Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #2791 Sitting 30 2013-06-12 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Boffa – Pazjenti li jirċievu kimoterapija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għalfejn minn xi ġimgħat 'l hawn pazjenti, li qed jirċievu kimoterapija ġewwa l-Isptar Boffa u għandhom bżonn li titnaddfilhom il-portacath, qed jiġu mitluba li jmorru għal dan is-servizz fil-ġurnata tal-Ħadd li hija normalment l-unika ġurnata li dawn il-pazjenti kienu jqattgħu mal-familja tagħhom (hija l-prassi normali li fil-weekend pazjenti ma jingħatawx chemotherapy biex ikollhom break mal-familja)? Min ħa din id-deċiżjoni u x'kien l-għan warajha?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li hija l-prassi normali ta’ dawn l-aħħar ftit snin lit-tindif tal-port-a-cath isir il-ġimgħa kollha, jiġifieri mit-Tnejn sal-Ħadd. Fost il-ġimgħa jingħata dan is-servizz lil dawk il-pazjenti li jkunu qed jattendu għall-kimoterapija.
Leg 12 PQ #2792 Sitting 30 2013-06-12 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei – security officers

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2299, jista’ l-Ministru jispjega b’liema mod se jiġi żgurat li jingħata l-aħjar servizz u ta’ valur għal flus imħallsa, u jekk dan hux ser iwassal għal tnaqqis ta’ security officers fl-Isptar Mater Dei?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-aħjar servizz ta'valur għal flus imħallsa sa jiġi żgurat billi jkun ċert li kull fejn hemm security officer illum fl-isptar Mater Dei, għadna l-vera ħtieġa għalih. Dan ma jeskludi qatt li xi security officers mill-isptar se jiġu mċaqqalqa mix-xogħol kurrenti tagħhom.
Leg 12 PQ #2810 Sitting 30 2013-06-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Monte Karmeli – każ ta’ persuna

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal liema raġuni l-public relations officer li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u li kienet tieħu ħsieb il-Communications Office tal-Isptar Monte Karmeli ġiet infurmata li l-impjieg tagħha se jiġi terminat għax il-kuntratt tagħha mhux se jiġi mġedded? Huwa infurmat il-Ministru li din kienet qed tagħmel xogħol importanti bħal ma hi kampanja kontra l-istigma tal-mard mentali u għarfien aħjar dwar l-Isptar Monte Karmeli? Billi din il-persuna ilha tagħmel dan ix-xogħol għal dawn l-aħħar tliet snin, għaliex ġie deċiż li l-kuntratt tagħha ma jiġix estiż? Min se jagħmel ix-xogħol li kienet tagħmel hi ladarba din tispiċċa, kif tidher li hija id-deċiżjoni s’issa?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li bħala parti mil-istrutturar li qed jiġi attwat fil-qasam tas-saħħa mentali, f’dan il-mument ix-xogħol tal-PRO u tal-communications office ser jiġi integrat bħala parti mix-xogħol tal-impjegati u f’kull dixxiplina biex nassiguraw li jkun hemm ownership totali. Ir-relazzjonijiet pubbliċi huwa sforz kontinwu u għaldaqstant kull impjegat f’dan il-qasam huwa ambaxxatur tas-saħħa mentali u tas-servizzi li jingħataw f’dan is-settur. B’hekk l-istigma assoċjata ma’ dan il-qasam, il-promozzjoni tas-saħħa mentali u l-prevenzjoni tal-mard mentali jiġu indirizzati b’mod istituzzjonalizzat u assertiv. L-istrateġija ta’ komunikazzjoni u relazzjonijiet pubbliċi sejra tkun spearheaded mit-top management. Għadhom għaddejjin id-diskussjonojiet bejn il-managment u l-impjegata msemmija.
Leg 12 PQ #2811 Sitting 30 2013-06-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei — Trasferiment ta’ pazjenti għar-Residenza San Vinċenz de Paul

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1509 u jgħid kemm ġew trasferiti pazjenti għar-Residenza San Vinċenz de Paul mill-Isptar Mater Dei mill-10 ta’ Marzu sal-lum, ġimgħa b’ġimgħa? Kemm hemm pazjenti bħalissa fl-Isptar Mater Dei jistennew biex jiġu trasferiti għal-long term care?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Membru li fid-dokument anness qed jidhru ġimgħa b’ġimgħa kemm ġew trasferiti pazjenti għar-Residenza San Vinċenz de Paul mill-Isptar Mater Dei mill-10 ta’ Marzu sal-lum b’total ta’ 33 pazjent. Bħalissa hemm sebgħa u sebgħin pazjenti jistennew biex jiġu trasferiti għal-long term care. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #2812 Sitting 30 2013-06-12 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei – Stennija għal sodda

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1508 u jgħid tul ix-xahar ta’ April kemm pazjenti damu jistennew sodda fis-sala fl-Isptar Mater Dei wara li ġie deċiż li kellhom bżonn admission wara li daħlu l-Emerġenza?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. It-total hu 627 pazjent.
Leg 12 PQ #2813 Sitting 30 2013-06-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Karin Grech — fiżjoterapija

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga r-raġuni għala matul din l-aħħar ġimgħa il-pazjenti rikoverati fl-Isptar Karin Grech ma ngħatawx is-servizz tal-fiżjoterapija meta f'dawn il-każijiet dan is-servizz hu mill-aktar importanti?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li skont l-informazzjoni li għandi, din l-aħħar ġimgħa, is-servizz tal-fiżjoterapija kompla jingħata b’ritmu normali u regolari lill-pazjenti rikoverati fl-Isptar Karin Grech. Jekk hemm xi nuqqasijiet nitlob lill-Onorevoli Membru biex ikun speċifiku ħalli ninvestija.
Leg 12 PQ #2815 Sitting 30 2013-06-12 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Karin Grech — servizzi

Question

Jista' l-Ministru jikkunsidra li fis-swali tal-Isptar tar-rijabilitazzjoni Karin Grech ikun hemm is-servizz tat-telefown u tat-televiżjoni fil-wards minħabba li l-pażjenti f'dawn is-swali li ħafna drabi jkunu anzjani jkollhom bżonn iqattgħu żmien twil rokoverati f'dan l-isptar?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li preżentement f’kull sala hemm is-servizz ta’televiżjoni fid-dining room/common area li hi għall-użu tal-pazjenti rikoverati. Apparti minn dan, hemm swali li għandhom is-servizz għall-televiżjoni f’kull kamra. Fi swali oħra s-servizz għall-televiżjoni jinsab biss f’numru ta’ kmamar. Rigward is servizz tat-telefon l-isptar m’għandux l-infrastruttura biex joffri s-servizz ta’ telefon pubbliku. Il-pazjenti u l-qraba tagħhom jistgħu jużaw it-telefon li jinsab fin- nursing station fil-każ ta’ bżonn. S'issa m'hemmx pjanijiet li jiġi ntrodott is-servizz ta' telefon pubbliku.
Leg 12 PQ #805 Sitting 29 2013-06-11 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru għas-Saħħa — informazzjoni dwar vetturi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk mal-ħatra tiegħu kellux informazzjoni dwar x'vetturi kellu tali Ministeru? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid jekk hux kull vettura nstabet u jekk kenitx f'kundizzjoni tajba?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li l-vetturi kollha tal-Ministeru għas-Saħħa huma irreġistrati fil-Fleet Management System li hija Software li amministrat mill-Ministeru tal-Finanzi u mill-offiċju tal-Prim Ministru u mid-Dipartiment inkorċernat, għaldaqstant ma’ irriżultax li kien hemm vetturi nieqsa. Il-kundizzjoni tal-vetturi tirrifletti it-tali żmien ta kemm ilha mixtrija il-vettura.
Leg 12 PQ #2096 Sitting 29 2013-06-11 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru għas-Saħħa — konsulenzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill-1998 sal-lum? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #2314 Sitting 29 2013-06-11 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Mediċini out of Stock – Lactulose

Question

Peress li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 691 il-Ministru weġibni dwar sptarijiet u spiżeriji tal-għażla tiegħek, waqt li l-informazzjoni mitluba kienet tirreferi għall-ispiżerija tal-Gvern ta’ Raħal Ġdid, jista’ l-Ministru issa jagħtini t-tagħrif mitlub?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-mediċina Lctulose għada ma waslitx mingħand il-kuntratur presenti u għalhekk sar xiri alternattiv fuq il-kont tal-kumpanija. Din il-mediċina waslet fi kwantitajiet żgħar u għalissa se titqassam mill-ispiżerija ta' l-Isptar Mater Dei. Il-Gvern se jkompli jixtri fuq il-kont tal-kuntratur presenti, li se jeħel ukoll multa minħabba li ma wassalx il-konsenja fil-ħin hekk kif stipulat fil-kuntratt. Din il-mediċina partikolari hija għall-użu kroniku u għalhekk tingħata biss mill-Isptar Mater Dei u mill-Ispiżerija tal-Għazla Tiegħek.
Leg 12 PQ #2315 Sitting 29 2013-06-11 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru tas-Saħħa — impjegati fis-Segretarjat

Question

B`referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 692 jista’ l-Ministru jispjega għaliex xi membri tas-segretarjat tiegħu ġew ingaġġati mingħajr kuntratt meta l-kodiċi tal-etika maħruġ f’Marzu 2013, f’paragrafu 3 “Ministers and Parliamentary secretaries are to comply with the following manual when recruiting secretarial staff” u paragrafu 3.1.1 “Recruitment Guidelines” jistipula mod ieħor, u meta anke Ministeri oħra ma użawx il-proċedura użata mill-Ministeru tiegħu?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-impjegati li jgħinu fis-Segretarjat tal-Ministeru mingħajr kuntratt sħiħ,huma ħaddiema tal-istess dipartiment li għadhom jagħmlu xogħol fejn meħtieġ u bla ħlas żejjed meta jinħas il-bżonn. Tax-xogħol li jgħamlu fis-segretarjat jingħataw allowance skont kif stipulat fl-istess kuntratt.
Leg 12 PQ #2316 Sitting 29 2013-06-11 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei – parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min ta struzzjonijiet, u għalfejn, lis-security officers tal-parkeġġ fejn id-Dipartiment tal-Emergenza tal-Isptar Mater Dei sabiex jirriservaw l-ispazji għall-parkeġġ u b`hekk jitnaqqsu numru ta’ parkeġġi, bir-riżultat li qed jinħoloq inkonvenjent kbir lill-pazjenti li jkollhom bżonn imorru l-emerġenza? Għal min ġew riżervati dawn il-parkeġġi?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-unika spazji fil-parkeġġ riservati li ġew miżjuda qrib l-Emerġenza fl-aħħar tlett xhur huma tnejn, wieħed għall-Ministru għas-Saħħa, u għall-karozzi tal-Ministeru. Huma ġew mitluba mill-Ministru għas-Saħħa stess. Dawn ma’ naqsu xejn mill-parkegg għal-pazjenti, u lanqas huwa ta’xkiel għall-operat.Infurmat ukoll li ma ġewx riservati parkeġġi oħra fl-emerġenza.
Leg 12 PQ #2319 Sitting 29 2013-06-11 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru tas-Saħħa — Karozzi – test tal-VRT

Question

Jista' l-Ministru jgħid x’inhi l-proċedura sabiex il-karozzi tal-Gvern li huma użati mill-ministeru tiegħu jsirilhom it-test tal-VRT? Fejn isiru dawn it-testijiet? Jista’ l-ministru jikkonferma li l-karozzi kollha li qed jintużaw bħalissa huma certified for road worthiness?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninsab infurmat li l-proċedura użata għat-test tal-VRT minn dan il-Ministeru hi l-istess proċedura li kienet tintuża mill-amministrazzjoni preċedenti. Il-vetturi kollha li jintużaw mill-Ministeru għas-Saħħa isirilhom l-VRT test skont meta jkunu msejħa għat-test. Ta’ min jgħid li l-prezz għal test tal-VRT huwa fiss, jiġifieri li kull min jgħati dan it-tip ta’ servizz joffri l-istess prezz. Madankollu, xorta waħda id-dipartiment jgħamel użu minn kwotazzjoni jew minn postijiet differenti fejn jingħata dan is-servizz. Il-karozzi kollha li qed jintużaw bħalissa huma certified for road worthiness.
Leg 12 PQ #2486 Sitting 29 2013-06-11 Oral · Final From: KRISTY DEBONO To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru għas-Saħħa — servizz ta’ customer care

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hu jew id-dekasteru tiegħu hux qed jagħmlu kuntatt ma’ kunsilli lokali biex joffru servizzi ta’ customer care mill-uffiċċji tal-kunsilli lokali? Jekk iva, jista’ jindika ma’ liema kunsilli lokali sar dan il-kuntatt? Jekk fl-affermattiv jista’ jindika liema kienu dawk il-kunsilli lokali li rrispondew fil-pożittiv għal din it-talba? Liema rrispondew fin-negattiv u liema għadhom ma rrispondewx? Fil-lokalitajiet li rrispondew fil-pożittiv meta beda dan is-servizz? F’liema ħinijiet u f’liema ġranet qed ikun offrut dan is-servizz?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma kien hemm l-ebda kuntatt mal-kunsilli lokali biex jofru servizz ta’Custemer Care mill-uffiċċju tagħhom.
Leg 12 PQ #1115 Sitting 28 2013-06-10 Oral · Final From: CLAUDETTE BUTTIGIEG To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru għas-Saħħa — impjegati detailed

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm, u min huma, l-impjegati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jew xi dipartiment jew entità li taqa’ taħtu, li huma detailed, jew għandhom permess, sabiex jagħmlu xogħol ma' xi entità non-governattiva (NGOs), inkluż xogħol ma' trade unions? Fuq liema bażi qed isir dan ix-xogħol u x’inhuma t-termini ta’ żmien? X’inhi r-remunerazzjoni, jiġifieri l-paga, allowances, overtime u dħul ieħor, li kull wieħed minn dawn l-individwi qed jirċievi, u min joħroġ tali salarju?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi preżentament hemm ħames (5) uffiċjali pubbliċi li huma rilaxxati biex iwettqu dmirijiet ma' Organizzazzjoni Volontarja u tliet (3) uffiċjali pubbliċi li huma rilaxxati biex iwettqu dmirijiet ma' trade union. Dawn l-uffiċjali kollha huma rilaxxati fuq grounds of public policy skont id-dispożizzjonijiet tal- Public Service Management Code , u skont dawn l-istess dispożizzjonijiet jitħallsu mill-Ministeru għas-Saħħa bl-istess kundizzjonijiet li kienu jgawdu mas-Servizz Pubbliku. Ir-rilaxx jiġġedded minn sena għall-oħra.
Leg 12 PQ #2308 Sitting 28 2013-06-10 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru tas-Saħħa — Talbiet għal transfers

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti għal transfers minn impjegati tal-Ministeru tiegħu, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu, u jindika l-kategoriji tal-istess ħaddiema?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 12 PQ #2309 Sitting 28 2013-06-10 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru tas-Saħħa — Pagamenti pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta’ pagamenti pendenti li l-ministeru, dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu jridu jħallsu għal xiri ta’ prodotti u materjal, servizzi kif ukoll xogħlijiet?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #2310 Sitting 28 2013-06-10 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Sptar Mater Dei — Lista ta’ stennija għall-operazzjonijet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li qed jistennew intervent u/jew operazzjoni fl-Isptar Mater Dei, u jagħti u n-numru ta’ pazjenti skont kull kategorija ta’ intervent mediku? Nitolbu jagħti informazzjoni dwar kemm hemm pazjenti li ilhom jistennew: Bejn 3 u sitt xhur; bejn 7 u 12-il xahar; bejn 13 u 24 xahar; bejn 25 u 36 xahar; u aktar minn 36 xahar.

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #2311 Sitting 28 2013-06-10 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru tas-Saħħa – azzjonijiet industrijali

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 629 jista’ l-Ministru jgħid x`azzjonijiet qed jittieħdu sabiex id-direttivi li għadhom fis-seħħ jiġu solvuti? Kemm minn dawn id-direttivi fil-fatt ġew konklużi?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lil- Onorevoli Interpellant li saru diversi laqgħat mal-Unions sabiex dawn id- direttivi li intirtu minn l-amministrazjoni precedenti jiġu solvuti. Hafna minn dawn id-direttivi qed jigu indirizzati u fil-futur qarib nibdew nikkonkludu fuq numru minnhom.
Leg 12 PQ #2312 Sitting 28 2013-06-10 Oral · Final From: JOSEPH CASSAR To: Ministeru għas-Saħħa

Ministeru tas-Saħħa – ristrutturar

Question

Peress li fit-tweġiba li tani għall-mistoqsija parlamentari 632 m’hemmx riferenza għal xi pjan ta’ ristrutturar, jista’ issa l-Ministru jgħid jekk hux qed jitħejja pjan sabiex ċerti direttorati jiġu aboliti? X`inhi r-raġuni għal din id-deċiżjoni? Min ħadha? Il-unions ġew ikkonsultati?

Response (FARRUGIA, GODFREY)

Ninforma lil-Onorevoli Interpellant, li l-Ministeru qiegħed fi stadju ta’ konsultazzjoni biex jara l-aħjar mod, kif il-qasam tas-saħħa jkun l-iktar effettiv biex jagħti l-aħjar servizz.