il-Kunsilli Lokali ippreżentaw l-espressjoni ta’ interess li jorganizzaw korsijiet fil-lokalitajiet tagħhom u għad iridu joħorġu l-applikazzjonijiet tal-korsijiet għall-pubbliku sabiex dan japplika. Dan il-proċess isir mid-Dipartiment ta’ Tagħlim għall-Ħajja. Wara li japplikaw ir-residenti, tinħadem l-iskema skont l-interess li jkun intwera għall-korsijiet. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-Kunsilli Lokali li wrew interess mad-Dipartiment għall-Gvern Lokali għal dawn il-korsijiet flimkien mal-lista tad-39 applikazzjoni għall-libreriji lokali.

Orkestra Filarmonika Nazzjonali — Kap Eżekuttiv – remunerazzjoni u perkaċċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’remunerazzjoni, inklużi l-perkaċċi kollha, għandha l-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali? Jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt għar-rigward tal-istess persuna? Jista’ jinforma lill-Kamra jekk kienx hemm sejħa għall-kariga li tokkupa din il-persuna?

Response (BONNICI, OWEN)

Irrid nispjega li fil-Leġislatura preċedenti, il-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-MPO ma kinitx teżisti. Kienet teżisti biss l-kariga ta’ Chairman li ma kinitx waħda full-time. Il-ħatra preżenti hi ta’ Chair Eżekuttiv u għaldaqstant il- pakkett finanzjarju jirrifletti din il-pożizzjoni hekk riveduta. Ninsab infurmat li r-remunerazzjoni tal-persuna li tokkupa l-kariga ta’ Kap Eżekuttiv tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali hija l-massimu ta’ Skala 5. Din il-persuna għandha wkoll mobile allowance. Ma kienx hemm sejħa għal din il-kariga.

Heritage Malta – artisti u skulturi

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna x’qed tagħmel Heritage Malta sabiex trippromovi u tinkoraġixxi artisti u skulturi lokali, speċjalment dawk femminili u dawk mil-gżira ta' Għawdex?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 15784. Ninsab infurmat li l-faċilitajiet li toffri Heritage Malta ma jiddiskriminawx kontra skulturi, artisti nisa jew Għawdxin u kulħadd għandu l-istess opportunitajiet jesibxxi t-talenti tiegħu. Barra minn hekk wieħed għandu ukoll jieħu in kunsiderazzjoni li l-Kunsill Malti għall-Arti, li jaqa’ ukoll taħt id-dekasteru tiegħi, jamministra taħt il-portfoll tiegħu tmien funding programmes differenti li jiġu ekwivalenti għall- €1.5 miljun u li huma miftuħa għall- diversi ini¿jattivi li jisoddisfaw ir-regoli ta’ kull programm. Dawn il- funding programmes huma: · Malta Arts Fund · Kreattiv · INVEX · Cultural Export Fund · Kultura TV · Malta Digital Games Fund · Cultural Organisation Support Grant · Cultural Partnership Agreement Tajjeb jingħad li l-benefiċċjarji tal-Cultural Partnership Agreement huma tlett NGOs Għawdxin.

Forti Sant’ Iermu – mistednin għall-ftuħ uffiċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna għaliex xi ħaddiema ta' Heritage Malta li taw kontribut sabiex jitlesta l-proġett ta' Forti Sant' Iermu, ma ġewx mistiedna għal ftuħ uffiċjali? Jista' ukoll jgħidilna minn kien responsabbli min naħa ta' Heritage Malta mill-approvazzjoni tal-lista tal-mistednin?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li Heritage Malta ipprovdiet lista ta’ dawk kollha li ipparteċipaw direttament fil-proġett ta’ Sant Iermu sabiex jiġu mistiedna.

Heritage Malta — ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma jekk xi ħaddiema ta' Heritage Malta ngħatawx permess li jġibu l-pets tagħhom fuq il-post tax-xogħol?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-ebda ħaddiem ta’ Heritage Malta ma ngħata permess li jġib pets fuq il-post tax-xogħol.

Heritage Malta — donazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna għaliex Heritage Malta tirriklama attivitajiet li huma bla ħlas, imbagħad tiġi imposta donazzjoni mal-bieb? Jista' jgħidilna wkoll jekk hux qed tinħareġ irċevuta għal kull donazzjoni mogħtija?

Response (BONNICI, OWEN)

Lil-frażi “donazzjoni imposta” hija oxymoron. Ħlas ikun tassattiv u jitħallas minn kull min jattendi għall-attivita’ - donazzjoni titħalla f’idejn l-individwi jekk tingħatax jew le. Id-donazzjoni, li hija dejjem libera u qatt imposta, tintefa’ direttament fil-kaxxa apposta minn min jogħġbu jagħmilha. Niehu l-opportunita’ li nirringrazzja lil kull min ta donazzjoni lil Heritage Malta.

Heritage Malta – performance bonus

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 14512, jista' l-Ministru jgħid min japprova r-rata tal-performance bonus tas-CEO ta' Heritage Malta? Jista' jgħidilna wkoll x'jaħseb fuq il-fatt li s-CEO ġab il-massimu tal-performance bonus filwaqt li l-heads, li tagħhom huwa responsabbli l-istess CEO, ġabu inqas minnu? Jista, jkun li l-heads ma ġabux il-massimu għax mhux qed isibu support kontinwu mis-CEO?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-performance bonus tas-CEO jiġi approvat miċ-Chairman. Il-kriterji li bihom jingħataw il-performance bonuses huma l-istess bħalma kienu fis-snin li għaddew. Nassigura lill-Onor. Interpellant li s-CEO dejjem ta support sħiħ lill-Heads meta dan kien dovut, meħtieġ u possibbli

Heritage Malta – servizz ta’ sigurtà

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma li l-kumpanija li kienet tagħti servizz ta' Sigurtà lil Heritage Malta sa ftit xhur ilu ntemmilha ħesrem il-kuntratt? Jekk fl-affermattiv, x'inhi r-raġuni ta' dan u liema kumpanija/i qed joffri/u dan is-servizz bħalissa?

Response (BONNICI, OWEN)

Le, il-kumpanija li kienet tagħti servizz ta’ sigurta’ lil Heritage Malta ma ntemmilhiex ħesrem il-kuntratt imma kien sempliċement każ fejn il-kuntratt tagħha skada. Għalhekk ir-risposta m’hijiex fl-affermattiv imma fin-negattiv.

Il-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar – kunsilli lokali — fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ finanzjament li ħadu l-Kunsilli Lokali tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar u n-Naxxar mill-fond ta’ ko-finanzjament għall-applikazzjonijiet ta’ programmi jew proġetti mill-Unjoni Ewropea, liema fond kien amministrat mill-MEUSAC, bejn Jannar 2011 u Diċembru 2013?

Response (BONNICI, OWEN)

Jiena infurmat li l-MEUSAC ma jamministrax fond ta’ ko-finanzjament għall- applikazzjonijiet ta’ programmi jew proġetti mill-Unjoni Ewropea.

Kumitat Reġjonali — Cameras għall-monitoraġġ tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16033 u jgħid x'inhu r-rwol tal-Kumitat Reġjonali fir-rigward tal-cameras li hemm stallati fit-toroq Maltin li minnhom wieħed jista' jagħmel monitoring tat-traffiku tal-vetturi fit-toroq? Jista' jgħid jekk inħarġitx liċenzja biex setgħu jiġu stallati dawn il-cameras? Jista' jgħid min hi l-awtorità li ħarġet din il-liċenzja? Jista' jgħid jekk hemmx policy li tirregola l-operat ta' dawn il-cameras? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-policy li tirregola dawn il-cameras? Jista' jgħid min hi l-kumpanija li timmaniġġa dawn il-cameras? Jista' jgħid jekk hemmx xi forma ta' kuntratt jew ftehim bejn il-kumpanija in kwestjoni u l-Kumitat Reġjonali u jekk fl-affermattiv, ipoġġi kopja ta' dan il-kuntratt jew ftehim fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (BONNICI, OWEN)

L-irwol tal-Kumitati Reġjonali fir-rigward ta’ CCTV cameras u speed cameras huwa li jipproċessaw iċ-ċitazzjonijiet għall-kontravenzjonijiet li jsiru fil-lokalitajiet li jiffurmaw parti mill-istess reġjuni u li jirriżultaw permezz tal-cameras imsemmija. Dawn huma maniġġjati mill-Kumitati Reġjonali bħala parti integrali mill-kuntratt għas-servizz tal-gwardjani lokali. Speed cameras huma regolati mill-awtorità kompetenti Transport Malta, u għalhekk jeħtieġu l-approvazzjoni u l-liċenzja tal-awtorità. Għaldaqstant kull talba mressqa minn xi Reġjun għall-installazzjoni ta’ speed cameras teħtieġ kemm l-approvazzjoni, kif ukoll il-liċenzja, ta’ din l-istess awtorità. Kif jikseb l-approvazzjoni r-Reġjun jinforma lill-kumpanija kuntrattata biex tkun tista’ tipproċedi skond il-kundizzjonijiet tal-kuntratt. Intant nirreferi lill-Onor. Interpellant lill-Ministeru konċernat għar-rigward ta’ regolamentazzjoni ta’ tali speed cameras lill-awtorità kompetenti. Dawn l-istess speed cameras kif ukoll CCTV cameras jitħaddmu mill-kumpanija li tipprovdi s-servizz tal-gwardjani lokali, skont il-kuntratt li jkollhom mal-Kumitati Reġjonali. Il-kumpanija Guard and Warden hija dik kuntrattata mill-Kumitati Reġjonali tan-Nofsinhar, dak Ċentrali, tat-Tramuntana, ta’ Għawdex u tax-Xlokk. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-estratti rilevanti għall-cameras mill-kuntratti li għandhom ir-Reġjuni, skont kif provduti mill-Kumitati nfushom.

Ġurnalisti – xogħol fil-ġurnata libera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm ġurnalisti li fil-ġurnata libera tagħhom matul il-ġimgħa jidħlu jagħmlu xogħol ieħor? X’xogħol qed jagħmlu? Kemm qed jitħallsu żejjed u b’liema rata qed jitħallsu dawn il-persuni? Kif jintgħażlu? Meta ħarġet is-sejħa fost il-ħaddiema? Kemm ħaddiema rrispondew u urew interess għal din is-sejħa?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 8 ġurnalisti li jagħmlu xogħol fuq bażi kontributorja fil-ġurnata. Ix-xogħol li jagħmlu flimkien mar-rata applikabli huma indikati hawn taħt: Ammont ta’ Ġurnalisti Xogħol li jsir Rata ta’ pagament 1 Qari ta’ Aħbarijiet u assistent tal-produzzjoni f’TVAM €68 u €40 kull darba 1 Assistent tal-Produzzjoni f’TVAM €40 kull darba 1 Preżentazzjoni ta’ Ħadt l-aħbar €50 fil-gimgha 1 Qari tal-Aħbarijiet €68 kull darba 1 Qari tal-Aħbarijiet €60 kull darba 1 Assistent tal-Produzzjoni f’Dissett €200 kull programm 1 Produzzjoni u Preżentazzjoni tal-Programm Dissett €300 kull programm 1 Arkivar Rata ta’ €8 kull siegħa b’massimu ta’ 12-il siegħa fil-ġimgħa L-għażla ssir skont il-ħtiġijiet tal-kumpanija u d-disponibbilta’ tagħhom.

PBS – persuni fuq position of trust jew contract for service

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm persuni mal-Public Broadcasting Services li ġew ingaġġati fuq bażi ta’ position of trust jew contract of service u contract for service? X’pakkett finanzjarju, inkluż perkaċċi, għandhom dawn l-individwi? X’funzjoni qed jaqdu dawn l-individwi? Jista’ jgħid kemm minn dawn se jingħataw impjieg permanenti fil-PBS fix-xhur u s-snin li ġejjin?

Response (BONNICI, OWEN)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba kienet ingħatat fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari precedenti 13423. Ta’ min iżid ukoll li fil-PBS m’hemm ħadd ingaġġat fuq bażi ta’ position of trust. Nixtieq ninfurmak li l-applikazzjonijiet kollha għal pożizzjonijiet permanenti fil-PBS jkunu ppubblikati skont il-proċeduri normali u għaldaqstant kulħadd jkollu ċans japplika għall-pożizzjonijiet mħabbra.

PBS — konsulenti

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 13425 jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ konsulenti li ġew impjegati mal-Public Broadcasting Services mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum? X’inhu r-rwol ta’ kull wieħed u waħda minnhom? Kemm-il siegħa jaħdmu? X’inhi r-rata ta’ ħlas għal kull siegħa? F’kull każ x’perkaċċi oħra jingħataw? Jista’ jgħid jekk dawn humiex parti mit-total ta’ 115-il ħaddiem imsemmija f’mistoqsija parlamentari 13423?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-PBS li ma ġie ingaġġat l-ebda konsulent mal-PBS.