Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #20280 Sitting 323 2015-11-09 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – Airstrip – Environment Impact Assessment

Question

Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk ħarġitx tender ta’ environmental impact assessment għal dak li jikkonċerna airstrip f’Għawdex? Jekk iva, min ingħata t-tender biex iwettaq dan ix-xogħol u fiex wasal dan ix-xogħol? Kemm hi mistennija tkun in-nefqa għal dan l-istudju?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-infomazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #20281 Sitting 323 2015-11-09 Oral · Final From: ĊENSU GALEA To: Ministeru għal Għawdex

Studju dwar baga — Xlendi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol dwar l-istudju marbut mal-baga fix-Xlendi? Jista’ jagħti tagħrif dwar min qed jagħmel dan l-istudju jekk għadu għaddej?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-istudji għadhom iridu jiġu konklużi. Dawn l-istudji qegħdin isiru bir-reqqa u bl-attenzjoni neċessarja sabiex ma jiġix ripetut l-iżball oħxon li sar taħt l-amministrazzjoni preċedenti.
Leg 12 PQ #20368 Sitting 323 2015-11-09 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għaedex — assistent parlamentari

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min kien l-assistent parlamentari li kien jassisti lill-Ministru bejn l-2008 sa l-2013 ? X kien il-pakkett finanzjarju tal-assistent parlamentari? Jista’ jiġi ppreżentat rapport dettaljat dwar il-ħidma li kien għamel l-assistent parlamentari?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-assistent parlamentari li kien jassisti lill-Ministru fil-perjodu msemmi kien l-Onor. Frederick Azzopardi. L-Onor. Azzopardi kien jirċievi allowance ta’ 15% ta’ Skala Nru. 1 għal dik is-sena partikulari.
Leg 12 PQ #20696 Sitting 323 2015-11-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Nadur – Triq it-Tiġrija - xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jsir ix-xogħol ta' bini mill-ġdid ta' Triq it-Tiġrija fin-Nadur? Jista' jgħid jekk hux ser jsir culvert ġdid għall-ilma tax-xita f'din it-triq? Jista' jgħid meta ser jitkompla x-xogħol fuq Triq tal-Ħanaq u parti minn Triq ir-Ramla fin-Nadur stante li dan issa ilu wieqaf numru ta' xhur u l-finishing coat ta' tarmak baqa' ma ngħatax bil-konsegwenza li hemm ċertu periklu bil-faxxa tal-konkos imqabbża ‘l fuq fuq il-ġenb ta' dawn it-toroq? Jista' jgħid meta hu maħsub li ssir il-parti ta' Triq Għajn Qasab fin-Nadur mill-playing field tal-Ħali ‘l fuq li tinsab fi stat ħazin ħafna?

Response (REFALO, ANTON)

Il-Ministeru huwa konxju mill-punti li qajjem l-Onor. Interpellant fil-mistoqsija tiegħu u bi ħsiebu jieħu azzjoni mill-aktar fis possibbli.
Leg 12 PQ #20766 Sitting 323 2015-11-09 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Bdiewa Għawdxin – sussidju għat-trasport bejn Malta u Għawdex

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandhom jieħdu sussidju l-bdiewa Għawdxin għat-trasport tal-prodotti tagħhom bejn Għawdex u Malta? Ta’ liema snin huma dovuti u meta hu maħsub li se jitħallsu dan is-sussidju?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li sa l-aħħar ta’ Lulju ta’din is-sena il-bdiewa għandhom jieħdu sussidju ta’ €25,353.75 li mistenni jitħallas sa l-aħħar ta’ din is-sena. Ma hemmx kontijiet pendenti ta’ sussidju għas-snin ta’qabel.
Leg 12 PQ #19846 Sitting 321 2015-11-03 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għall-Għawdex — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna ġdida (li qabel it-8 ta' Marzu 2013 ma kinux impjegati mal-entitajiet/dipartimenti/awtoritajiet konċernat) ġiet impjegata mal-Ministeru tiegħu inkluż ma’ kwalunkwè entità, korporazzjoni, jew dipartiment li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu mit-8 ta’ Marzu 2013 sat-30 ta’ Settembru 2015, kemm jekk l-impjieg tagħha hu wieħed dirett, kemm jekk l-impjieg tagħha hu tramite l-kuntrattur, kemm jekk huwa on secondment, kif ukoll jekk fuq bażi ta’ self-employed?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għal Mistoqsijiet Parlamentari numru 7422 u 14662. Ninforma lill-Onorevoli Interpellant ukoll, matul l-istess perjodu sitt persuni temmew l-impjieg tagħhom u tmienja u disgħin (98) persuna rtiraw jew irriżenjaw mix-xogħol tagħhom.
Leg 12 PQ #20118 Sitting 321 2015-11-03 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – impjegati mill-1998 sa 2013

Question

Jista’ l-Ministru jgħid bejn Settembru 1998 u Marzu 2013 kemm kien hemm persuni li f’xi żmien qabel ma ġew ingaġġati fis-Segretarjat Privat tal-Ministru ta’ dak iż-żmien, fl-uffiċini tas-Segretarji Parlamentari li kienu jaqgħu taħt l-istess Ministeru jew f’kull dipartiment, entità, fondazzjoni, awtorità, korporazzjoni, aġenzija, kummissjoni, kumpanija, istitut li jaqa’ taħt il-Ministeru, kienu jaħdmu ma’ xi waħda mill-entitajiet li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament? Jista’ jagħti lista ta’ min kienu dawn il-persuni kif ukoll il-pakkett finanzjarju sħiħ ta’ kull wieħed u waħda minnhom?

Response (REFALO, ANTON)

Nagħmel riferenza ghall-prassi li kienet użata f’legiżlaturi preċedenti u ngħarraf lill-Onor Interpellant li informazzjoni ta’ natura personali kif mitluba minnu, tingħata biss bil-kunsens tal-individwi kkonċernati.
Leg 12 PQ #20620 Sitting 321 2015-11-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

L-Għasri — Fanal tal-Ġordan - tiswijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi qed jieħu l-Ministeru tiegħu biex jiġi assigurat li l-Fanal tal-Ġordan fl-Għasri li hu wieħed mil-landmarks ta’ Għawdex ma tiġrilux aktar ħsara peress li jinsab fi stat ħażin?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-Ministeru għal Għawdex jaf li l-fanal ta’ Ġurdan ilu fi stat ħażin ta’ restawr għal snin twal u ma ngħatax l-attenzjoni li kien ħaqqu mill-amministrazzjoni preċedenti. Kien għalhekk li l-Ministeru għal Għawdex beda diskussjonijiet dwar dan is-sit biex jara x’interventi huma meħtieġa.
Leg 12 PQ #20621 Sitting 321 2015-11-03 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Wied il-Għasri – manutenzjoni ta’ parking area

Question

Jista’ l-Ministru jara li tiġi rranġata l-area f’Wied il-Għasri fejn jipparkjaw diversi persuni, għaddasa u għawwiema peress li din ilha ma tingħata manutenzjoni tant li l-wiċċ spiċċa kważi għal kollox u hemm biss tajn u trab fejn jiġu pparkjati l-vetturi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li x-xogħol imsemmi qiegħed fil-pjan tal-Ministeru għal Għawdex u kif diġa twettqu xogħolijiet ta’ manutensjoni fuq diversi siti oħra, ser jitwettaq dan ix-xogħol imsemmi fil-futur qarib.
Leg 12 PQ #20332 Sitting 320 2015-11-02 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — bordijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-bordijiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid jekk il-membri, inklużi ċ-Chairperson u s-Segretarju ta' dawn il-bordijiet jieħdux xi remunerazzjoni? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid kemm hi r-remunerazzjoni, li kull sena jirċievi ċ-Chairperson, is-segretarju u kull membru, separatament, ta' kull bord?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għal mistoqsija parlamentari 19720.
Leg 12 PQ #20353 Sitting 320 2015-11-02 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — reklamar

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intefqu flus f’reklamar fl-entita’ li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament minn 2008 sal-lum sena b’sena u skont il-mezz tax-xandir innifsu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #20416 Sitting 320 2015-11-02 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Studenti Għawdxin — korsijiet terzjarji - grant

Question

B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19004, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti Għawdxin li jsegwu korsijiet privati f'Malta u ċjoè jsegwu korsijiet terzjarji li jkunu offruti minn entitajiet privati? Għaliex dan il-grant huwa ta’ 489 euro fis-sena biss u mhux 1,500 euro fis-sena bħal ma jingħataw studenti Għawdxin? Jista' jara li din il-grant tal-inqas tkun fl-istess livell tal-grant ta' studenti oħra Għawdxin li jistudjaw f'Malta u dan meta tqis li dawn ma jeħdux stipendju u jkunu qed iħallsu għal kors minn buthom?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li ma teżistix statistika tal-istudenti Għawdxin li jattendu istituzzjonijiet edukattivi privati ġewwa Malta u li qegħdin jittieħdu l-miżuri sabiex tali statistika tinġabar. Dawn l-iskemi tal-għoti ta’ sussidji kienu jeżistu ukoll fl-amministrazzjonijiet preċedenti. L-Onor. Interpellant għandu japprezza l-fatt li din l-informazzjoni hija essenzjali qabel ma jiġi kkunsidrat jekk is-sussidju mogħti lil dawn l-istudenti ikunx daqs dak mogħti lill-studenti Għawdxin li jirċievu 1,500 euro fis-sena.
Leg 12 PQ #20435 Sitting 320 2015-11-02 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Telefonati 153 — servizzi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk ġiex ikkonsultat u jekk approvax li s-servizz tat-telefonati 153 ma jibqax jingħata minn Għawdex? Jista’ jgħid x’se jsir mill-ħaddiema Għawdxin li kienu jagħtu dan is-servizz minn Għawdex stess?

Response (REFALO, ANTON)

Is-servizz ser jiġi inkorporat f’servizz aktar wiesa’ ta’ one stop shop. Il-ħaddiema se jibqgħu jagħtu servizzi f’Għawdex u se jigu redeployed fejn hemm bżonn is-servizzi tagħhom.
Leg 12 PQ #20104 Sitting 318 2015-10-28 Oral · Final From: SILVIO SCHEMBRI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – membri parlamentari tal-Oppożizzjoni ingaġġati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-membri parlamentari tal-Oppożizzjoni preżenti jew passati li kienu jew għadhom jaħdmu jew jokkupaw xi kariga f’xi entità li taqa’ taħt ir-responsabilità tiegħu sa mill-2008 sal-lum? Jista’ jgħid ukoll x’kariga jokkupa/tokkupa u x’pakkett finanzjarju u perkaċċi oħra hemm marbuta mal-kariga?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba tinsab fit-tabella li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #20392 Sitting 318 2015-10-28 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għajnsielem — Dar tal-Anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu mistenni li d-Dar tal-Anzjani li se tinbena f'Għajnsielem se tibda tilqa' fiha l-ewwel anzjani?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Nterpellant li dan il- Ministeru se jagħmel l-almu kollu tiegħu biex din id-Dar tinfetaħ fil-futur qarib.
Leg 12 PQ #20033 Sitting 316 2015-10-27 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

EkoGħawdex – inizjattivi

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19716, fejn qed jintqal li bħala parti mill-inizjattivi li ttieħdu matul l-aħħar sentejn fuq il-kunċett EkoGħawdex ittieħdu miżuri fuq arti pubblika f’Għawdex, jista’ l-Ministru jelenka l-inizjattivi li ttieħdu biex ikunu installati skulturi u biċċiet tal-arti f’postijiet pubbliċi madwar Għawdex? Jista’ jgħid jekk dawn l-inizjattivi kienux jinvolvu spejjeż? Jekk fl-affermattiv, jista’ jgħid kemm kienu dawn l-ispejjeż?

Response (REFALO, ANTON)

Qiegħed ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-aħħar inizjattivi dwar l-arti jinkludu: Merħba bil-Fjuri (Mosaic Mural extension) Mġarr Sant’Orsla (Skultura) Ir-Rabat(Dar tal-Gvernatur) Qawsalla Fjuri (Mosaic Mural) Mgarr Bdiewa (Skultura) Sannat S’issa ntefqu €35323.45 fuq dawn l-inizzjattivi.
Leg 12 PQ #20034 Sitting 316 2015-10-27 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

EkoGħawdex – inizjattivi

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19716, fejn qed jintqal li bħala parti mill-inizjattivi li ttieħdu matul l-aħħar sentejn fuq il-kunċett EkoGħawdex sar xogħol fuq proġett ta’ afforestazzjoni, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża fuq ix-xogħlijiet ta’ restawr ekoloġiku fil-Qortin ta’ Isopu, in-Nadur? Jista’ jgħid fiex kienu jikkonsistu dawn ix-xogħlijiet?

Response (REFALO, ANTON)

Qiegħed ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija skont it-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #20035 Sitting 316 2015-10-27 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Bini ta' Qorti Ġdida — applikazzjoni

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19721 fejn qed jintqal li wara t-tlestija tas-site selection exercise tkompla l-proċess ta’ assessjoni tad-disinni l-ġodda mal-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, jista’ l-Ministru jgħid jekk dan is-site selection exercise kienx jinvolvi bidla fis-sit oriġinali fejn kienet ġiet ippjanata din il-binja u ċjoè fi Triq Giorgio Borg Olivier?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li s-sit tal-binja proposta huwa fi Triq Ġorġ Borġ Olivier.
Leg 12 PQ #20259 Sitting 316 2015-10-27 Oral · Final From: ANTOINE BORG To: Ministeru għal Għawdex

Ċittadella — dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm swew id-dwal li twaħħlu mas-swar taċ-Ċittadella, mingħand min inxtraw, u jekk hux b’tender jew direct order?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li s-sistema tad-dawl taċ-Ċittadella hija parti mill-proġett ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropea u qed issir wara li nħarġet sejħa għall-offerti bir-referenza CT3090/2013. Il-kuntrattur huwa Richard Cauchi. Is-sistema hija stmata li ser tiswa €357,218.72 (inkluża l-VAT)
Leg 12 PQ #19952 Sitting 313 2015-10-26 Oral · Final From: FREDERICK AZZOPARDI To: Ministeru għal Għawdex

Triq bejn il-Qala u Ta' Ċenċ — xogħlijiet

Question

B'referenza għal-laqgħa mis-sensiela "Gvern li Jisma", li saret fit-23 ta' Ġunju 2015, fejn intqal li "sa nofs din il-leġiżlatura l-Gvern digà nvesta €14-il miljun fi proġetti infrastrutturali u xogħlijiet li qed isiru fuq diversi toroq fosthom l-asfaltar ta' 10 kilometri bejn il-Qala u Ta' Ċenċ u sit kilometri oħra minn fondi nazzjonali" jista' l-Ministru jelenka dawn il-proġetti infrastrutturali u jgħid kemm kien investit fuq kull proġett li fuqhom qed jingħad li ġie investit total ta' €14-il miljun? Jista' jgħid kemm tlestew mill-10 kilmetri mit-Triq bejn il-Qala u Ta' Ċenċ? Jista' jgħid liema huma t-toroq li fihom qed jingħad li ngħataw sitt kilometri ta' asfaltar?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar u se tinġħata f'seduta oħra.