Legislature:
Category:
Reset
Active:

Conservators — warrant

Question

Jista' l-Ministru jagħtina update rigward l-għotji tal-warrant lill-conservators?

Response (BONNICI, OWEN)

Il-Gvern m'għandu ebda commitment elettorali li jagħti warrant lill-conservators. Biss qed nikkonsidraw din il-proposta mal-bqija tal-proposti li daħlu.

Heritage Malta — nefqa

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16405 jista' l-Ministru jserraħ moħħ il-poplu Malti li flus Heritage Malta jinteffqu bil-għaqal u bħalma qal hu stess u naqbel miegħu f'risposta ohra li "kull ċenteżmu ta' ntrojtu li tagħmel Heritage Malta jmur dritt lura fil-wirt kulturali" mhux biss jirriserva d-dritt li japplika l-penali imma f'ġieħ il-konsistenza japplika l-penali mill-ewwel?

Response (BONNICI, OWEN)

L-Onor. Interpellant jista’ jserraħ rasu li Heritage Malta tapplika l-penali li jidhrilha li għandha tapplika fil-waqt opportun.

Heritage Malta – siti/mużewijiet bla security officers

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 16405 jista' l-Ministru jserraħ moħħ il-poplu Malti li f'dawn it-tmien darbiet fejn il-kuntrattur ma onorax il-ftehim ma' Heritage Malta, il-kollezzjoni nazzjonali ma kinetx f'ebda ħin f'periklu minħabba li ma kienx hemm għassa? Jista' ukoll l-Ministru jgħidilna x'miżuri ħadet Heritage Malta sabiex jissewwa n-nuqqas tal-kuntrattur?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li kull darba li kien hemm nuqqas min-naħa tal-kuntrattur Heritage Malta għamlet tajjeb permezz tal-impjegati tagħha skont pjan pre-stabbilit u kif isir dejjem f’okkażjonijiet bħal dawn. Saru għadd ta’ laqgħat mal-kuntrattur sabiex titjieb il-proċedura u jiġu evitati okkażjonijiet bħal dawn.

Heritage Malta – direct orders

Question

Jista' l-Ministru jelenka kull direct order li ħarġet minn Heritage Malta minn Marzu 2013 s'issa? Jista' wkoll jgħid lil min ingħataw dawn id-direct orders, in-natura tax-xogħol involut, l-ammount (bil-vat inkluż) kif ukoll ir-raġunijiet għaliex inħarġu dawn id-direct orders.

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tad-direct orders li nħarġu minn Heritage Malta mill-2013 sal-lum, bl-informazzjoni mitluba.

Watchman — overtime

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il siegħa overtime ingħata fil-grad ta' watchman minn Marzu 2013 sal-lum?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li minn Marzu 2013 sa Mejju 2015, jiġfieri f’26 xahar, kien hemm bżonn ta’ 4,518 siegħa overtime fil-grad ta’ watchman. Tajjeb li wieħed jinnota li bejn l-2011 u l-2012, ċioe f’24 xahar, l-ammont ta’ siegħat overtime fil-grad ta’ watchman kien dak ta’ 5,639-il siegħa. Dan iffisser li mill-2013 sa Mejju ta’ din is-sena kien hemm tnaqqis ta’ 1,121 siegħa fl-overtime li ngħata fil-grad ta’ watchman

Heritage Malta – performance bonuses

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 16014, jista' l-Ministru jgħidilna għaliex numru ta' individwi fi grad maniġerjali li jaħdmu fi ħdan Heritage Malta kellhom parti mill-performance bonus tal-2014, abbinat maż-żieda ta' dan l-introjtu? Ma jaħsibx il-Ministru li jkun iktar ta' ġid jekk l-ħaddiema kollha jkun trattati l-istess għal ġid tal-istess Aġenzija u li jkun rikkonoxxuti kif xieraq?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li dawk l-impjegati fi grad maniġerjali li jistgħu jikkontribwixxu direttament lejn iż-żieda fl-introjtu ikollhom parti mill-performance bonus marbut ma’ din il-mira. Ma hemm assolutament xejn stramb f’dan.

Dar il-Mediterran — aċċessibilità għall-persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx konxju li Dar il-Mediterran mhijiex post aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità? Jekk iva, kien jaf li kunsillier lokali tal-Kunsill Lokali Ħaż-Żebbuġ huwa persuna b'diżabilità bil-konsegwenza li ma setax jattendi għaċ-ċerimonja tal-għoti tal-ġurament nhar l-Erbgħa, 29 ta' April 2015?

Response (BONNICI, OWEN)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Dar il-Mediterran hu fil-fatt aċċessibbli għall-persuni b’diżabilità. Fir-rigward tal-każ li qed jagħmel referenza għalih l-Onor. Interpellant, ninfurmah li faċċata tal-post fejn saret dina ċ-ċerimonja hemm lift aċċessibbli għal kulħadd kif del resto għandu jkun. Ngħarraf ukoll lill Onor. Interpellant li l-kunsillier li għandi nifhem qed jirreferi għalih f’dina d-domanda parlamentari attenda għaċ-ċerimonja tal-għoti tal-ġurament nhar l-Erbgħa, 29 ta' April 2015 u jien personalment fraħtlu għas-suċċess li kiseb.

Sant’ Iermu – lapida kommemorattiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u l-Gvern Lokali ma ġiex imniżżel fuq il-lapida kommemorattiva li nkixfet fil-ftuħ uffiċjali ta' Sant'Iermu f'Mejju li għadda?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 16724 li qed tiġi mwieġba f’din is-Seduta Parlamentari.

Heritage Malta – sejħa għal wood conservator

Question

B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 13593, fejn il-Ministru wieġeb li Heritage Malta m’għandhiex xogħol ta' restawr pendenti minħabba nuqqas ta' nies, jista' jgħid għaliex f'24 ta' Mejju, Heritage Malta ħarġet sejħa esterna għall-wood conservator?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li nħarġet sejħa għal konservatur tal-injam sabiex jissostitwixxi lil dak preżenti peress li dan talab li jiġi ttrasferit.

Heritage Malta – sejħa għal wood conservator

Question

B'referenza għas-sejħa esterna li ħarġet Heritage Malta f'Mejju li għadda, jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji Heritage Malta ħa tagħżel il-wood conservator? Jista' wkoll jgħid għaliex ma ħarġitx sejħa interna kif soltu jsir? Jista' wkoll jikkonferma li kull min ħa jiġi ingaġġat, ħa jkun/tkun fully qualified conservator?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill- Onor. Interpellant li fir-rigward tal-kriterji li fuqhom se jintagħżel il- wood conservator nirreferi lill-On. Interpellant għat-twegiba għall-mistoqsija parlamentari numru 16729. Ninsab infurmat li ma ħarġitx sejħa interna għaliex ħadd fi ħdan Heritage Malta ma jista’ jikkwalifika sabiex japplika għal dan ix-xoghol. Il-persuna li eventwalment tista’ tintagħzel se jkun konservatur ikkwalifikat.

Heritage Malta – sejħa għal wood conservator

Question

B'referenza għas-sejħa esterna (Wood Conservator) li ħarġet Heritage Malta f'Mejju li għadda, jista' l-Ministru jgħidilna għaliex l-eligibility criteria huma "A pertinent 1st degree in the respective area of research and operation, or an appropriate, recognized, comparable qualification, + 4 year relevant work experience 7 year relevant work experience", filwaqt li l-eligibility criteria ta' post għal-conservator - painting li ħarġet iktar kmieni din is-sena kellha eligibility criteria differenti, jiġifieri "Applicants must be in possession of a first degree in Conservation"?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat minn Heritage Malta li ‘A pertinent 1st degree in the respective area of research and operation’ u ‘Applicants must be in possession of a first degree in Conservation’ fil-prattika jfissru l-istess ħaġa. Tajjeb ukoll li wieħed iżomm f’moħħu li teknikament ħadd ma jista’ jkun ikkwalifikat bħala Wood Conservator mill-Universita ta’ Malta peress li dan il-kors speċifiku fil-konservazzjoni tal-injam qatt ma kien offrut.

Heritage Malta – sejħa għal wood conservator

Question

B'referenza għas-sejħa esterna (Wood Conservator) li ħarġet Heritage Malta f'Mejju li għadda, jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra, l-ismijiet tal-membri tal-bord tal-għażla kif ukoll il-marking scheme ta' kif ħa jiġu allokati l-marki?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li l-Bord tal-Għażla għadu ma ġiex maħtur u hu l-Bord tal-Għażla li jagħmel din il-marking scheme.

Is-Siġġiewi — Triq Dun Manwel Zammit - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jara li ttitieħed azzjoni sabiex isir ix-xogħol li hemm bżonn fi Triq Dun Manwel Zammit fis-Siġġiewi peress li qed iżomm ħafna ilma tax-xita b'inkonvenjenza għar-residenti kkonċernati?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi li għamel diversi tentattivi biex tissolva l-problema msemmija li tidher li hija waħda mhux faċilment solvibbli.

Ħal Tarxien – proġett għall-ilqugħ tat-Tempji Neolitiċi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proġett għall-ilqugħ tat-Tempji Neolitiċi ta’ Ħal Tarxien?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat minn Heritage Malta li matul ix-xahar ta’ Mejju tlesta x-xogħol tat-tħaffir għall-bażijiet tat-tinda, ħlief l-aħħar dettalji tal-aħħar waħda. Bdew jaslu ukoll l-kunsinni tal-istruttura tat-tinda mill-Ġermanja. Intrama wkoll l-iscaffolding protettiv sabiex jipproteġi l-fdalijiet tat-tempji. Ix-xogħol ta’ installazzjoni tal-ewwel arkata tat-tinda beda s-Sibt 30 ta’ Mejju kif irrapurtat fuq il-mezzi tax-xandir.

Għawdex — ċitazzjoni - gwardjani lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw ċitazzjonijiet mill-gwardjani lokali f'kull lokalità f'Għawdex fl-2013, fl-2014 u fl-2015 sal-lum? Jista' jagħti din l-informazzjoni lokalità b'lokalità sena b'sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tindika n-numru ta’ ċitazzjonijiet li ngħataw per annum sal-4 ta’ Ġunju 2015.

San Ġwann — ċitazzjonijiet minn gwardjani lokali - parking on the pavement

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ċitazzjoni parking on the pavement ingħatat mill-gwardjani lokali f'San Ġawnn, triq triq mill-1 ta' Jannar 2013 sat-30 ta' April 2015 sena b'sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat, li l-ammont taċ-ċitażżjonijiet għal parking on the pavement li ngħataw fil-lokalità ta’ San Ġwann mill-gwardjani lokali, huwa kif ġej: Fl-2013 – 18 –il kontravenzjoni Fl-2014 – 40 –il kontravenzjoni Fl-2015 - 27 –il kontravenzjoni.

San Ġwann — ċitazzjonijiet minn gwardjani lokali - obstructing free passage

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il ċitazzjoni obstructing free passage ingħatat mill-gwardjani lokali f'San Ġawnn, triq triq mill-1 ta' Jannar 2013 sat-30 ta' April 2015 sena b'sena?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat, li l-ammont taċ-ċitażżjonijiet għal obstructing free passage li ngħataw fil-lokalità ta’ San Ġwann mill-gwardjani lokali, huwa kif ġej: Fl-2013 - 21 -il kontravenzjoni Fl-2014 - 45 -il kontravenzjoni Fl-2015 - 30 -il kontravenzjoni.

MEPA u WBRU – uffiċjali mqabbdin bħala esperti tal-Qorti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk jarax konflitt ta’ interess fil-fatt li uffiċjali tal-MEPA jew Wild Birds Regulation Unit (WBRU) jitqabbdu bħala esperti indipendenti tal-Qorti f’każijiet li l-MEPA jew il-WBRU ikollhom interess fihom, bħal każi ta’ kaċċa illegali?

Response (BONNICI, OWEN)

Prima facie jidher illi jista’ jkun hemm konflitt t’ interess fis-sitwazzjoni deskritta mill-Onor. Interpellant pero wieħed dejjem ikun irid jara l-fatti speċifiċi qabel ma jasal għal konklużjoni bħal din. Ta’ min jinnota illi l-akkuzat f’ kawża għandu dritt illi joġġezzjona jekk ikun se jitqabbad xi ħadd illi m’ huwiex idoneju biex joqogħod perit tal-qorti u dik l-oġġezzjoni tiġi deċiża mill-Qorti. Naturalment wieħed irid ukoll jiddistingwi bejn l-interess personali f’ kawża u l-interess ġenerali f’ suġġett bħal ma huwa l-ambjent.

Librerija tal-Qorti – kompjuter b’aċċess għall-internet

Question

Jista’ l-Ministru jara li fil-Librerija tal-Qorti jkun hemm kompjuter b’aċċess għall-internet għall-użu ta’ min imur jagħmel ftit riċerka waqt li jkun fil-librerija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed isiru tħejjijiet biex il-Librerija tal-Qorti ma tibqax fejn hi u ġie identifikat post ieħor biex iservi ta’ Librerija. Ix-xogħol fuq dan it-trasferiment mistenni li ma jdumx ma jibda sabiex fil-Qorti jkun hemm Liberija aktar moderna. Diġa ġie ppjanat li fil-Librerija l-ġdida jiġi nstallat kompjuter b’aċċess għall-internet biex ikun jista’ jintuża minn dawk il-persuni li jkollhom bżonn jagħmlu użu minn din il-Librerija.

Heritage Malta – siti/mużewijiet bla security officers

Question

Jista' l-Ministru jgħidilna kemm-il sit/mużew ta' Heritage Malta baqgħu bla security officers (avolja dawn ġew ordnati), minn Marzu tal 2015 sa issa? Jista' jghidilna wkoll kemm huwa l-ammont ta' penali li ngħata l-kuntrattur/i li naqqsu minn xogħolhom għad-detriment tal-istess Aġenzija?

Response (BONNICI, OWEN)

Ninsab infurmat li minn Marzu s’issa kien hemm tmien okkazjonijiet meta uffiċjali tas-sigurtà ma rrapurtawx għax-xoghol. Għad li s’issa għadhom ma ġewx applikati penali, Heritage Malta tirriżerva d-dritt li tagħmel dan.