Jista' l-Ministru jgħid minn kemm ilha topera it-tax compliance unit, jista' jiġi kkalkulat l-under payment f'taxxa tad-dħul li seta kien hemm mill-kumpaniji u individwi investigati s'issa?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li t-Tax Compliance Unit tista tgħid biss l-underpayment fuq il-każi li tinvestiga u m'hiex f'pożizjoni li testrapola u timmaġina ċifri globali.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-persuna li isimha qed nibgħat under separate cover għadha qed tagħmel xogħol ta' konsulenza għat-tax compliance unit taħt il-kappa tal-Malta University Services?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna mindikata m'għandiex xogħol ta' konsulenza għat-Tax Compliance Unit bħal issa, la taħt il-kappa tal-MUS u l-anqas fil-kapaċita personali tagħha.
L-uniku xogħol ta' konsulenza li għamlet din il-persuna għat-Tax Compliance Unit kien meta tqabbdet, flimkien ma' persuna oħra, mill-MUS biex tagħmel review tal-Benchmarking exercise maħdum mill-uffiċċjali tat-TCU.
Dan l-eżerċizzju ingħalaq f'Awwissu tat-2001.
Dwar PQ 31756 jista' l-Ministru jagtħi tagħrif dwar l-ammont globali li l-privatization unit ħallset f'konsulenzi lil dawn il-kategoriji:
- avukati
- accountant
- banek
u konsulenti oħra?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma' jkunx prudenti li din l-informazzjoni tkun reveluta minħabba li hi ta' natura kummerċjali. Barra min hekk l-Privatisation Unit huwa marbut bi ftehim ta' kunfidenzjalita' mal-konsulenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża globali tal-posta, stationeries, reklamar, pubblikazzjonijiet għas-sena 2001 tal-Ministeru u Dipartimenti, Dekasteri, Korporazzjonijiet, eċċ li jaqgħu taħt il-Ministeru tal-Finanzi?
Kemm tħallsu minn dawn l-ispejjes u kemm għadhom pendenti?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li sakemm ma ningħatax raġuni 'l għala qed tintalab, ma nara l-ebda skop li tinġabar l-informazzjoni mitluba.
Informazzjoni dettaljata fuq infiq attwali tal-Gvern tingħata fir-Rapport Finanzjarju li t-Teżor jippubblika aktar tard fis-sena.
Jista' l-Ministru jikkonferma li sal-lum il-liġi tal-fringe benefits tax kienet aktar vessatorja milli irrendiet revenue daqs kemm mistenni? X'kien id-dħul mistenni minn din it-taxxa? X'kien id-dħul attwalment miġbur?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma nafx kif l-Onorevoli Membru f'daqqa waħda bidel il-pożizzjoni tiegħu minn meta hu, bħala Ministru tal-Finanzi kien qed jikkunsidra l-miżuri dwar il-Fringe Benefits. Pero' donnu l-ossessjoni bil-voti ħa sopravent fuq is-serjeta fil-partit tiegħu.
Għall-informazzjoni tal-Onorevoli Membru, li ġara hu li mhux biss twaqqfet il-prattika li salarji jinqasmu f'biċċa taxxabbli u biċċa le, imma li ħafna arranġamenti li saru fil-passat mfuq ħabi ta' salarji bħala fringe benefits issa ġew riveduti u s-salarji qegħdin jiġu dikjarati kollha.
Għalhekk ma naqbel xejn mal-konklużjoni bla bażi ta' l-Onorevoli Membru.
Jista' l-Ministru jippublika l-istudji li saru mill-MFSC li permezz tagħhom qed jingħad barra il-pajjiż mic-chairman taċ-Ċentru għandu pjani biex il-kontribut tas-settur tas-servizzi finanzjarji jitla minn 12% tal-GDP għall bejn 20-22%? Matul liema medda ta' żmien mistenni jsir dan ? Billi ż-żewġ naħat tal-kamra huma marbutin mal-leġizlazzjoni tal-1994 li permess tagħha Malta kellha taqleb minn ċentru finanzjarju offshore għal wiehed onshore, x'wassal lic-chairman tal-istess ċentru biex jgħid fl-International Financial Advisor li t-trasformazzjoni minn ċentru finanzjarju offshore għall wieħed aktar regolat huwa riskjuż minħabba li il-poplu Malti għad irid jivvota f'referendum dwar sħubija prospettiva fl-Unjoni Ewropea? Ic-Chairman tal-MFSC fuq liema kalkoli/kriterji wasal għall-konklużjoni li jekk Malta ma tissieħbix fl-UE il-business levels ipproġettati ma tantx kellhom ċans jintlaħqu?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-MFSC qed taspira li tilħaq il-mira ta' bejn 20% u 22% tal-GDP fil-qasam tas-servizzi finanzjarji.
Dawn it- targets huma bbażati fuq evalwazzjoni ta numru ta' fatturi li jinkludu:
1) żviluppi nternazzjonali li jindikaw li ċ-ċentri finanzjarji "offshore" ser ikollhom jadottaw sistemi ta amministrazzjoni ta' taxxa li huma trasparenti u għaldaqstant ser jitilfu ċerti vantaġġi li kellhom fil-passat;
2) fatturi bħal ma huma id-dritt ta' aċċess għas-suq finanzjarju (single passport) li kull ma jmur qed jilgħab parti iktar importanti fl-istrutturi tas-suq finanzjaru Ewropew, kif ukoll ir-rikonoxximent (reciproku u awtomatiku) bejn ir-Regolaturi tal-pajjiżi membri, liema fatturi huma essenzjali biex jassikuraw liberta' kompleta li biha kumpanniji Maltin ikunu jistgħu jisfruttaw is-suq għal prodotti u servizzi finanzjari tal-Unjoni Ewropea b'mod effiċjenti;
u, darba nsiru membri tal-Unjoni Ewropeja,
3) l-aċċess li Malta tkun tista' toffri għas-suq Ewropew lill-dawk il-kumpanniji li jkunu jridu jippenettraw dan is-suq.
Jista' l-Ministru jgħid kemm il-siegħa overtime ħadmu ż-żewġ skrivani li xogħolhom hu li jdaħħlu l-merchant request jew aħjar l-F12 fil-computer minn Diċembru 2001 sa Frar 2002, fid-Dwana? Jista' jgħid liema xahar fil-backlog kienu wasslu sa l-aħħar ta' Diċembru 2001 u sa liema xahar fil-backlog wasslu sa llum? Jista' jgħid jekk b'konsegwenza ta' dan l-backlog il-ħaddiema għadhom ma tħallsux tax-xogħolu ta' l-ispejjeż li għamlu f'Ottubru 2001? U dan ifissirx wkoll li l-importaturi u l-esportaturi għadhomx iridu jagħmlu l-costings ta' l-ispejjeż kollha inklużi tal-Fizzjali tad-Dwana, sa lura sa Ottubru 2001?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li ż-żewġ skrivani impjegati fl-'Outdoor Services Section' tad-Dwana li jdaħħlu l-'Merchants Requests' fil-computer ħadmu 108 siegħat 'overtime' kull wieħed fit-tlett xhur bejn Dicembru 2001 u Frar 2002.
Sa l-aħħar ta' Diċembru 2001, il-Fizzjali tad-Dwana tħallsu l-'overtime' li għamlu f'Awissu 2001. Sa l-aħħar ta' Frar 2002 kważi il-Fizzjali kollha tħallsu tal-'overtime' li għamlu sa nofs Ottubru 2001. Dan jgħodd ukoll għat-'Travelling Allowances' li jidħlu fl-istess kontijiet.
L-importaturi u l-esportaturi stabbiliti m'għandhomx għalfejn jistennew il-kont mid-Dwana biex jagħmlu l-'costings' tagħhom għaliex żgur jafu x' inhija l-medja ta' dawn l-ispejjez.
Wieħed irid ukoll jinnota li f'Diċembru 2001 skrivan li kien jaħdem fuq dan ix-xogħol ġie trasferit barra d-Dipartiment mingħajr ma ġie ieħor floku.
Tajjeb ukoll li wieħed jirrimarka dwar il-fatt illi jintilef ħafna żmien biex ikunu validati l-Forms 12 minħabba raġunijiet varji waqt li jkun hemm każi fejn xi Fizzjali ma jkunux solliċiti biex jissottomettu l-Formula 12.
Jista' l-Ministru jgħid x'wassal lid-Dipartiment tal-Kuntratti biex ma jlaqqax public hearing skond kif jipprovdu r-regolamenti ta' l-avviż leġali 70/96 fil-każ ta' bejgħ ta' art mill-gvern fil-Marfa fejn il-gvern permezz tal-kumitat ġenerali tal-kuntratti ddeċieda li għandu jitħallas Lm 850,000 għal din l-art kontra l-figura ta' Lm 235,0000 offruta mill-uniku tender?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tal-Kuntratti talab kjarifika dwar din il-materja liema kjarifika jiena ninsab infurmat li qed tiġi kkunsidrata.
Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk il-casual clerks li daħlu mal-BOV xi 6 xhur ilu b'kuntratt li jagħlaq fi ftit ġimgħat, hux ser ikollhom il-kuntratt tax-xogħol imġedded?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-BOV huwa bank privat u għalhekk informazzjoni ta' dan it-tip tinkiseb mill-Bank direttament.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-ammont totali (ta' flus) li intlagħabu fuq il-lotterija nazzjonali is-sena li għaddiet? Kemm il-premju intrebah iżda ma inġabarx? Liema kien l-akbar premju li ma inġabarx? X'isir mill-flus li jintrebħu iżda ma jinġabrux? Jista' jagħti l-figuri f'kull każ għas-sena 2000?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba hija kif ġej:
Sena 2000 Sena 2001
Lm Lm
Logħob 1,246,929 1,033,547
Premjijiet mhux miġbura 19,000 11,200
L-akbar premju mhux miġbur 1,000 1,000
L-ammont tal-premijiet li ma jiġux miġbura jgħaddu fil-Fond Konsolidat.
Jista' l-Ministru jgħid x'kien l-ammont totali (fi flus) li ntlagħbu fuq :
1) il-lottu tas-sibt
2) super five
3) lotterija tal-iscratch
matul is-sena li għaddiet? F'kul każ kemm il-premju ma inġabarx? X'isir mill-flus li jintrebħu iżda ma jinġabrux? Jista' wkoll f'kull każ jagħti il-figuri għas-sena 2000?
Response (DALLI, JOHN)
Nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid id-dipartiment tal-lottu pubbliku għandux stima ta' kemm intlagħab lottu klandestin matul is-sena li għaddiet? Jekk iva, jista' jagħti d-dettalji?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma hemm ebda mod kif wieħed jista jasal biex jagħmel stima ta' kemm jintlagħab lottu klandestin.
Jista' l-Ministru jara li koppja li l-partikularijiet tagħha qed jintbagħtu separatament li twaqqatilha d-dar ġewwa Bormla tieħu l-kumpens dovut? Tista' din il-koppja tiġi infurmata bl-aħħar żviluppi?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jiċċarra liema dipartiment wettaq dan it-twaqqigħ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw AIP (acquisition of immovable property) permits lil cittadini mill-Unjoni Ewropeja mis-sena 1990 sas-sena 2001? Jista jagħti breakdown taċ-ċittadinanza tal-persuni li ngħataw dawn l-aip permits? Jista jgħid kemm minnhom reggħu biegħu il-propjeta li xtraw u jekk biegħux lill-maltin jew barranin? Jista' jgħid jekk wara li bieghu l-propjeta regghux applikaw ghall-aip permit u xtraw propjeta oħra u kemm?
Response (DALLI, JOHN)
Nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-permessi li ngħataw liċ-ċittadini mill-Unjoni Ewropeja biex jixtru proprjeta' immobbli f'Malta mis-sena 1990 sas-sena 2001 indikati f' tabella markata Dokument "A".
L-istatistika mitluba, bdiet tinżamm minn meta d-dipartiment ġie komputerizzat is-sena 'l-oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm stranġieri li qed jaħdmu Malta fin-negozju tar-retail u fi professjonijiet oħra li huma rreġistrati mal-VAT Department?
Kemm huwa d-dħul li qed jiġi rreġistrat minn dan is-sors?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba ma tinġabarx waqt il-proċess tar-reġistrazzjoni tat-taxpayers.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li dawk li ħadu l-pensjoni mill-USA u li ma kienux USA Citizens, qegħdin jħalsu 30% taxxa mill-pensjoni meta dawn qegħdin jirċievu pensjoni hekk imnaqsa f'pajjiżna, Malta? Jista' jgħid jekk kienx hemm ftehim ad hoc snin ilu fejn kellha tiġi evitata taxxa imposta bħal din li tattakka l-istess pensjoni?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li fil-passat, Maltin residenti f’Malta u li kienu jircievu pensjoni mill-Gvern Amerikan ma kinitx tinqatghalhom taxxa fl-Istati Uniti u kienu jigu ntaxxati biss f’Malta. Il-Ftehim ghall-Helsien mit-Taxxa Doppja li kien hemm bejn iz-zewg pajjizi kien gie revokat bl-avviz legali numru 21 tal-1997 u llum huwa limitat ghal bastimenti u ingenji tal-ajru.
Madankollu residenti Maltin li jircievu pensjoni mill-Istati Uniti tal-Amerika xorta wahda jistghu jgawdu helsien mit-taxxa. Dan jistghu jaghmluh billi fuq il-formola tat-taxxa jiddikjaraw id-dhul gross mill-pensjoni (jigifieri bit-taxxa ghadha mhux imnaqqsa) u jitolbu l-helsien imsejjah “unilaterali”. Dan il-helsien jigi kalkolat bl-istess mod li jigi kalkolat il-helsien mit-taxxa doppja. L-individwu jkollu bzonn jipproduci certifikat li jkun juri l-ammont ta’ taxxa mizmuma barra minn Malta.
Jista' l-Ministru jaċċerta lil din il-Kamra li l-ex-officio assessments li ġew dikjarati nulli b'sentenza tal-Qorti tal-Appell li ġġib id-data ta' 16 ta' Ottubru 1991 - ġew kollha kemm huma ssostitwiti b'assessments oħra validi skond il-Liġijiet tat-Taxxa fuq id-Dħul sat-terminu mogħti mill-istess liġi, jiġifieri sal-31 ta' Diċembru 2001?
Kemm kien hemm assessuri li ħadmu fuq dawn it-tip ta' assessments? Kemm minn dawn l-assessuri huma ħaddiema regolari tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni u kemm huwa n-numru ta' l-ex-uffiċjali ta' l-istess dipartiment li matul is-sena 2001 ħadmu fuq dan l-eżerċizzju?
Jista' l-Ministru jinforma din il-Kamra jekk id-Dipartiment ħariġx sejħa għall-applikazzjoni għal impjieg temporanju fuq bażi part-time? Jekk fin-negativ, min ta' l-awtorizzazjoni biex jiġu mpjegati nies fuq bażi part-time? Fuq liema kriterju u minn min saret l-għażla ta' dawn l-ex-uffiċjali?
X'kienet ir-rata ta' ħlas li sar għal dan it-tip ta' xogħol lil ex-uffiċjali tad-dipartiment u jekk din ir-rata kinitx l-istess rata ta' ħlas li ingħata lill-uffiċjali tad-dipartiment li ħadmu fuq l-istess xogħol? Jekk fin-negattiv, x'kienet ir-raġuni għad-differenza fir-rata tal-ħlas? Taħt liema regolarmenti finanzjarju ġew approvati r-rata/rati taħt l-iskema ta' l-inċentiv?
Response (DALLI, JOHN)
Nibda biex ngħid li din il-problema nqalgħet mill-mod drakonjan u bl-addoċċ li biha ħadem il-Gvern Laburista tul is-sebgħinijiet. Sistema li mhux biss daħlet f'inkwiet kbir lil ħafna nies imma daħlet lid-dipartiment tat-taxxi f'maremanju ta' problemi amministrattivili affettwaw bis-sħiħ l-effiċjenza tad-dipartiment tas-snin ta' wara. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li tajjeb li wieħed jgħid għall-eżattezza li kien hemm ex-officio assessment wieħed biss li kien ġie dikjarat null mill-Qorti tal-Appell. Il-maġġoranza kbira tal-asssessments ex-officio kienu ħarġu lejn l-aħħar tas-snin sebgħin u l-ewwel nofs tat-tmeninijiet. Dak iż-żmien ma kienu nżammu l-ebda records dwar liema u kemm kienu dawn l-ex-officio assessments.
Minħabba li s-sentenza setgħet tiġi kkwotata f’każijiet sussegwenti kienu saru emendi fil-ligi fl-1992 biex jiġi sanat xi difett jew omissjoni min-naħa tad-Dipartiment. Ta’ min wieħed jgħid li l-proċedura biex tissostitwixxi dawn l-assessments hija waħda laborjuża u komplikata ħafna u tinvolvi proċessi ta’ kompjuter, eżami ta’ kotba u dokumenti, diskussjoni mat-taxpayers, li kollha kemm huma jirrikjedu ċertu żmien. Sar eżerċizzju fiżiku biex ikunu identifikati l-assessments li setgħu kienu ikkonsidrati bħala invalidi skond is-sentenza tal-Qorti. Safejn huwa magħruf dawn l-assessments kollha ġew issa sostitwiti b’assessments validi. Minħabba li, kif intqal qabel, fi żmien li ħarġu dawn l-assessments ma kienux inżammew records, qatt ma nistgħu nkunu ċerti li ġew identifikati il-każijiet kollha fl-eżerċizzju li sar u għalhekk bl-iskop li jiġi salvagwardat ir-Revenue, saru emendi fil-liġi tat-taxxa li għadhom kemm għaddew mill-Parlament.
In-numru ta’ assessuri li ħadmu fuq dawn l-assessments varja matul iż-żmien. Barra minn hekk sar sforz akbar fl-aħħar żmien biex dawn jintlaħqu fit-terminu preskritt. Għall-parti l-kbira tas-sena 2001 in-numru ta’ assessuri involuti f’ex-officio assessments kien ta’ ħmistax li tlieta minnhom huma ex-uffiċċjali tad-Dipartiment. Fi żmien minnhom żdiedu sebgħa oħra biex il-proċess jintlaħaq.
L-ex-uffiċċjali tad-Dipartiment li ħadmu fuq dan il-proċess ma kienux impjegati la fuq bażi regolari u lanqas fuq bażi ta’ impjieg temporanju. Huma kienu u għadhom qed jaħdmu u jithallsu skond in-numru ta’ files li jikkonkludu u mhux jitħallsu xi ammont fiss kull xahar fuq bażi ta’ xi impjieg temporanju ta’ tant siegħat fil-ġimgħa. Dan id-Dipartiment għamlu biex jieħu l-aħjar valur għax-xogħol li qed jistenna li jsir. Dawn it-tliet ex-uffiċċjali ħadmu fuq każijiet ta’ individwi u mhux assessments ta’ kumpaniji. Meta tqabbel il-ħlas li rċevew dawn l-ex-uffiċċjali għax-xogħol li għamlu issib li l-files li dawn ħadmu swew lid-Dipartiment Lm12.85 kull file, waqt li x-xogħol tal-ħaddiema regolari ġie jiswa Lm20.18 għal kull file konkluż.
L-għażla ta’ dawn l-ex-uffiċċjali biex jagħmlu dan ix-xogħol saret mill-Kummissarju wara li avviċina numru ta’ impjegati tad-Dipartiment li kienu rtiraw bl-eta’ u li kellhom esperjenza meħtieġa biex iwettqu dan ix-xogħol b’effiċjenza u integrita.
Jista' l-Ministru jinforma din il-kamra jekk id-Dipartiment tat-Taxxi Interni fi snin 1999, 2000 u 2001 għamilx użu minn servizz / servizzi ta' konsulenti? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' konsulenti mħaddma mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni f'dawn it-3 snin u kemm kien il-ħlas għal kull konsulent f'kull sena f'dawn it-tliet snin? X'kien ix-xogħol li sar matul kull waħda minn dawn it-3 snin minn kull wieħed min dawn il-konsulenti? X'kien in-numru ta' sigħat li ħadmu dawn il-konsulenti f'kull waħda minn dawn it-tliet snin? Minbarra s-servizz ta' konsulenti (jekk dan huwa l-każ) jista' l-Ministru jagħti lil din il-Kamra, informazzjoni dettaljata (breakdown) dwar ħlasijiet magħmula mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni għal xogħol magħmul f'isimha minn persuni li m'humiex impjegati tad-Dipartiment - fosthom spejjeż legali u ta' periti - u xi proċedura ntużat fl-istess perjodu (bejn 1999 u 2001) sabiex intagħżlu dawn in-nies? Jista' jinforma lil din il-Kamra mill-liema voti tħallsu dawn il-pagamenti?
Response (DALLI, JOHN)
Nqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar konsulenti. Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Dipartiment tat-Taxxi Interni għamel użu minn servizzi ta' Avukati u Awdituri u d-Dipartiment tal-Capital Transfer Duty fi ħdan id-Diviżjoni tat-Taxxi Interni għamel użu mis-servizz ta’ numru ta’ periti biex jistabilixxu l-value fis-suq miftuħ ta’ proprjeta’ immobbli.
Il-pagamenti ta' l-Avukati u l-Awdituri tħallsu minn tem 26 Vot 31 - Professional Services filwaqt li l-ħlas tal-Periti isir mill-Vot 3130 A 02 -Valutazzjoni. Il-periti jitħallsu bl-imqieta u cioe’ jirċievu ħlas ta’ Lm5 għal kull valutazzjoni li jagħmlu - u ma jistax ikun stabbilit in-numru ta’ siegħat li jaħdmu.
L-awdituri ntagħżlu skond l-esperjenza filwaqt li fil-każ tal-avukati kien intagħżel kull min applika. Fiż-żewġ każi saret sejħa fil-gazzetti lokali. Mill-1969 dejjem intużat l-istess proċedura biex ikunu maħtura l-perit/konsulenti. Wara konsultazzjoni mal-Ministeru tal-Finanzi, d-Dipartiment jinnomina dawn il-konsulenti u jittermina wkoll l-ingaġġ tagħhom. Kull min kien għamel applikazzjoni lill-Ministeru tal-Finanzi u kopja tagħha ntbaghtet lid-Dipartiment, ġeneralment jintagħżel biex jagħmel dan ix-xogħol meta jkun meħtieġ.