Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #7263 Sitting 112 1999-06-01 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ammonti ta' droga nqabdu mill-ewwel ta' Jannar, 1999 sa l-aħħar ta' April? X'tip ta' droga nqabdet? Kemm kienu arrestati persuni biex jgħinu l-investigazzjonijiet? Kemm-il raid sar mit-taqsima ta' kontra d-droga b'konnessjoni mad-droga?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-ammont u tip ta' droga maqbuda mill-Pulizija bejn Jannar u April ta' l-1999 hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat ukoll li fl-istess perijodu ġew miżmuma 261 persuna sabiex jgħinu lill-pulizija fl-investigazzjonijiet dwar droga, filwaqt li t-Taqsima ta' kontra d-droga tal-pulizija għamlet 333 tfittxija. 01.06.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #7264 Sitting 112 1999-06-01 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Armi liċenzjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-ammont ta' armi liċenzjati li hawn fil-pajjiż u taħt liema kategoriji huma maqsumin bejn to keep u to carry? Jaħseb il-Ministru li minkejja d-diversi konċessjonijiet li ngħataw fil-passat, xorta waħda għad hawn ammonti ta' armi fl-idejn bla liċenzja tal-kummissarju tal-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fis-26 ta' Mejju, 1999, in-numru ta' armi liċenzjati kien ta' 55,416 li minnhom 40,248 jistgħu jinġarru għal skop ta' kaċċa u/jew sport minn persuni li jkollhom liċenzja għal ġarr ta' arma. Wieħed qatt ma jista` jeskludi l-eżistenza ta' armi mhux liċenzjati minkejja konċessjonijiet li jistgħu jingħataw minn żmien għal żmien. 01.06.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #7265 Sitting 112 1999-06-01 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Fizzjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'vakanzi ta' fizzjali jeżistu fil-korp tal-pulizija u fejn jinsabu? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li dawn il-vakanzi jimtlew fil-futur qarib?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li, sabiex ikunu mimlija l-postijet ta' fizzjali fil-Korp tal-Pulizija kif maħsub, huma meħtieġa 11-il Supretendent u 25 Spettur. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li, fil-proċess biex jimtlew dawn il-vakanzi, għadhom kif temmew b'suċċess il-kors ta' taħriġ 24 uffiċjal kadett. 01.06.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #7266 Sitting 112 1999-06-01 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Imwejjed liċenzjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid, lokalita' lokalita' kemm hawn imwejjed liċenzjati biex jinħarġu barra l-ħwienet għal skop ta' ikel u xorb?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellanti għat-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6546. 01.06.99 (a.m.)
Leg 9 PQ #7318 Sitting 112 1999-06-01 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Safety fil-bajjiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi tħejjijiet il-Pulizija qed tagħmel biex tassigura aktar safety fil-bajjiet u xtut Maltin issa li dieħel l-istaġun tas-sajf? Fil-fatt il-Pulizija kemm għandhom opri tal-baħar li jistgħu jintużaw għas-sorveljanza?

Response (BORG, TONIO)

Fis-sajf id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili flimkien ma' l-għaqdiet volontarji ser jorganizza 'Life Guard Service' fi tliet bajjiet prinċipali f'Malta, li huma l-Għadira, Għajn Tuffieħa u Birżebbuġia. Għal dan l-iskop id-dipartiment jipprovdi mobile homes u tagħmir ieħor neċessarju tas-salvataġġ. B'kollox l-ammont ivvotat għal dan il-għan ilaħħaq l-Lm20,000. L-għaqdiet volontarji li jieħdu sehem f'din l-attivita` huma s-St. John`s Ambulance Brigade, St. John Rescue Corp, Malta Red Cross Society u r-Royal Life Saving Society. Din is-sena qed isiru attentati biex is-servizz jiġi estiż ukoll f'Għawdex. Għal dak li għandu x'jaqsam mall-ħidma tal-Korp tal-Pulizija f'dan il-qasam, ninsab infurmat illi l-Pulizija flimkien ma' l-Awtorita` Marittima jikkordinaw bejniethom sabiex jitqegħdu l-bagi biex jipproteġu l-għawwiema f'dawk il-bajjiet l-aktar iffrekwentati. Barra minhekk, fix-xhur tas-sajf, il-Pulizija, permezz ta' erba` opri tal-baħar tagħmel sorveljanza fix-xtut u l-bajjiet sabiex ma jkunx hemm abbużi minn persuni permezz ta' speedboats u opri oħra tal-baħar.
Leg 9 PQ #7359 Sitting 112 1999-06-01 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Santa Luċija - Strutturi llegali

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija għad-domanda parlamentari numru 6132, jista' l-Ministru jivverifika l-informazzjoni kif mogħtija peress li hemm ta' l-inqas każ ieħor ta' terrazzin mibni llegalment fi Triq il-Lellux, Santa Lucija ġewwa l-block tal-flats "G" u l-blokk "H" u fir-rigward ta'dawn ma ttieħdu l-ebda passi? Għaliex f'każ inħareġ avviż ta' twettiq u f'każi oħra le, minkejja r-rapporti li diġa' saru?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li, minn stħarriġ li għamlet l-Awtorita` ta` l-Ippjanar wara li saru rapporti anonimi dwar żvilupp illegali fil-post li rrefera għalih l-Onor. Interpellant, irriżulta li kien hemm numru ta' terazzini li skond informazzjoni mgħoddija tindika li dan ix-xogħol kien sar minn ħaddiema tal-Gvern snin ilu u meta l-Gvern ma kienx jirrikjedi xi forma ta' permessi mill-PAPB ta' dak iż-żmien u allura ma setgħux jittieħdu passi mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar f'dawn il-każijiet.
Leg 9 PQ #6491 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membri ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew impjegati pulizija ġodda mill-1 ta' Jannar, 1999 sas-26 ta' April, 1999? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk ġew impjegati ħaddiema ġodda fl-imsemmi post tax-xogħol meta ħarġu l-applikazzjonijiet għal dawn l-impjiegi? Jekk jirriżulta li ġew impjegati ħaddiema ġodda mingħajr applikazzjonijiet, jista' l-Ministru jgħid kemm dawk ingaġġati kienu ilhom applikati għall-imsemmi mpjieg?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn l-1 ta' Jannar u s-26 ta' April, 1999, ma ġewx impjegati Pulizija ġodda. 31.05.99 (p.m.)
Leg 9 PQ #7231 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Akkademja - Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri tal-korp jaħdmu fl-Akkademja tal-Pulizija u x'personnel ieħor hemm f'din l-Akkademja? X'korsijiet kienu organizzati fl-Akkademja fl-aħħar ħames snin u kemm attendew persuni għalihom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm disa` membri tal-Korp u żewġ persuni pajżana jaħdmu fl-Akkademja. Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #7232 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Akkademja

Question

Jaħseb il-Ministru li wasal iż-żmien li l-Akkademja tal-Pulizija f'Sant'Iermu tingħata injezzjoni ġdida biex tkun aktar effettiva u rilevanti għaż-żmenijiet ta' llum?

Response (BORG, TONIO)

Bħalissa qed isiru diskussjonijiet ibbażati fuq ir-rapport li sar dwar l-istruttura u l-organizzazzjonijiet ta' l-Akkademja tal-Pulizija. 31.05.99 (p.m.)
Leg 9 PQ #7233 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — DIK

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema fażijiet wasal il-proġett tal-bini tal-lock ups fil-bitħa tad-DIK tal-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li x-xogħol fuq il-kumpless li jinkludi bini ta' lock-up ġdid, laboratorji forensiċi u uffiċċji ġodda għat-Taqsimiet Speċjalizzati jinsab fl-aħħar fażi tiegħu għal dak li għandu x'jaqsam ma' bini u kostruzzjoni. Inħarġu sejħiet għal offerti għal xogħlijiet ta' installazzjoni ta' ilma u elettriku, u mistennija joħorġu wkoll sejħiet oħra għal kumplament ta' xogħolijiet li jinkludu aperturi esterni, installazzjoni ta' liftijiet u tagħmir għall-arja kundizzjonata, u tqegħid ta' madum, tikħil u tibjid. Xogħol ieħor, inkluż aperturi interni, bibien ta' ċelel u għamara għall-uffiċċji mistenni jsir minn ħaddiema tad-Dipartiment.
Leg 9 PQ #7234 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Fixex points

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk wasalx iż-żmien li ċerti fixed points li jsiru minn membri tal-Korp tal-Pulizija għandhomx jibdew isiru minn membri tal-Forzi Armati ta' Malta?

Response (BORG, TONIO)

Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant qed jiġi kkunsidrat.
Leg 9 PQ #7246 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Kirjiet/ċnus

Question

In vista ta' mistoqsijiet parlamentari numri 3332 u 3681, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba hemmx żvilupp fuq dan il-każ u ġiex identifikat sit alternattiv għal min qiegħed jokkupa din il-Fortizza ta' San Anard u jużaha għall-iskop li m'huwiex ta' ġieh għan-nazzjon?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-tweġiba hija fin-negattiv.
Leg 9 PQ #7261 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Kontravenzjonijiet tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kritika li saret dan l-aħħar lill-pulizija li m'hix soda u ferma biżżejjed fil-penalizzazzjoni fir-rigward ta' kontravenzjonijiet tat-traffiku hijiex ġustifikata jew le? Barra minn hekk il-pulizija tikkonsidra li min jagħmel kontravenzjoni u jinqabad ikollu jħallas iċ-ċitazzjoni fil-post tal-kontravenzjoni stess?

Response (BORG, TONIO)

Għalkemm fejn tidħol is-sigurta` fis-sewqan wieħed qatt ma għandu jserraħ moħħu b'dak li jkun qed isir jew li jkun sar, meta wieħed jikkunsidra l-isforzi li qed tagħmel il-Pulizija sabiex f'pajjiżna jkun hawn sewqan aħjar kif ukoll jipparaguna n-numru ta' ċitazzjonijiet dwar kontravenzjonijiet tat-traffiku mogħtija is-sena l-oħra ma' dawk mogħtija fl-ewwel tlett xhur ta' din is-sena, ma naħsibx li tali kritika hija ġusta. Rigward is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellanti fl-aħħar parti tal-Mistoqsija għad m'hemmx ħsieb li l-pulizija jagħmlu dan ix-xogħol. 31.05.99 (p.m.)
Leg 9 PQ #7262 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Prostituti Russi

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed tagħmel il-pulizija b'mod effettiv dwar allegati rapporti dwar prostituti mir-Russja u l-Ukrajna li allegalment intqal li qed jitħaddmu f'żewġ lukandi f'Tas-Sliema? Jista' l-Ministru jgħid ukoll bejn Jannar u April 1999 kemm tressqu tfajliet u nisa l-qorti akkużati bi prostituzzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija qed twettaq ħidma sabiex ma jkunx hemm l-allegat abbuż li rreferit għalih l-Onor. Interpellanti. Pero` mhux għaqli li wieħed jikxef id-dettalji ta' dan l-operat. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi bejn Jannar u April, 1999, tressqu 42 persuni l-Qorti akkużati bi prostituzzjoni. 31.05.99 (p.m.)
Leg 9 PQ #7338 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Zejtun — Triq id-Dulliegħ

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 6612, jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar sabiex ma jibqax jiġi injorat l-enforcement notice li ħarġet l-istess Awtorita'?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, kif diġa` għidt fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6612, wara l-azzjoni ta' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar, iż-żiemel kien tneħħa u s-sid kien ikkommetta ruħu li jneħħi l-magni li fil-fatt tneħħew. L-iscrap li baqa` ser jitneħħa fil-ġranet li ġejjin. Ninsab infurmat ukoll li aktar l-isfel fl-istess triq, l-Awtorita` ta' l-Ippjanar skopriet li fuq sit ieħor qed jinżamm trakk abbandunat b'xi scrap fuq. Inħarġet notice biex, is-sid ta' dan is-sit li għadu mhux magħruf, inaddaf l-istess sit. Fin-nuqqas ta' dan l-Awtorita` tieħu l-passi kif indikat fl-Att I ta' l-1992 dwar l-Ippjanar. 31.05.99 (p.m.)
Leg 9 PQ #7349 Sitting 111 1999-05-31 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Liġi dwar il-Condomini

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 5088 tas-Seduta Numru 69?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li d-diskussjonijiet li rreferejt għalihom fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5088 għadhom għaddejjin. 31.05.99(p.m.)
Leg 9 PQ #6994 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Kuntistabbli

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif sospensjoni ta' kuntistabbli tal-pulizija li kien akkużat fil-Qorti b'korruzzjoni ġiet imneħħija u reġa' iddaħħal fil-korp biex nhar il-Ġimgħa, 7 ta' Mejju ġie kkundannat sena ħabs fuq dan l-istess każ? Jista' jgħid min neħħa din is-sospensjoni u x'kienet ir-raġuni la l-każ fil-Qorti kien għadu ma ġiex deċiż? Hemm xi pulizija oħra li kienu sospiżi fuq xi każ li tressaq u reġgħu bdew bix-xogħol regolari tagħhom fil-korp qabel ma ġie deċiż il-każ mill-Qorti? Fuq liema akkużi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-każ li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant għadu fi stadju ta` Appell, għaldaqstant ma nħossx li għandi nagħti dettalji dwaru. Kif kelli okkażżjoni ngħid, pubblikament, il-policy vigenti dwar sospensjoni mid-doveri ta` membri tal-Korp li jkunu għaddejjin proċeduri kriminali kontrihom, hi li ħlief fejn iċ-ċirkostanzi, u n-natura tar-reat jindikaw mod ieħor, minflok jiġu sospiżi jkunu trasferiti għal post anqas sensittiv sakemm jinqata` il-każ tagħhom. Hekk kif jinqata` il-każ, jibdew imbagħad il-proċeduri ta` dixxiplina quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, li jistgħu jwasslu għal tkeċċija. Kull sospensjoni jew ir-revoka tagħha trid tiġi approvata mill-PSC, kif ġara f`dan il-każ. Il-persuna konċernata mill-iskwadra speċjali tal-A.L.E. ġiet trasferita għall-Għassa ta` Raħal Ġdid. Ninsab infurmat ukoll li kien hemm każ ieħor fejn membru tal-Korp reġa` ddaħħal lura għax-xogħol, f`post differenti milli kien qabel, skond din il-policy u wara li ġiet segwita il-proċedura neċessarja. Dan huwa akkużat li ikkommetta arrest illegali u ikkawża ferita ħafifa fuq persuna. Mill-S.A.G. ġie assenjat xogħol ta` fattiga. 31.05.99(a.m.)
Leg 9 PQ #6995 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membru li reġgħu daħlu fil-korp

Question

Minn Settembru, 1998 sa l-10 ta' Mejju, 1999 jista' l-Ministru jgħid kemm iddaħlu lura pulizija li kienu ħarġu mill-korp? Ta' liema rank huma? Kemm kienu ilhom barra? Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-gvern li jdaħħal lura pulizija li jkunu telqu mill-korp?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fil-perijodu speċifikat mill-Onor. Interpellant ma ddaħħlu lura l-ebda pulizija li kienu ħarġu mill-Korp. Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tieni parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. W25.
Leg 9 PQ #7225 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Kaxxi tal-logħob

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu kaxxi tal-logħob illegali fl-ewwel erba' xhur tas-sena u minn liema lokalitajiet? Kemm resqet persuni l-qorti l-pulizija f'dan ir-rigward? Barra minnhekk, fl-ewwel erba' xhur tas-sena kemm inqabdu nies imexxu l-lottu klandestin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-ewwel erba` xhur ta` din is-sena l-Pulizija qabdet 10 kaxxi tal-logħob illegali minn dawn il-lokalitajiet: Qawra, Mellieħa, Valletta, Fgura, Tarxien, Zejtun u Birżebbuġia u f`dan ir-rigward, tressqu l-Qorti 9 persuni. Fl-istess perijodu inqabdu 22 persuna involuti fil-lottu klandestin. 31.05.99(a.m.)
Leg 9 PQ #7226 Sitting 110 1999-05-31 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx, fl-aħħar xhur, ittieħdu passi fil-konfront ta' membri, anke fi gradi ta' fizzjali, li waqt li jkunu xogħol ikunu minflok jixorbu spirti fi ħwienet tax-xorb?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul din is-sena ittieħdu passi kontra surġent, filwaqt li hemm każ ieħor kontra kuntistabbli li għadu pendenti. 31.05.99(a.m.)