Legislature:
Category:
Reset
Active:

Msida — Remissi taż-Żwiemel

Question

Billi hemm xi nies li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament, li għandhom remissi taż-żwiemel fi Triq Spiżjar Joe Sciberras, Msida, f'postijiet fejn titħallas il-kera lill-joint office, u billi dawn eventwalment se jiġu allegatament riallokati premises in-naħa magħrufa bħala Tal-Blata ħdejn il-Ġibjun qrib l-Universita' minflok ma dawn jintbagħtu temporanjament biex jużaw stalel il-Marsa, jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jitħallew f'dan il-fond sakemm jasal għat-twaqqiegħ kif ukoll sakemm ikun tlesta l-post alternattiv li x'aktarx se jiġi allokat lilhom għall-istess skop?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-proġett fi Triq Spiżjar Joe Sciberras fl-Imsida, kif ukoll il-bini ta' l-istalel qrib l-Universita' qiegħed isir mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswijiet tad-Djar. Għaldaqstant l-Onor. Membru huwa mitlub li jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru ikkonċernat.

Investigaturi privati

Question

B'referenza għat-tweġiba mogħtija għal mistoqsija 27040, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal xogħol ta' investigaturi privati u meta se jiġu proċessati dawn l-applikazzjonijiet u kemm ilhom pendenti f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent hawn applikazzjoni waħda pendenti għal aġenziji privati li jistgħu jipprovdu servizzi ta' investigazzjoni privati skond l-Att dwar Gwardjani Privati u Lokali (Cap 389). Din saret fit-12 ta' Settembru 2007 u qiegħda tiġi proċessata.

Kmamar tan-nar — Spezzjonijiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi spezzjonijiet qed isiru fil-kmamar tan-nar? Jista' jgħid jekk u kif ħarġu l-permessi għal dawn il-kmamar tan-nar meta għad hemm diffikultajiet għall-aċċess għal ċerti kmamar tan-nar u xi pjanijiet hemm biex dan l-aċċess ikun faċilitat?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27068.

Riviera Hotel

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġiet stmata l-art li kienet tappartjeni lill-Gvern u li ġiet użurpata biex tinbena parti mill-Riviera Hotel fil-Mellieħa? Min ħareġ l-istima? Kif ġiet maħduma l-istima tal-art okkupata? Jista' jgħid jekk l-ammont stmat ġiet imħallas minn min ħa l-art u meta sar il-ħlas? Jekk le, jistax jagħti r-raġuni għaliex ma sarx il-ħlas?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li parti mill-art li fuqha nbniet il-lukanda Riviera fil-Mellieħa kienet diġa' mogħtija b'ċens temporanju lill-iżviluppatur filwaqt li parti oħra kienet ġiet okkupata bla titolu. L-art in kwistjoni fit-total tagħha ġiet stmata mit-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern bħala li kellha valur ta' Lm850,000. Din l-istima kienet ibbażata fuq il-parametri indikati lit-Taqsima, jiġifieri il-medja bejn il-prezz tas-suq u l-prezz ta' Lm60,000 it-tomna li kien jintuża qabel f'każijiet indikati lit-Taqsima, fejn art tal-Gvern kienet tingħata b'mod dirett sabiex issir estensjoni ta' lukandi eżistenti. L-ammont ta' Lm434,522 minn din is-somma kien ġie paċut ma' somma oħra ugwali dovuta lis-sidien tal-lukanda, filwaqt li l-bilanċ ta' Lm415,478 kellu jitħallas f'numru ta' pagamenti annwali. Kull pagament li kien dovut sa issa tħallas meta sar dovut. Il-bilanċ li jibqa' huwa ta' Lm138,493 u dan għandu jitħallas f'żewġ pagamenti oħra ta' Lm69,246 il-wieħed, li wieħed sar dovut riċentement u l-ieħor isir dovut f'Ġunju tal-2008.

Konsulent legali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani kemm hemm kunsilli lokali f'Malta u Għawdex li qablu lill-avukat, li ismu qed jintbagħat separtament, bħala konsulent legali? Jista' jgħid kemm kull kunsill qiegħed jonfoq f'dawn il-konsulenzi kull sena ta' kull kunsill?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi peress li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, ser tingħata tweġiba f'xi Seduta oħra.

Kunsilli lokali — Konsulenti

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min huma l-konsulenti legali tal-kunsilli lokali, kunsill, kunsill? Jista' jgħid kemm tħallsu dawn il-konsulenti kunsill, kunsill b'indikazzjoni tal-konsulent legali?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi peress li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, ser tingħata tweġiba f'xi Seduta oħra.

Fidi ta' ċens

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 27220 li oriġinarjment saret lill-Ministru tal-Familja u Solidarjeta' Soċjali u issa ġiet riferuta lilu, cioe' tista' tara li anzjan, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li jrid jifdi ċ-ċens tal-post li huwa tiegħu u l-post kien tal-Knisja u llum sar tal-Gvern jiġi nfurmat b'dak li jrid jagħmel?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni tal-persuna in kwistjoni biex tifdi ċ-ċens ħadet xi żmien biex tiġi pproċessata sakemm ġie determinat iċ-ċens korrett impost fuq ir-residenza tiegħu. Issa li din il-problema ġiet solvuta ser issir pjanta tal-fond sabiex il-proprjeta' tiġi reġistrata fir-Reġistru tal-Artijiet biex ikun jista' jsir il-kuntratt tal-fidi.

Ex-pulizija — Reinstatement

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni għaliex ma sarx ir-reinstatement ta' ex-pulizija, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li kien applika għar-reinstatement f'Marzu ta' l-1992 meta dan kienu bagħtu għalih mid-Depot fi żmien il-Kummissarju Calleja u li sal-lum għadu mhux membru tal-Pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ma hemmx x'wieħed iżid mat-tweġibiet li kienet ingħatat bil-miktub dak iż-żmien il-persuna imsemmija mill-Onorevoli Interpellant.

Plot tal-Joint Office

Question

Wara li residenti minn Triq Dun Gorġ Fenech, Qormi ilhom jilmentaw li fit-triq imsemmija hemm xi plots tal-Joint Office li huma abbandunati u mingħajr il-ħitan rikjesti bil-liġi, bil-konsegwenza li dawn l-għelieqi qed jiġbru ħafna ħmieġ fihom, u għaldaqstant qed ikunu ta' inkonvenjenza għar-residenti ta' l-inħawi, jista' l-Viċi Prim Ministru jindaga u jieħu passi, inkluż li jinbena ċ-ċint rikjest?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-art fi Triq Dun Ġorġ Fenech, Qormi kienet amministrata mill-Uffiċċju Konġunt, imma ġiet trasferita lill-Awtorita' tad-Djar fis-sena 2003.

Proprjetajiet

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-proprjetajiet fl-Isla, li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament humiex tal-Gvern jew inkella ta' l-Uffiċċju Konġunt?

Response (BORG, TONIO)

Il-proprjeta' amministrata mill-Uffiċċju Konġunt hija proprjeta' tal-Gvern daqs dik amministrata mid-Dipartiment tat-Tmexxija tal-Proprjeta'. Ninsab infurmat li tlieta mill-erba' proprjetajiet li d-dettalji tagħhom intbagħtu separatament huma tal-Gvern, u amministrati mill-Uffiċċju Konġunt. Dak bin-numru 72 huwa ta' sidien privati.

Korp tal-Pulizija — Dħul ta' l-ewro

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-Korp tal-Pulizija huwiex se jkun involut fit-trasport u distribuzzjoni u l-organizzazzjoni tal-munita Ewro meta tidħol f'pajjiżna?

Response (BORG, TONIO)

Naħseb illi illum huwa fatt magħruf illi t-trasport tal-munita Ewro issir taħt sigurta' stretta mill-Forzi tal-ordni tal-pajjiż.

Possession and Use

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-fond li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament li jinsab f'Bormla, hux milqut bil-liġi tal-Possession and Use? Dan il-post jista' jinxtara?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-fond li rrefera għalih l-Onorevoli Interpellant fil-fatt huwa mibni fuq art li ġiet esproprjata mill-Gvern taħt titlu ta' pussess u użu.

Għassa tal-Pulizija — Għibien ta' tape jew CD

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk fit-18 ta' Lulju 2007 inżammitx seduta mill-Maġistrat inkwerenti li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament fl-għassa tal-pulizija tal-Belt Valletta u dan rigwardanti għibien ta' tape jew CD li naqas mill-proċess ta' każ li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Jista' jikkonferma wkoll li f'din is-seduta kellu jagħti x-xhieda tiegħu uffiċjal tal-Qorti li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament? Jikkonferma li din is-seduta damet sat-8.00p.m. u jista' jgħid jekk ġewx rintraċċati dawn it-tapes jew tape CD jew CDs hekk importanti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi nhar it-18 ta' Lulju 2007 sar rapport mir-Reġistratur tal-Qorti Kriminali fl-għassa tal-Belt Valletta dwar l-għejbien ta' kopja ta' Compact Disk mill-atti proċesswali fil-każ "Il-Pulizija versus Mario Camilleri et", f'liema kawża Mario Camilleri, it-tifel tiegħu Pierre Camilleri u Anthony Grech Sant qed jiġu akkużati b'tixħim ta' l-Imħallfin Noel Arrigo u Patrick Vella. In segwitu ta' dan ir-rapport, il-Pulizija nfurmat lill-Maġistrat ta' l-Għassa u saret Inkjesta Maġisterjali. F'din l-Inkjesta Maġisterjali nstemgħu diversi xhieda, fosthom ir-Reġistratur tal-Qorti Kriminali msemmi mill-Onor. Interpellant. Din l-inkjesta għadha mhix konkluża. Madanakollu, ninsab infurmat ukoll li l-Pulizija ħadet il-passi neċessarji biex mill-ewwel esebixxiet kopja awtentika tal-kontenut kollu f'din il-Compact Disk quddiem l-istess Qorti. Ta' min jgħid li kopji oħra ta' din il-Compact Disk jinsabu f'atti proċesswali oħra u għalhekk l-għejbien ta' din il-Compact Disk, bl-ebda mod ma jippreġudika l-andament tal-proċeduri

Sliema — Bollards

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara kif il-pulizjia ta' Tas-Sliema qatt ma rrispondiet dwar il-kwestjoni tal-bollards fit-Trejqa Dun Gennaro Camilleri, liema bollards huma ta' tfixkil, u anke hemm katnazzi fuq il-bollards u dan b'ostaklu għar-residenti? M'hemm ħadd li hu responsabbli?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Pulizija rrispondiet lill-Onor Interpellant f'ittra li ġġib id-data tal-5 ta' Awissu 2007.

Town Twinning Meeting

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani kemm-il kunsill lokali applika sabiex jibbenefika minn fondi fuq proġetti "Town Twinning Meeting"? Min huma dawk il-kunsilli lokali li bbenefikaw? Kemm ħa fondi kull kunsill lokali ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi peress l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

Permess tal-Pulizija

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument relattiv għall-permess tal-Pulizija, jekk hemm, tal-ħanut li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa' kelli l-okkażżjoni ninforma lill-Kamra, il-liċenzji tan-negozju, m'għadhomx jinħarġu mill-Pulizija. Għaldaqstant nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Każi ta' serq

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Mejju 2007? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Mejju 2007?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Mejju ta' l-2007, il-każi ta' serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 38 każ ta' serq li f'20 minnhom diġa' nbdew proċeduri kriminali quddiem il-Qorti. Hold up 3 Pick Pocketing 19 Snatch & grab 12 Serq minn dghajjes 10 Serq ta’ dghajjes 3 Serq ta’ karozzi 29 Serq minn karozzi 147 Serq minn residenzi 55 Serq minn barijiet / lukandi 20 Serq minn xtajtiet 9 Serq minn fabbriki 2 Serq minn hwienet 17 Serq iehor 211

Reati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Mejju 2007? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Mejju 2007?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Mejju ta' l-2007, ir-reati li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt illi matul l-istess xahar kien hemm 39 persuna misjuba ħatja ta' reati kriminali. Arson 8 Attempted offences 46 Bodily harm 111 Computer misuse 3 Crimes against public safety 1 Crimes vs administration of justice etc 1 Damage 230 Drugs 14 Forgery 4 Fraud 9 Illegal Immigration 19 Against morals/honour of family 3 Perjury & false swearing 3 Prostitution 8 Sexual offences 3 Theft 537 Threats and private violence 3 Violence against public officers 6