Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xiri ta’ impjant ta’ Tarmak

Question

B’ referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 7583, jista’ l-Ministru jwieġeb għall-mistoqsija li saritlu, jiġifieri jekk il-Gvern għandux il-ħsieb li jixtri impjant tat-tarmak?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7583.

Malta Public Transport Services Ltd — ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ ħaddiema li għandha impjegati magħha l-Malta Public Transport Services Ltd li xogħolhom huwa li jnaddfu l-karozzi tal-linja? Jista’ jgħid b’liema frekwenza qed tiġi mnaddfa kull karozza tal-linja li hemm fil-flotta?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn informazzjoni ipprovduta mill-operatur tat-trasport pubbliku hemm 42 impjegat li xogħolhom huwa li jnaddfu l-karozzi tal-linja fl-4 depots madwar Malta u Għawdex. Infurmat ukoll li it-tindif fuq il-karozzi tal-linja jsir ta’ kuljum fejn jiġu mnaddfa kemm minn ġewwa kif ukoll minn barra dejjem jekk jippermetti it-temp.

Bendy buses — stima

Question

Jista’ l-Ministru jippreżenta stima ta’ evalwazzjoni li saret fuq il-bendy buses qabel ma ħarġet l-expresson of interest sabiex jinbiegħu l-istess xarabanks? Min hija l-persuna li għamlet l-evalwazzjoni tal-bendy buses sabiex ħarget l-expression of interest? Kemm ġew stmati l-bendy buses?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li skont informazzjoni pprovduta mill-Operatur tat-trasport pubbliku ma saret l-ebda stima ta’ evalwazzjoni fuq il-bendy buses għar-raġuni sempliċi li minħabba li dawn il-vetturi ma setgħux jintużaw Malta, allura jsegwi li l-value for use tagħhom f’ Malta huwa nil. Ta’ min wieħed jinnota wkoll li anke fl-Expression of Interest li nħarġet, il-bendy buses ġew esklużi milli jkunu jistgħu jintużaw fis-servizz tat-trasport pubbliku. Għaldaqstant ġie deċiż li tinħareġ Expression of Interest.

Transport Malta — Safar

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont dettaljat tal-infieq f’safar li sar minn uffiċjali ta' Transport Malta mid-9 ta’ Marzu 2013 sal-lum, inkluż dettalji ta’ min siefer, fejn u għal liema skop?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma nħossx li għandi naħli r-riżorsi tal-ħaddiema b’dan il-mod sakemm l-Onor. Interpellant m’għandux xi suspett li sar xi ħaġa b’mod abbużiv. F’dan il-każ nitlob lill-Onor. Interpellant biex jgħaddili l-informazzjoni li għandu ħalli nkun nista ninvestiga.

Air Malta – Riżenja ta’ individwu

Question

B' referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6650, peress li l-persuna konċernata gawdiet mill-Voluntary Redundancy Scheme, jista’ l-Ministru jgħid jekk din il-persuna setgħetx tiġi impjegata ma’ Transport Malta, li hi awtorità tal-Gvern?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna kkonċernata setgħet tiġi mpjegata ma’ Transport Malta.

Billboards illegali

Question

B’referenza għall-artiklu “Billboards ‘tip of iceberg’” li deher fil-ħarġa tad-9 ta’ Frar 2014 tal-ġurnal The Sunday Times, jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir minn Transport Malta fir-rigward tas-sitwazzjoni bla kontroll f’dak li jirrigwardja l-proliferazzjoni ta’ billboards illegali, hekk kif irrappurtat fl-istess artiklu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed tirrevedi l-qafas legali li jirrigwarda t-tqegħid ta’ billboards sabiex tkun f’pożizzjoni aħjar biex tindirizza l-problemi li għalihom qed tirreferi din il-mistoqsija parlamentari w ukoll sabiex taġġorna tali qafas legali ma’ żviluppi teknoloġiċi relatati ma’ dynamic u LED screens.

Speed Management Policy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-pjanijiet ta’ Transport Malta fir-rigward tal-iSpeed Management Policy?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjan ta’ Transport Malta fir-rigward tal-iSpeed Management Policy dejjem kien li jipprovdi qafas ta’ proċeduri w gwida għax-xogħol relatat ma’ veloċità fis-sewqan. Fil-fatt, l-Awtorità kontiwament tirreferi għal gwida li tagħti l-iSpeed Mangement Policy fir-rigward tal-posted speed limits u linji gwida riveduti bil-għan li tindirizza problemi ta’ sewqan eċċessiv.

Pjanċa tar-reġistrazzjoni GV

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi tfisser il-pjanċa tar-reġistrazzjoni ta’ karozza li jkollha l-ittri “GV”? Kemm inħarġu pjanċi tat-tip “GV” minn Marzu 2013 sal-lum u x’kontrolli qed isiru minn Transport Malta biex jiġi assigurat illi l-karozzi kollha li għandhom din il-pjanċa fil-fatt huma eliġibbli għal tali pjanċa?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm żewġ tipi ta’ pjanċi tar-reġistrazzjoni li jinħarġu bl-ittri ‘GV’. Hemm it-tip ta’ vetturi li jkunu N1 li jkollhom il-marka tar-reġistrazzjoni maħruġa b’ittra segwita bl-ittri ‘GV’ (*GV). Vetturi N1 huma vetturi bil-mutur użati għall-ġarr tal-merkanzija u li jkollhom piż massimu ta’ mhux iżjed minn 3.5 tunnellati, b’sedili għal mhux iżjed minn żewġ persuni. It-tip l-ieħor ta’ vetturi li jinħarġulhom pjanċi tar-registrazzjoni ‘GV’ segwiti b’ittra oħra (GV*) huma hekk kif ġej: · Vetturi reġistrati u jkollhom il-liċenza f’isem il-Gvern, jingħataw il-marki ta’ reġistrazzjoni ‘GVH’ segwiti minn tliet numri fil-każ ta’ vetturi kbar u l-ittri ‘GVN’ segwiti minn tliet numri fil-każ ta’ vetturi oħra. · Vetturi bil-mutur li jkunu reġistrati u li jkollhom liċenza f’isem id-Dipartiment tal-Pulizija jingħataw marki ta’ reġistrazzjoni ‘GVP’ segwiti minn tliet numri. · Vetturi bil-mutur li jkunu reġistrati u li jkollhom liċenza f’isem il-Forzi Armati ta’ Malta jingħataw marki ta’ reġistrazzjoni bi ‘GVA’ segwiti bi tliet numri. Il-vetturi li ġew irreġistrati minn Marzu 2013 u li nagħtawlhom il-marki ta’ reġistrazzjoni skont il-kriterji elenkati huwa ta’ 576 Transport Malta tassigura li l-vetturi msemmija hawn fuq huma eliġibbli sabiex jingħataw tali marki tar-reġistrazzjoni waqt il-proċess tar-reġistrar tal-istess vetturi billi d-dokumenti sottomessi jiġu ċċekkjati kif xieraq. Fil-każ tar-reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-marki tar-reġistrazzjoni GVN/A/P, l-applikazzjoni trid tkun sottomessa minn persuna awtorizzata fi ħdan id-Dipartiment Governattiv ikkonċernat. Fil-każ ta’ vetturi kummerċjali wżati li jingħataw marki tar-reġistrazzjoni *GV, l-Awtorità, permezz ta’ uffiċċjali tekniċi tispezzjona l-vettura li tkun impurtata sabiex jiġi ċertifikat in-numru ta’ sedili u li l-vettura ma teċċedix il-piż ta’ 3.5 tunnellati. Abbażi ta’ din l-ispezzjoni, l-Awtorità tipproċedi bir-reġistrazzjoni tal-vettura u għaldaqstant tingħatalha marki tar-reġistrazzjoni *GV. Fir-rigward ta’ vetturi kummerċjali ġodda, l-Awtorità tirreġistra l-vettura abbażi taċ-Ċertifikat ta’ Konformità maħruġ mingħand il-manifattur tal-vettura (Certificate of Conformity).

Vetturi — spezzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid, minn Marzu 2013 sal-lum, kemm saru spezzjonijiet minn Transport Malta fuq vetturi għall-emissjonijiet ta’ dħaħen? Jista’ jgħid kemm instabu vetturi li qed jiksru l-liġi f’dan ir-rigward?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li permess tal-Emission Alert Campaign, it-total ta’ vetturi li ġew spezzjonati bejn Marzu 2013 u Marzu 2014 kien ta’ 177 vettura. Minn dawn kien hemm 21 vettura li ma laħqux il-livel stabbilit ta’ emissjonijiet hekk kif rikjest mil-liġi. Infurmat ukoll li permezz tas-sezzjoni tal-Vehicle Inspectorate Unit fi ħdan id-Direttorat tal-Infurzar għall-istess perjodu ġew spezzjonati 2,173 vettura fit-triq. Minnhom kien hemm 109 li ma laħqux il-livell stabbilit ta’ emissjonijiet.

Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura — xogħlijiet lill-individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament mill-Ministeru u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet, korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn l-1998 u Marzu 2013, sena b’sena (inkluż ħatriet f’bordijiet)? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ingħataw l-ebda xogħlijiet mill-Ministeru tiegħi u mill-entitajiet, aġenziji, awtoritajiet u korporazzjonijiet li jaqgħu taħt ir-responsabiltà tiegħi lill-individwu li d-dettalji tiegħu ingħataw separatament.

BICC — Chairperson

Question

B’referenza għat-tweġibiet tal-mistoqsijiet parlamentari 8792 u 7415, jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tar-remunerazzjoni, inkluż perkaċċi jekk inhu l-każ, konnessi mal-kariga taċ-chairman tal-Kunsill Konsultattiv għall-Industrija tal-Bini (BICC) matul l-aħħar sena?

Response (MIZZI, JOE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 7415.

Torri tal-Għallis — protezzjoni tal-pill box

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'passi se jittieħdu biex il-pill box li hemm ħdejn it-torri tal-Għallis, tiġi mħarsa u protetta milli titkisser, minħabba l-proġett tat-twessiegħ tal-Coast Road? Jista' jagħti tagħrif dwar jekk hux se jkun hemm xi binjiet oħra storiċi li se jiġu affettwati minn dan it-twessiegħ?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet ta’ twessiegħ u titjib fl-allinjament ta’ Triq il-Kosta jinkludu t-twaqqiegħ u r-rilokazzjoni ta’ pillbox u searchlight fis-Salina, skont il-kundizzjonijiet stipulati fil-permess ta’ żvilupp maħruġ mill-MEPA. Ebda bini storiku ieħor m’għandu jkun affettwat mix-xogħlijiet ta’ twessiegħ. Madanakollu, qiegħed jinżamm kuntatt kontinwu mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali u l-MEPA sabiex jiġi żgurat li kull forma ta’ karatteristiċi storiċi li jistgħu jinstabu matul ix-xogħlijiet jiġu ppreservati u/jew rilokati kif mitlub mill-istess Sovrintendenza.

Coast Road — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-pjanti li fuqhom se jsiru x-xogħol marbut mat-tibdil fil-Coast Road? Jista' jindika x'bidliet hemm f'dawn il-pjanti minn dak li kien approvat oriġinarjament, jekk se jkun hemm tibdil?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-pjanti tal-proposta tal-Coast Road, kif inhuma approvati mill-MEPA, jinkludu numru ta’ reserved matters, fost oħrajn: 1. Id-dettalji tal-proposta fil-biċċa magħrufa bħala Qalet Marku, 2. L-aċċess propost għal-lokalita’ magħrufa bħala Salini Hamlet. Dawn ir-reserved matters qed jiġu diskussi mal-MEPA bil-għan li jkun hemm qbil mill-aktar fis. Apparti minn dawn ir-reserved matters, hemm dawn il-partijiet tat-triq li qed jiġu analizzati u/jew reveduti minħabba żviluppi li kien hemm wara li l-MEPA approvat il-permessi: 1. tibdil fil-parti tat-triq fin-naħa ta’ Baħar iċ-Ċagħaq fejn hu maħsub li t-triq ikollha livell differenti bejn karreġġjata u oħra, 2. tibdil fil-parti viċin is-Salini fejn hu propost li t-triq tinbena iktar viċin l-allinjament tat-triq eżistenti u mhux toħroġ iktar ‘l barra fuq art agrikola, 3. modifika fil-linja tal-karreġġjata l-ġdida proposta fuq art agrikola, fil-viċinanzi tat-traffic lights tal-Qawra sabiex jitnaqqas iżjed l-impatt fuq is-siġar eżistenti. Dawn ir-reviżjonijiet iridu wkoll jiġu approvati mill-MEPA qabel ma jistgħu jiġu mplimentati.

Biljetti tal-Karozzi tal-linja

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm kien in-numru ta' biljetti tal-karozzi tal-linja li nbiegħu lill-barranin, matul l-ewwel sitt xhur tal-2013?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li skont informazzjoni ipprovduta mill-Operatur tat-trasport pubbliku l-ammont ta’ biljetti li nbiegħu bil-prezz għal min mhux residenti ta’ Malta matul l-ewwel sitt xhur tal-2013 jammonta għal 1,281,645 biljett. Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li ġejt infurmat mill-Operatur tat-trasport pubbliku, illi l-kumpanija Arriva kienet ħadet deċiżjoni li ma tirrappurtax lil Transport Malta bejgħ ta’ biljetti li sar minn uħud mit- ticket sellers. Din in-nuqqas ta’ informazzjoni setgħet waslet li figuri ikkwotati minn Transport Malta matul is-sena li għaddiet setgħu kienu sottovalutati.

Transport Malta – tenders u call-offs

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħarġet tenders u call-offs Transport Malta minn Jannar 2013 sal-lum, meta ġew aġġudikati u lil min, kemm kien il-valur tagħhom u għal liema xogħol? Kemm minnhom tħallsu u lil min? Jista’ jgħid ukoll kemm hemm ħlasijiet pendenti għal xogħlijiet li saru, jew għal servizzi li ngħataw jew għal xiri li sar, u lil min huma dovuti l-ammonti pendenti?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi Transport Malta ħarġet numru ta’ “Tenders” u “Call-Offs” fi żmien speċifikat f’din il-mistoqsija. Dawn is-sejħiet jinkludu xogħlijiet varji fosthom sejħiet għal : · Servizzi ta’ Project Management, Data Collection, Supervision Services u Consultancies, · Disinn u Installazzjoni ta’ Tined relatati mat-Trasport Publiku, · Dwal u Traffic Lights għal fuq in-Network ta’ Toroq, · Servizzi ta’ printing, · Xogħlijiet ta’ Toroq inkulż għamara relatata u manutenzjoni, · Supply ta’ Uniformijiet · Servizzi ta’ Artwork · Charging Infrastructure for electric vehicles · Sistema ta’ pvs għal uffiċini ta’ Transport Malta · Xogħlijiet infrastrutturali oħra relatati mat-Trasport Pubbliku Normalment, il-perjodu ta’ aġġudikazzjoni ta’ “ tenders ” u “ call-offs ” ivarja minn ħmistax sa sitt ġimgħat, pero’ dan jiddependi ukoll mill-kumplessita` tad-dokument u tas-sottomissjoni li Transport Malta tkun irċeviet (jista’ jkun iżjed). Transport Malta tikkalkula li l-valur approssimattiv ta’ “tenders” u “call-offs” li ġew aġġudikati jew qiegħdin fil-proċess ta’ evalwazzjoni huwa ta’ €11, 250, 000 . Dan l’ammont huwa committed għal madwar 98 bejn “ tenders ” u “ call-offs ”. Fir-rigward ta’ ħlasijiet u ammonti pendenti, ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, il-proċess ta’ ħlasijiet huwa wieħed kontinwu ibbażat fuq il-kundizzjonijiet partikolari tad-dokument. Normalment, ħlasijiet isiru b’mod “interim” skond il-perjodu ta’ tul tax-xogħolijiet u eventwalment tinżamm “retention” fuq il-valur finali. Din ir-“ retention ” titħallas wara li x-xogħol ikun ċertifikat mill-uffiċjal inkarigat u wara li jiskadi l-perjodu speċifikat fis-sejħa.

Transport Malta – Uffiċċji f'Sa Maison, Ħal Luqa u l-Furjana

Question

Peress li fl-ewwel żjarat li għamel lill-ħaddiema ta’ Transport Malta, il-Ministru qallhom li kienu jaħdmu f’ambjent li ma jixirqilhomx, jista’ l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu f’dan ir-rigward, speċjalment għall-ħaddiema li jaħdmu Sa Maison, il-Furjana u Ħal Luqa? Jista' jgħid jekk ġewx skartati l-pjanijiet konkreti li kellha Transport Malta qabel Marzu?

Response (MIZZI, JOE)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet li ngħataw għall-mistoqsijiet parlamentari 2739 u 7595, ninfurmah li s-sejħa għal proposti għal kiri ta’ uffiċini ġodda bħalissa tinsab fil-proċess tal-evalwazzjoni.

Operat tal-parkeġġi

Question

Peress illi f'laqgħa ta' djalogu “Gvern li jisma'”, il-Ministru qal li se toħroġ expression of interest għall-operat tal-parkeġġi f'diversi lokalitajiet, jista’ l-Ministru jgħid f' liema lokalitajiet se toħroġ l-expression of interest? Jista’ jiċċara jekk il-parkeġġi kollha f'dawn il-lokalitajiet humiex se jiġu bi ħlas? Kemm se jkun dan il-ħlas? Kull min jipparkja f'dawn il-lokalitajiet se jkollu jħallas? Ir-residenti ta' dawn il-lokalitajiet se jkollhom iħallsu wkoll biex jipparkjaw?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta se tniedi Polza għall-Parkeġġ fil-ġimgħat li ġejjin fejn dettalji rigward żoni ta’ parkeġġ se jinfetħu għall-konsultazzjoni.

Tfittix għaż-żejt — kumpaniji

Question

Peress illi f'laqgħa ta' djalogu “'Gvern li jisma'”, il-Ministru ftaħar illi hemm ħafna kumpaniji li qed juru interess illi jibdew ifittxu għaż-żejt u gass fiż-żoni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni Maltija, jista’ l-Ministru jkun konkret u jgħid min huma dawn il-kumpaniji?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali u għalhekk ma tistax tingħata.

Tfittix għaż-żejt – kumpaniji

Question

Peress illi f' laqgħa ta' djalogu “'Gvern li jisma'”, il-Ministru ftaħar li l-Gvern qiegħed f' diskussjonijiet ma’ diversi kumpaniji li qed juru interess illi jibdew ifittxu għaż-żejt u gass fiż-żoni li jaqgħu taħt il-ġurisdizzjoni Maltija, jista’ l-Ministru jkun konkret u jgħid min huma dawn il-kumpaniji li kellu diskussjoni magħhom dwar dan is-suġġett?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali u għalhekk ma tistax tingħata.