Legislature:
Category:
Reset
Active:

Gvern Taljan — Fondi - 5th Protocol

Question

Jista' il-Ministru jgħidilna jekk il-fondi li ngħataw mill-Gvern Taljan bħala assistenza għat-tiswija tat-toroq tagħna fil-5th protocol relating to Economical, Technical and Financial Assistance għandhomx arbut magħhom li x-xogħlijiet jibqgħu jitwettqu minn kumpanniji barranin?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li bħal ma ġara fil-Protokolli Finanzjarji l-oħra li Malta ffirmat ma' l-Italja, l-ispirtu tal-Ħames Protokoll Finanzjarju jirrikjedi li l-bicca l-kbira tax-xogħlijiet jitwettqu minn kumpaniji Taljani. Il-Protokoll jispeċifika wkoll li l-finanzjament ta' spejjeż u xogħlijiet Maltin jista' jlaħħaq sa ħmistax fil-mija tal-valur ta' kull proġett u f'ċerti każi din ir-rata tista' bi qbil bejn iż-żewġ partijiet titla' sa tletin fil-mija.

Refunds tal-VAT

Question

Kemm fil-fatt jammontaw ir-refunds tal-VAT u ta' Income Tax f'cifra ta' flus globali li baqalhom jitħallsu ? Kemm huwa n-numru ta' tax-payers li qed jistennew dawn il-pagamenti f' Malta u Għawdex separatament?

Response (DALLI, JOHN)

Qed nagħti hawn taħt l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant dwar is-somma globali ta’ VAT refunds li baqgħalhom jitħallsu. Malta - Lm7,657,919 lil 5,322 taxpayer Għawdex - Lm305,525 lil 429 taxpayer Iċ-ċifri indikati jinkludu refunds mitluba li għadhom mhux dovuti u oħrajn li qed jiġu verifikati. Fir-rirward tar-refunds ta' l-Income Tax li għad baqgħalhom jitħallsu huma ta Lm13,528,878 għal 20,068 taxpayers Maltin u ta’ Lm531,997 għal 998 taxpayers Għawdxin.

Lukanda Verdala — Pagi

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari tiegħi fil-Leġiżlatura li għaddiet dwar il-pagamenti dovuti lill-Ex Ħaddiema ta'l-Ex Lukanda Verdala għall pagi dovuti lilhom li ma' ġewx imħallsa, jista ' l-Ministru jaġġornani dwar is-sitwazzjoni u cioe' meta l-MDC u l-GWU se jifthemu sabiex jitħallsu l-pagamenti nkwistjoni lill-ħaddiema u b'hekk tissolva problema li ilha pendenti sa minn meta nxtrat il-lukanda mis-sidien attwali ?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jekk kien għad hawn xi arretrati ta’ pagi dovuta lill-ex-impjegati tal-Verdala Hotel qabel ma nxtrat mill-MDC, dawn kienu dovuta mill-kumpanija li kienet timpjeghom u mhux mill-MDC. Fl-1984 l-MDC kienet xtrat il-bini tal-lukanda permezz ta’ subbasta u mhux l-ishma fil-kumpanija li kienet proprjetarja tal-lukanda. Legalment l-MDC ma kienetx obbligata tħallas id-djun tal-kumpanija li kienet is-sid tal-Hotel Verdala qabel l-MDC.

VAT — Refunds

Question

B'referenza għall-15.6 miljun lira li tħallsu bħala refunds tal-VAT u tal-Income tax jista' l-Ministru jara li tax-payer li dettalji tiegħu qed jintbgħatu separatament jitħallas r-refunds skond is-sena '95,'96 u '97 ?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma nafx x'għandhom x'jaqsmu r-refunds ta' LM15.6 miljun lira li l-biċċa l-kbira huma awtomatiċi bil-liġi kif kienet emendata, mar-rikjesta tal-klijent ta' l-Onorevoli Membru. Barra dan, din hi nformazzjoni konfidenzjali. Jekk l-Onorevoli Interpellant ikun awtoriżżat mit-taxpayer allura r-risposta tingħata lilu privatament. Jekk irid jista’ jmur sat-Taxpayer Service u jkun jista' jinqeda minn hemmhekk.

NSO — Uffiċjali li siefru fuq xogħol

Question

Jista' il-Ministru jgħid liema kienu dawk l-ufiċjali tal-NSO li siefru fuq xogħol fis-sena li qegħdin fiha u x'kien il-għan taż-żjara tagħhom?

Response (DALLI, JOHN)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor Membru qed tingħata fit-tabella hawn annessa. Ta' min jinnota li l-maġġoranza l-kbira ta' dan is-safar jiġi ffinanzjat mill-Eurostat, l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Kummissjoni tal-Unjoni Ewropea.

Ministeru tal-Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi — Mobile phones

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' mobile phones li juża l-ministeru tiegħu u u d-dekasteri kollha li jaqgħu taħtu? Kemm kienet l-ispiża tas-servizz u tat-telefonati fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena? Kemm tħallset minn din l-ispiża fil-mument?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ mobile phones li juża l-Ministeru tal-Finanzi u Servizzi Ekonomiċi u d-dikasteri kollha li jaqgħu taħtu huwa ta’ mija wieħed u tletin (131). Matul l-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena l-ispiża tas-servizz u tat-telefonati li saru mill-istess Ministeru kienet ta’ ħdax-il-elf, disa’ mija u wieħed u disgħin lira u tmienja u sebgħin ċenteżmu ( Lm11,991.78 ), filwaqt li l-ispiża mħallsa s’issa hija dik ta’ tmint elef, mija, ħamsa u għoxrin lira u erbgħa u disgħin ċenteżmu ( Lm8125.94 ).

Qasam tas-self-employed — Ħruġ ta' liċenzji

Question

Billi f'rapport tal-MIC kien intqal li Malta can continue to limit the number of licenses in certain sectors in which self-employed operated, jista' il-Ministru jgħid liema huma dawk is-setturi fil-qasam tas-self-employed li mhumiex se jkollhom limitazzjoni fil-ħruġ tal-liċenzji rilevanti?

Response (DALLI, JOHN)

Skond il-ħtieġa, l-Gvern għandu ftehim ma’ l-Unjoni Ewropea li jista’ jillimita l-ħrug tal-liċenzji, iżda s’issa għad ma hemmx deċiżjoni fuq liema setturi tan-negozji għandu jkun hemm limitazzjoni fil-ħruġ tal-liċenzji, u dan għaliex id-deċiżjoni biex ikun hemm limitazzjoni tal-liċenzji ma hemmx bżonn li ssir minn issa.

Company tax

Question

Fid-dawl tad-deċiżjoni ta' diversi pajjiżi ta' l-Ewropa ċentrali u tal-Lvant li se jissieħbu fl-UE is-sena d-dieħla li jbaxxu l-corporate tax tagħhom għall-medja ta' 18%-19%, jista' il-gvern Malti jgħid għandux xi pjani biex ibaxxi l-company tax Maltija sabiex ma nitilfux il-kompetittivita' tagħna fit-tfittxija ta' investiment dirett barrani ġdid?

Response (DALLI, JOHN)

Fil-preżent ma jeżistux pjani biex il-Gvern Malti jbaxxi l-company tax Maltija għalkemm inkunu qegħdin nieħdu nota ta' dak li jiġri madwarna. Il-Business Promotion Act fiha dispożizzjonijiet adegwati biex Malta ma titlifx il-kompetittivita’ tagħha fit-tfittxija ta’ investiment barrani.

Eurostat — Statistika - NSO

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li l-istatistika kollha dwar Malta tal-Eurostat li tiġi mgħoddija lill-NSO tiġi ippubblikata minn dawn ta' l-aħħar, l-aktar fejn jidħlu finanzi pubbliċi?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-istatistika dwar Malta li tippubblika l-Eurostat, fil-maġġoranza kbira tal-każi toriġina mill-NSO. Normalment il-Eurostat tuża dik l-istatistika f'pubblikazzjonijiet tagħha fejn it-tagħrif fuq Malta jidher f'tabelli kumparattivi ma pajjiżi oħra Ewropej, membri tal-UE jew fi stat ta' accession. Apparti l-fatt li m'għandux id-dritt legali biex jerġa jippublika pubblikazzjonijiet maħruġa mill-Eurostat, l-NSO m'għandux riżorsi umani u finanzjarji biex iwettaq ħaġa bħal din. Naturalment, l-NSO regolarment joħroġ statistika fuq kull suġġett li huwa jinvestiga, permezz ta' news releases, pubblikazzjonijiet oħra kif ukoll tal-website tiegħu fuq l-Internet (http://www.nso.gov.mt). Minn naħa l-oħra, l-istatistika tal-Eurostat tinħareġ fuq il-website tagħha http://europa.eu.int/comm/eurostat.

Ta' Qali crafts centre — Public convenience

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 356 li kienet saret lill-Ministru tas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilek u cioe' tista' jekk jogħġbok tara li l-public convenience li hemm fil-craft centre f'Ta' Qali tinfetaħ għax minkejja li ilha mibnija snin baqgħet dejjem magħluqa bil-konsegwenza li t-turisti li ta' kuljum iżuru dan il-post m'għandhomx aċċess għal public convenience u jkollhom jinqdew fi ħwienet privati?

Response (DALLI, JOHN)

Fil-Villaġġ ta’ l-Artiġjanat ta’ Ta’ Qali jiena infurmat li hemm Public Convenience miftuħa għall-użu tal-pubbliku

Dipartimenti governattivi — Estimi tan-nefqa riveduti

Question

Fiċ-ċirkolari No. 2/2003 datata 24 ta' Jannar, 2003 taħt il-firma tal-ministru tal-finanzi, is-segretarji parlamentari, diretturi ġenerali, diretturi u kapijiet ta' organizzazzjonijiet pubbliċi ġew ordnati sabiex sa mhux aktar tard mit-28 ta' Frar 2003, jipprovdu l-estimi tan-nefqa riveduti li ma jaqbżux in-nefqa b'aktar minn 90%, jiġifieri li n-nefqa fid-dipartimenti kollha din is-sena trid titnaqqas b'10%. B'riferenza għal din iċ-ċirkolari: 1) jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li dan it-tnaqqis beda jseħħ minn Ġunju 2003 biex issa se jkollhom inaqqsu l-ammont kollu fuq seba' xhur flok fuq 12-il xahar; jista' jgħid jekk dan it-tnaqqis hux qed isir min-nefqa allokata lill-ministeri; 3) jista' jgħid jekk hemmx xi ministeri/dipartimenti li huma eżentati minn dan it-tnaqqis u għalhekk ingħataw il-permess jonfqu l-100% tan-nefqa allokata lilhom; 4) jista' jgħid jekk dan it-tnaqqis hux qed isir fuq proġetti infrastrutturali tal-gvern? Liema proġetti qed jintlaqgħu u liema proġetti huma eżentati minn dan it-tnaqqis? 5) jista' jfisser jew jagħti ħjiel ta' fejn se jmorru l-10% li ġew imnaqqsa?

Response (DALLI, JOHN)

L-Onor Interpellant mhux infurmat tajjeb għax ma ntalab l-ebda tnaqqis fl-ispiża tad-dipartimenti imma pprogrammar ta’ l-ispejjeż tagħhom matul s-sena biex jiġi applikat il-kunċett ta’ flexible budget.

Importazzjoni ta' karozzi mill-Ġappun

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux veru li l-gvern qed jagħmel restrizzjonijiet għall-importazzjoni ta' karozzi second hand mill-Ġappun iżda lij kunu għadhom f'kondizzjoni tajba? Jekk iva, fiex jikkonsistu dawn ir-restrizzjonijiet u għalfejn?

Response (DALLI, JOHN)

Min-naħa ta' dan il-Ministeru karozzi second-hand li jkunu ilhom reġistrati għal iżjed minn tlett xhur jistgħu jiġu mpurtati f'Malta mingħajr il-ħtieġa ta' liċenzja ta' l-importazzjoni. Għalhekk ma' teżisti l-ebda restrizzjoni fuq dawn il-karozzi, irrespettivament mill-pajjiż li jkunu ġejjin minnu. Karozzi second-hand li jkunu reġistrati għal inqas minn tlett xhur jiġu trattati bħal karozzi ġodda, u għalhekk jistgħu jiġu mpurtati biss mill-aġenti rispettivi tagħhom. F'dan il-każ ikun hemm bżonn ta' liċenzja ta' l-importazzjoni.

Arretrati ta' taxxa tad-dħul — Ħlas ta' imgħaxxijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux minnu li min ikollu arretrati ta' taxxa tad-dħul, u jkun weħel il-penali u l-imgħaxxijiet, irid iħallas f'daqqa l-ammont kollu dovut? Jista' il-Ministru jikkunsidra li jsir xi tip ta' arranġament sabiex ammonti ta' taxxa dovuti jkunu jistgħu jitħallsu f'pagamenti fix-xahar?

Response (DALLI, JOHN)

Persuni li jkollhom każijiet bħal dak imsemmi fl-Interpellanza jistgħu jagħmlu arranġamenti mad-Dipartiment biex l-ammont dovut jitħallas f’pagamenti fix-xahar. Madankollu l-imgħaxijiet jibqgħu għaddejjin sakemm isir il-pagament kollu.

Kumpanniji Privati — Bolla tal-NI

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 76 u jinfurmani kemm huwa n-numru ta' kumpanniji li qed jittieħdu passi legali kontra tagħhom sabiex jirrimedjaw fil-ħlas dovut?

Response (DALLI, JOHN)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif tidher hawn taħt: Kumpaniji Privati Ammonti mħallsa Malta LM 65,716,568 Għawdex LM 6,063,983 Ammonti dovuti Malta LM3,744,379 Għawdex LM88,423 Kumpaniji Parastatali Amonti mħallsa LM6,063,983 Ammonti dovuti LM6,005 Il-proċess legali għall-ammonti dovuti għas-sena 2002 għadu ma nbediex.

Fabbriki — Impjiegi ġodda

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 73, jista' il-Ministru jinformani x'ħiliet, snajja', eċċ jirrikjedu l-5,152 impjieg li mistennija jiġu ġġenerati fil-fabbriki eżistenti? Liema huma l-fabbriki li joħolqu dawn il-5,152 impjieg?

Response (DALLI, JOHN)

L-impjiegi li huma mistennija li jinħolqu mill-proġetti li kienu approvati mill-bord tad-diretturi tal-Korporazzjoni mill-1 ta’ Jannar 2000 sa l-31 ta’ Mejju 2003 huma mifruxin fuq għadd kbir ta’ snajja u profesjonijiet. Għalhekk inħolqot klassifikazzjoni li tagħti stampa ċara tal-livell ta’ preparazzjoni li jeħtieġu l-ħaddiema li ser jimlew dawn il-postijiet. Ir-riżultat ta’ dan l-eżerċizzju, li huwa msejjes fuq tagħrif mgħoti mill-kumpaniji stess, jidher fit-tabella mehmuża. Minħabba raġunijet ta’ konfidenzjalità` il-BPA ma’ tippermettiex li jkunu mxandra l-ismijiet ta’ l-kumpaniji nvoluti.

Tarznari — Djun

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-gvern għandux xi time scale li fih beħsiebu jagħmel ir-writing off ta' Lm300 miljun f'dejn akkumulat tat-tarznari?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-trattament tad-dejn tat-tarznarji qed isir fl-isfond tar-ristrutturar tat-tarznarji, kif qed jiżviluppa fi ħdan it-Task Force li twaqqfet għal dan il-għan bejn il-partijiet ikkonċernati kollha. F'dan ir-rigward, qed jittieħed in konsiderazzjoni wkoll it-tip ta' dejn, jiġifieri, per eżempju, jekk hux mal-Gvern jew mal-banek.

NSO — Infiq ta' flus minn ċittadini Libjani

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm nefqu flus f'pajjiżna ċittadini Libjani fis-snin 1995, 1996, 1997, 1998, 1999, 2000, 2001 u 2002?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif dwar kemm nefqu flus f’pajjiżna ċittadini Libjani qed tingħata fit-tabella hawn annessa mis-sena 2001 sas-sena kurrenti (Jannar sa Mejju) għax dan it-tagħrif beda jinġabar mit-Tourstat Inbound Tourism Survey mill-2001. Nippreċiża li t-tagħrif li qed jingħata jirrigwardja viżitaturi Libjani li vvjaġġjaw bl-ajru biss u tagħrif dwar x’nefqu viżitaturi bil-baħar għad irid jibda jinġabar. Skond il-metodoloġija internazzjonali li qed tintuża, l-infiq jinkludi dawn it-tlett katergoriji: Package expenditure, non-Package expenditure, u Other. Il-kategorija Other expenditure tinkludi spejjeż li mhumiex inklużi fil-kategoriji l-ohrajn bħal ikel, xorb u trasport lokali.

Finanzi u Affarijiet Ekonomiċi — Karozzi tal-gvern

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hu l-ammont ta' karozzi tal-gvern li qegħdin jintużaw mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Kemm minn dawn huma government owned u kemm huma mikrija? Fil-każ ta' dawk mikrija, jista' jgħid kemm huma mikrija u jekk humiex leased on contract? Min qed jagħmel użu minn dawn il-karozzi?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.

VAT — Riduzzjonijiet ta' multi

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm persuni gawdew minn Jannar sa April 2003 minn riduzzjonijiet ta' multi fil-VAT? B'kollox kemm kien l-ammont tat-tnaqqis tal-multi fuq il-VAT? Kemm kienu l-ogħla għaxar ammonti ta' tnaqqis fuq multi ta' VAT każ b'każ?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta' persuni li gawdew minn tnaqqis fil-multi tal-VAT matul ix-xhur Jannar sa April 2003 kienu 553. B'kollox it-tnaqqis kollu fuq dawn il-multi kien jammonta għal Lm144,703. L-ogħla 10 ammonti ta' tnaqqis kienu kif ġej: Lm44,970; Lm8,779; Lm2,470; Lm2,293; Lm1,650; Lm1,600; Lm1,580; Lm1,230; Lm1,200; Lm1,196.

Ta' Qali crafts centre

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 488 li kienet ġiet indirizzata lill-Ministru għar-Riżorsi u Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilek u cioe' tista' jekk jogħġbok tgħid jekk il-proġett imħabbar biex jiġi żviluppat il-crafts centre f'Ta' Qali għadux se jsir? Fiex waslu t-taħdidiet li kienu għaddejjin mas-sidien?

Response (DALLI, JOHN)

Il-Proġett tal-Bini tal-Villaġġ ta’ l-Artiġjanat f’Ta’ Qali huwa proġett li qed jingħata prijorita’ fil-ħidma ta’ dan il-Gvern. Fil-preżent għadu għaddej il-proċess tal-MEPA kif ukoll nhar it-Tlieta 8 ta’ Lulju fl-4.00p.m. is-Segretarju Parlamentari Edwin Vassallo għandu laqgħa pubblika mas-sidien kollha li huma nvoluti f’dan il-proġett.