Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk id-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali għandux perit biex jivverifika l-applikanti tad-dipartiment li qed jgħidu li l-fond fejn joqogħdu huwa sub-standard u/jew ikkundannat? Jekk fl-affermattiv, min hu l-perit? Meta sar il-kuntratt ta' impjieg mal-perit? X'inhi l-paga tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Numru 2513 f’din l-istess Seduta.
Ministeru Politika Soċjali — Ħaddiema bil-kuntratt
Question
Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 2468 u cioe' jgħid kemm hemm ħaddiema bil-kuntratt mal-ministeru tiegħu li ma jagħmlux parti mis-segretarjat tal-ministeru jiġifieri fid-dipartimenti, korporazzjonijiet u aġenziji li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu? X'inhu x-xogħol tagħhom u x'tip ta' kuntratti definiti għandhom? Kif ġew magħżula għall-postijiet li qegħdin jokkupaw bħalissa? Kemm minnhom għandhom 'il fuq mill-eta' ta' l-irtirar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u ser tingħata f’xi Seduta oħra.
Jista' il-Viċi Prim Minstru jgħid kemm hemm talbiet pendenti għas-servizz ta' inkontinenza mill-1 ta' Awwissu 2003 u mil-liema lokalita' huma?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li hemm erba’ talbiet pendenti għas-servizz ta’ inkontinenza li huma dawk li daħlu mill-bidu ta’ Novembru 2003. Tnejn saru mill-lokalita’ ta’ Birkirkara, waħda mill-Furjana u oħra minn tas-Sliema.
Jista' il-Viċi Prim Ministru iqiegħed fuq il-mejda tal-Kamra kopja tas-social impact asessments li saru mill-gvern għal budgets 1999, 2000, 2001, 2002, 2003 u dak għal ta' l-2004 fir-rigward ta' dawk il-familji li jgħixu bil-minimum wage, bl-għajnuna soċjali, bil-benefiċċju tal-qgħad, pensjoni minima nazzjonali, pensjoni ta' l-invalidita', pensjoni tad-diżabilita' u dawk oħrajn li jaqgħu fil-faxxa t'isfel tas-soċjeta'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif taf l-Onor. Interpellanti, iż-żieda għall-għoli tal- ħajja mħabbra fil-Budgets tkun stmata fuq l-indiċi tal-prezzijiet liema żieda tkun inkluża mal-minimum wage. Din iż-żieda tiġi wkoll riflessa fir-rati tal-benefiċċji mħallsa taħt l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali skond kif provdut fl-Artikolu 90A ta’ l-istess Att.
Għal dak li jirrigwarda l-pensjonijiet imħallsa taħt l-imsemmi Att, minn din is-sena, tfassal indiċi ġdid għall-għoli tal-ħajja apposta għall-pensjonanti li jirrifletti l-infieq partikolari ta’ din il-kategorija. Minn Jannar ta’ din is-sena l-pensjonanti bdew jingħataw iż-żieda kollha li tirriżulta minn dan l-indiċi maħdum speċifikament għalihom u mhux żewġ terzi taż-żieda għall-għoli tal-ħajja skond l-indiċi ġenerali kif kien isir qabel.
Minn din is-sena wkoll ittieħdu diversi miżuri oħra biex itejbu l-ħajja ta’ dawk li l-aktar għandhom bżonn. Fost dawn ġew riveduti ‘fuq it-test tal-meżżi kapitali biex persuna tirċievi l-Għajnuna Soċjali, l-Għajnuna Medika u l-Pensjoni tal-Wens. Ġie rivedut wkoll it-test tal-meżżi għall-eliġibilita’ għall-Għajnuna Supplementari fil-każ ta’ koppja miżżewġa kif ukoll ir-rata tal-ħlas kemm għall-koppji miżżewġa kif ukoll għall-persuni weħidhom. Minn din is-sena wkoll żidna r-rata taċ-Children Allowance għal min għandu tlett itfal jew aktar. Dawn il-miżuri flimkien ma’ diversi oħrajn relatati mat-taxxa tad-dħul, ġew implimentati propju biex jgħinu lil dawk li jaqgħu fil-faxxa t’isfel fis-soċjeta’.
Ħaddiem li sofra minn inċident fuq il-post tax-xogħol
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet ta' l-occupational health & safety authority dwar l-inċident li persuna - isimha qed jintbagħat separatament - kellu fuq il-post tax-xogħol tiegħu fil-Freeport fl-10 ta' Awissu, 2002 u li fih sofra diżabilita' permanenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol investigat il-każ li għamel referenża għalih l-Onor. Interpellant. Minn din l-investigazzjoni rriżultaw diverġenzi serji dwar l-inċident bejn kif rappurtat mill-impjegat konċernat u kif rappurtat mix-xhieda li raw l-inċident. Spezzjoni fuq il-vapur fejn seħħ l-inċident ma wrietx li kien hemm xi negliġenza minn naħa ta’ l-operaturi tal-vapur.
Ninsab infurmat ukoll li għall-finijiet ta’ l-Att dwar l-Awtorita’ għas-Saħħa u s-Sigurta’ fuq il-Post tax-Xogħol, l-Awtorita’ tikkunsidra l-investigazzi magħluqa.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma dawk id-djar li l-okkupanti/sidien tagħhom jikkwalifikaw għall-għajnuna ta' l-awtorita' tad-djar u san sabiex jirranġaw jew iwettqu bdil strutturali fl-istess djar? Meta jridu jkunu nbnew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita’ tad-Djar tagħti sussidju taħt Skema Z, suġġett għall-kundizzjonijiet ta’ din l-iskema li l-applikant irid jissodisfa, lil sidien biex jirranġaw djarhom jekk id-dar tkun imbniet mill-anqas tletin sena qabel id-data ta’ l-applikazzjoni għall-irranġar u jekk il-valur tad-dar wara x-xogħol ma jeċċedix Lm40,000.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li l-persuna - id-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament - tirċievi l-ħlas taċ-children's allowance peress li l-aħħar żewġ ħlasijiet ma rċevithomx?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi lill-persuna ndikata fl-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta’ Soċjali li jkopri l-lokalita’ tagħha.
Dipartiment għall-akkomodazzjoi soċjali — Tqassim ta' postijiet
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm tqassmu postijiet mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali u mill-awtorita' tad-djar minn Jannar sa Mejju 2003? F'liema lokalita' kienu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti lista bl-indirizzi tal-postijiet fil-Kottonera li ġew allokati mid-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali minn Jannar 2003 sa April 2003?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma jidhirlix li għandi nippubblika l-indirizzi tal-postijiet li ġew allokati sabiex nissalvagwardjaw l-privatezza ta’ min qed jokkuphom. Madankollu qed nippubblika n –numru ta’ postijiet allokati fil-lokalitajiet mitluba mill-Onor. Interpellant.
Birgu 3
Isla 2
Bormla 20
Dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali — Ilmenti minn applikanti quddiem l-Ombudsman
Question
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk tressqux ilmenti quddiem l-Ombudsman minn applikanti tad-dipartiment għall-akkomodazzjoni soċjali, dipartiment tat-tiswijiet u bini tal-gvern u l-awtorita' tad-djar għas-snin 2000, 2001, 2002 u 2003?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li t-Tweġiba hi fl-affermattiv. L-ilmenti li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant jiġu ppubblikati fir-rapporti li joħroġ l-Ombudsman kull sitt xhur.
Kunsilli Lokali — Talbiet għall-ftuħ ta' day centres
Question
Jista' il-Ministru jgħid kemm huma u liema huma l-Kunsilli li għamlu talba għall-ftuħ ta' day centres għall-anzjani?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li hemm erba’ Kunsilli Lokali li qed jikkunsidraw il-possibbilta’ li jinfetaħ Day Centre għall-Anzjani ġdid fil-lokalita’ tagħhom. Dawn huma Marsa, Pieta’, Rabat u Santa Lucia.
Jista' il-Ministru jgħid kemm qegħdin jingħataw flus f'sussidju għal djar ta' l-anzjani tal-privat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-iskema ta’ sussidju fuq sodod fi djar privati għall-anzjani, l-ammont ta’ sussidju hu ta’ Lm150,000 fis-sena.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol tal-faċċata tad-Dockyard terrace, l-Isla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ser jitkompla appena l-kuntrattur iġib il-ġebel skond l-ispeċifikazzjonijiet tat-tender. Ninsab infurmat ukoll li dan il-ġebel ser jinġieb minn barra.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm persuni/individwi li d-dħul tagħhom hu mir-relief? Kemm kien l-ammont li ngħata bħala relief lil dawk intitolati fis-sena 2002 u minn Jannar 2003 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella li turi l-informazzjoni mitluba.
Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid fuq liema kriterji jingħata d-dritt għar-relief? Min huma dawk intitolati għar-relief?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Biex persuna jkollha d-dritt għall-Għajnuna Soċjali trid tissodisfa l-kriterji u l-kundizzjonijiet imsemmija f’Artikolu 30 u Sitt Parti tat-Tieni Skeda ta’ l-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali.
B'referenza għal-laqgħat tad-WTO li l-Gvern Malti attenda f'Cancun u l-eventwalita' li pajjiżna se jissieħeb fl-Unjoni Ewropea wara Mejju li ġej, jista' il-Viċi Prim Ministru jinforma lill-Kamra x'impatt se jkollhom fuq l-impjiegi u l-pagi tal-ħaddiema l-kontrolli tat-tariffi u dazji ġodda fuq il-materja prima ta' l-ikel u xorb lissa li pajjiżna jrid idaħħal wara sħubija kawża tal-falliment fil-laqgħat tad-WTO?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ma għandi xejn xi nżid mat-Tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1721 f’Seduta Numru 43.