Belt Valletta — Parking space ta' quddiem il-Bank Ċentrali
Question
Jista' il-Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-parking space ta' quddiem il-Bank Ċentrali fil-Belt Valletta u li hu riservat għall-persuni b'diżabilita', mhux qed jiġi rispettat minn min ikun fil-parkeġġ?
X'inhi r-raġuni li lanqas l-awtoritajiet konċernati, inkluż il-wardens, mhux qed jieħdu l-passi biex dan ma jkomplix jiġri?
Response (BORG, TONIO)
Għaddejt l-ilment ta' l-Onorevoli Interpellant lill-Awtoritajiet kompetenti. Sadanittant inħarġet cirkolari mill-Korp tal-Pulizija għal iktar infurzar dwar das-suġġett.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm postijiet vakanti għal uffiċjali tal-probation fi ħdan is-servizz tal-probation? Hemm xi ħsieb li toħroġ sejħa biex jiġu ngaġġati uffiċjali tal-probation ġodda? Jekk ir-risposta għall-mistoqsija preċedenti hija fl-affermattiv, jista' jgħid kemm beħsiebu jimpjega uffiċjali tal-probation ġodda u meta se jsir dan? Jekk se jiġu ngaġġati uffiċjali tal-probation ġodda, dawn se jaħdmu fl-uffiċċju tal-probation li fil-preżent jinsab fi Triq San Pawl il-Belt Valletta jew se jiġu mħaddma f'xi postijiet oħra bħal per eżempju, fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin?
Response (BORG, TONIO)
Għaddejjin diskussjonijiet biex jiġu evalwati s-servizzi mogħtija mill-uffiċċjali tal-probation u biex jiġu identifikati l-bżonnijiet neċessarji biex tali servizzi kemm jista' jkun ilaħħqu mal-bżonnijiet tal-lum.
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-avukati tal-legal aid u min huma dawk l-avukati minn fost dawk imsemmija li huma inkarigati mill-Appelli Kriminali u ġurijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm nefaq flus il-Gvern fl-legal aid fis-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-nefqa tal-Gvern f'Legal Aid fis-snin 1999, 2000, 2001, 2002 u 2003 kienet kif ġej:
Sena Ammont Lm
1999 43, 676
2000 13,892
2001 18,201
2002 17,484
2003 6,815
Niġbed l-attenzjoni tal-istess Onor. Interpellant illi fid-9 ta' Marzu 2000 kienet saret riviżjoni tat-tmexxija tas-sistema ta' l-istess Legal Aid mill-Ministru ta' dak iż-żmien.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew riferiti kawżi liċ-ċentru ta' l-Arbitraġġ fis-snin 2003 u 2004?
Jista’ jindika kemm mill-każi hekk riferiti kienu każi li jikkonċernaw il-liġi tal-condominia?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fis-sena 2003 ġew riferuti 31 każ liċ-Ċentru Malti ta' l-Arbitraġġ u 10 każi kienu riferuti dis-sena.
Minn dawn il-każi, 7 u 2 rispettivament kienu jikkonċernaw il-liġi tal-Condominia.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid minn ħin sa x'ħin għandu l-permess biex jiftaħ dan l-istabbiliment li ismu qed jintbagħat under separate cover, u u f'liema ġranet tal-ġimgħa?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid sa x'ħin jista’ jinżamm mixgħul il-volum għoli tal-mużika?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk tul dawn l-aħħar tliet ġimgħat il-pulizija għamlitx ronda fl-inħawi ta’ dan il-post, speċjalment fil-ħinijiet qrib it-3.00 a.m., biex tara li jitnaqqas il-volum qawwi ta' mużika li joħroġ minn dan il-post?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-pulizija kellhiex rapporti minn residenti dwar mużika għolja ħierġa minn dan il-post fis-sigħat bikrin ta’ filgħodu? Kemm-il rapport kien hemm?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk dan il-post qattx ġie mmultat mill-qorti talli nstab ħati li kellu mużika għolja f'ħinijiet li mhux suppost? Jekk fl-affermattiv, kemm kienu jammontaw il-flus jew penali oħra li ngħataw bħala kastig mill-qorti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mit-tagħrif disponibbli għand il-Pulizija, jirriżulta li l-istabbiliment imsemmi huwa kopert b'liċenzja għad-daqq ta' mużika u sabiex jibqa' miftuħ sas-1.00am il-ġimgħa kollha. Infurmat ukoll illi l-Pulizija regolarment tagħmel spezzjonijiet fil-bars, inkluż dak imsemmi, għal xi ksur tar-Regolamenti. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi l-Pulizija kienet ħadet passi quddiem il-Qorti kontra sid dan l-istabbiliment darba fuq daqq ta' mużika mingħajr permess.
Dipartiment ta' l-artijiet — Xogħol ta' skavar fi Triq Rudolph Saliba fir-Rabat
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6595 li saret lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Kultura dwar skavi fis-sit mgħoddi b'riżoluzzjoni parlamentari lill-grupp ta' l-iscouts tar-Rabat f'Rudolph Saliba Str, ir-Rabat, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu t-taħditiet bejn id-dipartiment ta' l-artijiet u l-iscouts tar-Rabat?
Response (BORG, TONIO)
Nikkonferma li r-Rabat Scouts bdew taħdidiet mat-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern dwar sit alternattiv. Qabel ma' t-Taqsima tkun tista' tagħmel il-kunsiderazzjonijiet tagħha huwa meħtieġ li jsir studju arkeoloġiku fuq din is-sit kif fil-fatt ġie mitlub mill-istess Rabat Scouts.
Uffiċċju Konġunt — Fond fi stat perikoluż ġewwa l-Isla
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħa l-uffiċċju konġunt biex jiġi mneħħi l-periklu strutturali tal-fond fl-Isla li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, wara li ġie ċċertifikat mill-perit ta' l-istess uffiċċju?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Uffiċċju Konġunt ser jieħu l-passi neċessarji mad-Dipartiment konċernat sabiex isiru t-tiswijiet meħtieġa fil-fond in kwistjoni.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il oġġett inġabar bis-servizz tal-bulky refuse mill-kunsilli lokali f'Malta u Għawdex matul din l-aħħar sena u kemm kienet l-ispiża maħruġa minn kull kunsill lokali fuq dan is-servizz?
Response (BORG, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li billi l-informazzjoni mitluba għadha trid tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu visas lil barranin biex ikunu jistgħu jidħlu f’Malta fis-snin 2003 u 2004?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk teżistix xi forma ta' kontroll biex wieħed ikun jista’ jakkwista statistika biex naraw kemm min-nies li jkunu ngħataw visa ikunu injoraw il-perjodi stipulati u jkunu baqgħu hawn Malta? Jekk teżisti, jista’ jagħti dettalji għas-snin 2003 u 2004?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul is-sena 2003 inħarġu 48,131 visa lil persuni ta' nazzjonalita' barranija sabiex ikunu jistgħu jidħlu Malta, filwaqt li matul din is-sena, s'issa nħarġu 29,690. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6620.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħadu l-pulizija ta' l-għassa tal-lokal rigward post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li hu strutturalment perikoluż b'konsegwenza li qed joħloq periklu għal terzi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi dan il-post huwa mitluq u l-Pulizija qed tieħu l-passi meħtieġa sabiex il-periklu jitneħħa.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslet il-proċedura dwar fidi ta' ċens tal-joint officeli d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Jista' jikkonsidra illi issa għadda żmien mhux ħażin biex din tiġi verament konkluża?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-proċess sabiex iċ-ċens in kwistjoni jinfeda issa wasal fi stadju avvanzat u l-każ mistenni jiġi finalizzat fi żmien qasir.
Pajjiżi tal-UE — Ċittadini reġistrati biex jaħdmu f'Malta
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ċittadini ta' pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea bħalissa huma reġistrati li qed jaħdmu hawn Malta? Jista' jagħti d-dettalji b'mod li jindika pajjiż pajjiż?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' ċittadini ta' pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea li inħarġitilhom liċenzja ta' impjieg u li għadha valida sal-lum hu kif jidher f'kolonna A fit-Tabella li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Minn dawn il-liċenzji, in-numru li nġabar s'issa, hu kif jidher f'kolonna B fl-istess Tabella.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skond l-Avviż Legali Nru. 110/93, meta persuna tibda taħdem jew itemm l-impjieg tagħha, min iħaddimha, irid jirreġistraha mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ. Għalhekk in-numru ta' ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea reġistrati li qed jaħdmu Malta jista' jinkiseb mill-Korporazzjoni msemmija hawn fuq.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-għalqa li hemm fi Triq Wied Glavan fix-Xgħajra titnaddaf u jinbena ċint skond il-liġi (kopja tal-pjanta qed tintbagħat separatament? Jaf li f'din l-għalqa qed jintrema' ammont ta' skart li qed joħloq inkonvenjent filwaqt li qed ikun ta' periklu għas-saħħa tar-residenti ta' l-istess triq? Jaf li għalkemm saru diversi ilmenti ma' l-awtoritajiet konċernati baqa' ma sar xejn u dan bl-iskuża li s-sidien ta' l-għalqa mhumiex magħrufa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-art li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant fil-fatt mhux proprjeta' tal-Gvern u ma taqax f'"Registration Area" u għalhekk ma tinsab l-ebda informazzjoni dwarha fir-Reġistru ta' l-Artijiet.
Nissuġerixxi li din il-Mistoqsija tiġi riferuta lill-Ministru ikkonċernat.
Dipartiment ta' l-artijiet — Bdiewa li tteħdulhom l-għelieqi tagħhom f'Ħaġar Qim
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb minn naħa tal-ministeru li joffri post alternattiv lill-15-il bidwi li se jitteħdulhom l-għelieqi tagħhom li jinsabu fl-inħawi ta' Ħaġar Qim fl-Imnajdra wara sentenza mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali fl-10 ta' Ottubru 2003 minn sidien privati kontra l-Kummissarju ta' l-Artijiet u dan wara li dawn il-bdiewa ġew imġegħla jevakwaw l-art sal-15 ta' Awissu 2004 wara li kienu ilhom joperaw fl-inħawi sa mill-1987 fuq ftehim ta' kirja li kien intlaħaq bejnhom u bejn id-dipartiment ta' l-artijiet? Qed nibgħat kopja tar-referenza tal-każ separatament.
Response (BORG, TONIO)
It-titolu li kellu il-Gvern fuq l-art in kwestjoni kienet ġejja bis-saħħa ta' esproprjazzjoni; dik l-esproprjazzjoni ġiet dikjarata nulla u għalhekk l-isgumbrament hu riżultat dirett u konsegwenzjali tas-sentenza tal-Qorti Kostituzzjonali.
Persuni ta' nazzjonalita' barranija li nqabdu mingħajr visa
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm inqabdu persuni barranin f'Malta li ma kellhomx visa għas-sena 2004?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel sitt xhur ta' din is-sena kien hemm 481 persuna ta' nazzjonalita' barranija li nstab li kienu Malta bil-visa skaduta.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti lista tal-legal notices li ħarġu taħt l-Att III ta' l-2004?
Response (BORG, TONIO)
Għal dak li jirrigwardja d-dekasteru tiegħi, l-Avviżi Legali li ħarġu taħt l-Att ta' l-2004 biex jemenda diversi liġijiet (Att Nru. III) ta' l-2004 huma dawn li ġejjin:-
Att ta' l-2004 biex jemenda diversi liġijiet, Att Nru. III ta' l-2004: Avviż ta' bidu fis-seħħ. (A.L. 325 ta' l-2004) - mill-4 ta' Ġunju, 2004 dwar l-artikoli 69 sa 77, 79, 80, 119 u 120. Kodiċi Kriminali, Kap. 9, Att kontra
Money Laundering
, Kap. 373, u Kodiċi Ċivili Kap. 16.
Att ta' l-2004 biex jemenda diversi liġijiet, Att Nru III ta' l-2004: Avviż ta' bidu fis-seħħ tat-Taqsima XV. (A.L. 333 ta' l-2004) - mill-14 ta' Mejju, 2004 dwar it-Taqsima XV. Att dwar sgumbrament minn Artijiet, Kap. 228.
Polish Law Enforcement Agencies — Membri li jiġu Malta biex jitgħallmu l-Ingliż
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kien l-eżitu tal-proposta li saret lill-awtoritajiet Pollakki sabiex jibagħtu membri tal-Polish Law Enforcement Agencies f'Malta sabiex jitgħallmu l-Ingliż?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li s'issa ma saret l-ebda talba bil-miktub dwar dan.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm saru żwieġ biċ-ċivil sena b'sena, mill-2000 sa l-2004 s'issa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta' żwieġijiet li saru biċ-ċivil fis-snin indikati mill-Onor. Interpellant hu kif ġej:-
Sena Malta Għawdex
2000 449 32
2001 455 19
2002 544 41
2003 747 65
2004* 376 21
*Sat-13 ta' Lulju.