Jista' l-Viċi Prim Minsitru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li tneħħewlhom xi forma ta' benefiċċji soċjali bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena?
X'tip ta' benefiċċji tneħħewlhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 18047.
Jista' l-Viċi Prim-Ministru jikkunsidra li jivvota l-flus fl-estimi tal-budget tas-sena 2001 sabiex isiru l-lifts fil-qasam tad-djar Ta' Panellu il-Mellieħa, peress li l-eta' tal-familji residenti qed dejjem tikber, liema fatt qed joħloq aktar il-bżonn ta' dan is-servizz għar-residenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-Risposta li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 20215 f'din l-istess Seduta.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid matul din is-sena s'issa kemm-il persuna wżat is-servizzi taċ-ċentru Detox? Kemm minnhom kienu rġiel u kemm nisa? Kemm kienu ta' nazzjonalita' barranija? Kemm-il persuna attendiet għall-ewwel darba? Liema kienet l-iżgħar u l-akbar eta' tal-persuni li attendew id-Detox din is-sena? Il-figuri totali ta' din is-sena kif jikkomparaw ma' l-istess żmien tas-sena li għaddiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fl-ewwel disa' xhur tas-sena 2000 (1 ta' Jannar sa l-aħħar ta' Settembru), 819-il persuna wżaw iċ-Centru tad-Detox.
Minn dawn, 701 kienu rġiel, filwaqt li 118 kienu nisa.
Kien hemm 717 li kienu ta' nazzjonalita' Maltija, filwaqt li 102 kienu ta' nazzjonalita' barranija.
140 persuna għamlu użu għall-ewwel darba minn dan is-servizz.
L-iżgħar persuna li attendiet kellha 16-il sena, waqt li l-akbar persuna fl-eta', li għamlet użu minn dan is-servizz kellha 59 sena.
Fl-istess perjodu tas-sena l-oħra, jiġifieri matul Jannar u Settembru 1999, in-numru ta' persuni li għamlu użu miċ-Ċentru tad-Detox kien ta' 741.
Dan ifisser li meta mqabbel ma' l-istess perjodu ta' din is-sena, fis-sena 2000, kien hemm żieda ta' 78 persuna li għamlu użu miċ-Ċentru tad-Detox.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk jistgħux jinxtraw l-appartamenti f'76, Triq San Nikola, Valletta mill-inkwilini li jgħixu fihom? Jekk le, għaliex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li dawn l-appartamenti ma jistgħux jinxtraw peress li l-art li fuqha hemm mibnija din il-proprjeta' tinsab fil-pussess tal-Gvern taħt titolu ta' pussess u użu.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-possibilta' li l-Awtorita' tad-Djar tinstalla lift fl-appartamenti li ġejjin:
i) Block D1 Housing Estate Tax-Xbiex.
ii) 131, Triq San Pawl, Valletta.
iii) 48, Triq l-Arċisqof, Valletta.
iv) 18, Triq il-Punent, Valletta.
Meta hu maħsub li jinbdew dawn ix-xogħlijiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li dwar Block D1 Housing Estate, Ta' Xbiex u 131, Triq San Pawl, il-Belt, l-istallazzjoni ta' lift hi possibbli u qed jittieħdu passi biex isiru l-applikazzjonijiet neċessarji ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
L-Awtorita' tad-Djar ma rċeviet ebda applikazzjoni biex jiġi nstallat lift f'48 Triq l-Arċisqof, il-Belt.
Dwar il-post 18, Triq il-Punent, il-Belt, ninsab infurmat li hu possibbli li jiġi nstallat lift fit-tromba tat-taraġ kemm-il darba jitneħħa store fil-pjan terren użat minn wieħed mill-inkwilini. L-Awtorita' tad-Djar qed tagħmel ir-riċerka meħtieġa biex tistabilixxi x'titolu jeżisti fuq dan l-istore.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'possibbilta' hemm li f'Birżebbuġa jinfetaħ ċentru għall-anzjani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant b'ċentru għall-anzjani' qed jifhem 'Ċentru ta' matul il-Jum', ngħid li fil-preżent m'hemm l-ebda ħsieb li jinfetaħ wieħed f'Birżebbuġa.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 16111, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kif jista' jkun li filwaqt li qed isostni li l-inkwilini tal-insemmi blokk residenzjali għandhom jinżammu responsabbli mit-tindif ta' l-istess basement meta dan huwa proprjeta' tal-gvern meta prova ċara ta' dan huwa l-avviż li deher fil-gazzetta tal-gvern tat-12/3/93, fejn il-gvern qed jirreklama l-bejgħ ta' l-imsemmi basement units, liema unit ninsab informat li baqgħu ma nbiegħux? Kopja ta' l-imsemmija gazzetta tal-gvern qed tintbagħat separatament.
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li huma l-partijiet komuni li jagħtu aċċess għal basement units li jridu jinżammu fi stat ta' ndafa mill-inkwilini u mhux il-basement units infushom. Dawn ta' l-aħħar huma magħluqin u għalhekk mhux il-każ li qed jimtlew bil-ħmieġ.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-Isptar San Vinċenz de paule mill-5 ta' Jannar 2000 sa l-10 ta' Settembru 2000? Jekk fl-affermattiv jista' l-Ministru jgħid, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi impjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fil-perijodu ndikat fil-Mistoqsija ġew impjegati 7 ħaddiema ġodda fil-grad ta' infermiera f'San Vinċenz de Paule. Dawn ġew impjegati wara sejħiet għall-applikazzjonijiet ippubblikati fit-2 ta' Lulju 1999 u fit-12 ta' Novembru 1999.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda mad-Djar ta' l-Anzjani mill-5 ta' Jannar 2000 sa l-10 ta' Settembru 2000? Jekk fl-affermattiv jista' l-Ministru jgħid, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi impjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li skond ir-rekords tad-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani, ma ġewx impjegati ħaddiema ġodda mad-Djar ta' l-Anzjani fil-perijodu ndikat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati ħaddiema ġodda bħala CSAs mill-5 ta' Jannar 2000 sa l-10 ta' Settembru 2000? Jekk fl-affermattiv jista' l-Ministru jgħid, meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati mingħajr ma ħarġu applikazzjonijiet, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm dawk impjegati kien ilhom applikati għal imsemmi impjieg? U jekk jirriżulta li lanqas kienu applikati għall-imsemmi impjieg, jista' jgħid xi kriterji ntużaw biex dawn ingħataw l-impjieg in kwestjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Mill-5 ta' Jannar, 2000 sal-10 ta' Settembru, 2000 daħlu jaħdmu bħala CSAs, 43 persuna.
Fl-aħħar ftit snin ma' ħarġet ebda sejħa għall-applikazzjonijiet għal CSAs. Pero' xorta waħda nies interessati li jaħdmu bħala CSAs marru fid-Dipartiment ta' l-Anzjani jew ċemplu biex jirreġistraw l-interess tagħhom li jagħmlu xogħol ma' l-anzjani.
In-nies impjegati bejn il-5 ta' Jannar 2000 u l-10 ta' Settembru 2000, kienu ssottomettew it-talba tagħhom biex jaħdmu ma' l-anzjani bħala CSAs bejn l-1997 u l-2000.
B'riferenza għal mistoqsija parlamentari numru 19098 fejn il-Viċi Prim Ministru qal li hu infurmat li hemm biss ftit ħoss li jista' jikkawża inkonvenjent lir-residenti fi Triq San Ġużepp u Triq il-Konservatorju f'Bormla, ġej minn pompa ta' l-ilma fid-dar ta' l-anzjani li ttella' l-ilma fuq il-bejt u li ngħataw struzzjonijiet lill-kuntrattur biex din il-pompa tiġi mgħottija b'sound insulating material, jista' jara li verament issir xi ħaġa għax l-ilmenti tal-ġirien dwar dan l-inkonvenjent ma naqsux?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B'referenza għal xi ħsejjes li ġejjin mill-pompa li ttella' l-ilma fuq il-bejt tad-dar ta' l-Anzjani f'Bormla, nikkonferma li l-kuntrattur konċernat ingħata l-istruzzjonijiet biex jieħu miżuri sabiex dan l-inkonvenjent jiġi eliminat. Ninsab infurmat illi l-miżuri neċessarji ser jittieħdu fi żmien ftit ġranet.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk teżistix xi skema ta' sussidju sabiex jiġu rranġati u mtejba postijiet tal-Joint Office?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li Skema 5 dwar Sussidju fuq Xogħolijiet ta' Irranġar fi Djar Privati Okkupati minn Inkwilini jew Ċenswalisti, tapplika għall-postijiet residenzjali mikrija mill-Joint Office.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm parking bays riservati għal persuni b'diżabilita' bil-blue sticker lokalita' b'lokalita' f'Malta u Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-suġġett tal-Mistoqsija jaqa' taħt ir-responsabbilita' tal-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux beħsiebu jippubblika fil-gazzetta tal-Gvern, data ta' meta għandha tidħol in vigore l-"Employer's Liability (Compulsory Insurance) Act chapter 24 ta' l-1974"?
Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skond pariri tekniċi l-liġi indikata trid tiġi emendata biex tkun aġġornata għaż-żminijiet tal-lum. Għalhekk qabel ma tinġieb fis-seħħ hemm il-ħsieb li jsiru l-konsultazzjonijiet neċessarji mal-partijiet interessati.
Jista' l-Ministru jara li jsiru x-xogħlijiet tal-manutenzjoni fl-areas pubbliċi u mal-faċċati ta' Block A, Għajn Qajjied, Housing Estate, r-Rabat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għaddejt l-ilment ta' l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għall-azzjoni meħtieġa. Madankollu nfakkar li manutenzjoni ta' areas pubbliċi barra l-blokk hija r-responsabbilita' tal-Kunsilli Lokali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mill-5 ta' Jannar 2000 sal-10 ta' Settembru 2000 lill-ħaddiema ta' l-Awtorita' tad-Djar? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għaliex saru dawn it-trasferimenti każ b'każ? Jista' jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru aktar trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol imsemmi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li ma kien hemm ebda trasferimenti f'dan il-perijodu fid-Dipartiment tal-Awtorita' tad-Djar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ix-xogħlijiet li qed isiru fl-uffiċju tal-Labour Office ir-Rabat humiex koperti bil-permessi tal-Awtorita' tal-Ippjanar?
Jekk iva, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permessi tal-Awtorita' tal-Ippjanar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-permess tal-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar ix-Xogħolijiet li saru fl-uffiċċju tad-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali tar-Rabat. Fil-fatt fir-Rabat m'hemmx uffiċċju tal-Labour Office iżda tad-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali.
Servizz Pubbliku — Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ilu sejjer ix-xogħol fuq l-uffiċini tal-area office tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali fir-Rabat?
X'sar matul dan il-perjodu u kemm intefqu flus?
Meta se jiġi ffinalizzat dan il-proġett u kemm mistenni li jiġi jiswa flus?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fl-Area Office tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali fir-Rabat, sar refurbishment sħih ta' dan l-uffiċċju li għalih kienet ħarġet tender. Il-Ministeru tiegħi għażel l-orħos offerta li kienet tqum Lm19,538. Ix-xogħol kien jinkludi Structural Alterations, Flooring, Decoration Works, Partitioning, Suspended Soffits, Sanitary Ware, Electrical and ELV Installation, Air-conditioning and Ventilation Installation u Domestic Water Installation.
Barra minn dan, kienu ħarġu żewġ tenders għall-provvista u twaħħil ta' aperturi nterni u esterni kif ukoll ta' għamara għal din l-area office. It-tenders, li wkoll intgħażlu l-orħos fost l-offerti, kienu jiswew Lm1,430 u Lm3,840 rispettivament.
Ix-xogħol fuq l-uffiċċju tal-Area Office tar-Rabat inbeda f'Novembru, 1999 u ġie finaliżżat fl-aħħar ta' Settembru, 2000.
Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Abbuż ta' Droga — Membri
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min huma l-membri tal-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Abbuż ta' Droga, Alkoħol u Dipendenzi Oħra? X'inhu xogħol ta' din il-kummissjoni u jekk din il-kummissjoni ippreparat xi rapport, jista' dan ir-rapport jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Kummissjoni Nazzjonali dwar l-Abbuż tad-Droga, Alkohol u Dipendenzi Oħra hija magħmul minn:
Dr Richard Muscat BSc., MSc., PhD - Chairperson
Mr Herbert Agius
Ms Joyce Callus BA (Youth and Community Studies)
Ms Joan Camilleri BA (Gen)., MSc Psych (Padova)
Dr Marilyn Clark BA Hons (Psych), MA, PhD (Sheffield)
Dr Anton Grech MD., MSc (Psych), MRC Psych
Dr Paul Micallef BA, D.Clin.Psy., C.Psychol
L-għanijiet tal-Kummissjoni huma:
- il-preparazzjoni ta' proposti ta' policies għall-konsiderazzjoni tal-Gvern dwar prevenzjoni, trattament u infurzar fil-qasam tad-dipendenza fuq id-droga u sustanzi oħra;
- li tkun il-forum għad-diskussjoni u qsim ta' informazzjoni;
- li tippromwovi good practices u tirrakkomanda mezzi ta' monitoring u ħarsien ta' standards of practice;
- li tkabbar l-għarfien tal-qasam tad-dipendenza;
- li ttejjeb l-integrazzjoni mill-ġdid fis-soċjeta' ta' persuni u familji bi problemi li għandhom x'jaqsmu mad-dipendenza;
- li taħdem favur il-parteċipazzjoni tal-volontarjat f'dan il-qasam;
- li tkun il-forum nazzjonali għall-ġbir u l-analiżi tad-data;
- li tħeġġeġ ir-riċerka u t-taħriġ fil-qasam;
- li tkun il-focal point nazzjonali għall-kollaborazzjoni Ewropea u Internazzjonali rigward prevenzjoni, kura, infurzar u epidemoloġija;
- li tħejji suġġerimenti ta' pożizzjonijiet politiċi lill-Gvern, meta mitluba.
Il-Kummissjoni qiegħda taħdem fuq studji, liema xogħol għadu mhux lest.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jelenka fejn ġew installati lifts f'appartamenti tal-gvern mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?
Response (GONZI, LAWRENCE)
F'blokki ġodda ta' appartamenti li jinħarġu għall-allokazzjoni l-Awtorita' tad-Djar tinstalla s-sistema tal-lift.
Il-ġimgħa d-dieħla l-Awtorita' tad-Djar ser tagħti t-tender għall-installazzjoni ta' sitt(6) lifts f'sitt blokki ta' appartamenti. Barra minnhekk għandha permessi diġa' maħruġa mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-13-il blokk ieħor u għandha 14-il applikazzjoni pendenti ma' l-istess Awtorita' ta' l-Ippjanar.
It-tenders għall-installazzjoni tal-lifts ser jinħarġu wara l-1 ta' Novembru 2000 peress li wara din id-data ser japplikaw xi emendi ġodda fil-policies ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar fosthom li l-lift jibqa' tiela' sa fuq il-bejt u dan hu ta' vantaġġ aħjar għall-persuni b'diżabilita' speċjalment dik ta' mobilita'.