Matul is-sena 2006, jista' il-Ministru jgħid kemm kienet in-nefqa globali tal-mobile phones fil-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u tad-dipartimenti, dekasteri, enti, eċċ. li jaqgħu taħt il-ministeru?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi n-nefqa globali tal-mobile phones fil-Ministeru għat-Turiżmu u Kultura u d-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu matul l-2006 kienet ta' Lm 37,264.53. Dan l-ammont ma jkoprix is-sena kollha peress li hemm xi kontijiet li għadhom ma ġewx fornuti għall-ħlas.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk il-gvern hux informat dwar x'se jiġri mil-lukanda Jerma f'Wied il-Għajn għaliex il-ħaddiema tħallew fl-għama u ma jafux jekk il-lukanda hux se tkompli topera jew le?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Awtorita' tat-Turiżmu mhix informata uffiċċjalment mill-propjetarji tal-lukanda Jerma f'Wied il-Għajn x'se jiġri mill-istess lukanda.
Jista' il-Ministru jgħid kemm għandu impjegati l-ministeru ? Kemm hemm minnhom on loan u minn liema post ġejjin? Kemm hemm bil-kuntratt? Kemm hemm li għandhom allowance u x'tip ta' allowance? Kemm hemm min għandu mobile, karozza, ħlas tat-telephone tad-dar u kemm għamlu overtime persuna b'persuna matul l-2006? X'inhuma l-gradi ta' kull impjegat?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Onorevoli Interpellant hu riferut għal 'Guidelines on the Employment of Staff for Ministers' Secretariat kif approvat.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ingħataw donazzjonijiet finanzjarji jew ta' xi tip ieħor lil għaqdiet jew clubs sportivi u kulturali matul is-sena 2006 mill-ministeru u enti li jaqgħu taħtu? Jista' jgħid min ibbenefika u kemm kien l-ammont għal kull każ?
Jista' issa l-Ministru jgħid x'ġie aċċettat mill-grupp konsultattiv fil-pjan nazzjonali għat-turiżmu li ġie mxandar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-Gvern, fit-tfassil tal-pjan nazzjonali tat-turiżmu laqa' il-parti sostanzjali tal-proposti magħmula mill-grupp kosultattiv.
B'riferenza għall-mistoqsija parlametnari 22528 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent u li issa ġiet riferuta lilu, jista' il-Ministru jgħid meta beħsiebu jxandar ir-rapporti li saru lill-gvern dwar għandhiex issir korsa tal-golf fix-Xagħra l-Ħamra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Gvern se jħabbar id-deċiżjoni tiegħu fuq dan is-suġġett u issues relatati meta jqis li jkun hekk opportun.
Jista' l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 22593 u jgħid mill-budget ta' l-MTA 2006 u 2007:
1) x'persentaġġ qed imur fuq reklamar u promozzjoni ta' Malta u Għawdex;
2) x'persentaġġ qed imur fuq għajnuna lil-low cost airlines;
3) x'persentaġġ qed imur fuq market support għat-tour operators?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' il-Ministru jgħid x'kien l-ammont li l-ministeru u l-awtorita' Maltija għat-turiżmu matul din is-sena nefqu separatament f'riklamar u promozzjoni f'pajjiżna stess? Jista' jgħid ukoll liema kienu dawk l-aġenziji li ngħataw dan ix-xogħol, xi proċedura ntużat u x'kien l-ammont li ħadet kull aġenzija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li mhux possibbli tingħata iċ-ċifra eżatta qabel ma tintemm is-sena, anki għall-fatt li ċerti inizjattivi għadhom għaddejjin.
Fejn jirrigwarda l-informazzjoni dwar l-aġenziji, nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Numru 22541.
Jista' l-Ministru jgħid f'dawn is-snin liema kumpannija kellha l-kiri tal-karozzi ta' l-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu: 2003, 2004, 2005 u 2006?
Jista' jgħid f'kull każ kemm kien iż-żmien tal-kuntratt miftiehem? Jista' jgħid id-data li fiha ħarġu sejħiet għall-offerti għall-kiri tal-karozzi f'dawn is-snin?
X'se jiġri għall-kiri tal-karozzi fis-sena 2007?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-kuntratt tal-Westminster Car Hire ingħata f'Settembru 1999 għal ħames snin permezz ta' tender. Minn Settembru 2004 sa April 2006, dan kien imġedded.
F'Jannar 2006 ħareġ tender ġdid li kien ingħata lil En Route Malta Drive f'Mejju tas-sena 2006 għal ħames snin sas-sena 2011.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ivvutat għall-kampanja Brand Malta? Meta bdiet din il-kampanja u kemm mistennija ddum għaddejja? Jista' jgħid ukoll liema aġenzija lokali ħadet ħsieb din il-kampanja u kif saret l-għażla ta' din l-aġenzija?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Għas-sena 2006, il-Gvern alloka Lm500,000 (Ħames mitt elf Lira) għall-proċess tal-Branding. Dan jinkludi l-Branding Lokali (Intern) u dak Internazzjonali (Estern). Għal dak li huwa il-Branding Intern, dan inbeda fil-bidu ta’ din is-sena, b’kampanji edukattivi fost l-istakeholders fil-qasam tat-turiżmu, u tkompla b’kampanji edukattivi u pubbliċitarji madwar il-pajjiż u fil-media minn Ġunju ‘l hawn. Għal dak li huwa l-Branding estern, inbeda proċess sabiex titqabbad aġenzija internazzjonali tal-Branding u r-reklamar, liema proċess issa wasal fl-aħħar fażijiet. Kien hemm ukoll numru ta’ inizjattivi internazzjonali fejn il-Branding ta’ Malta beda jidaħħal fil-kommunikazzjoni u l-pubbliċita'.
Il-proċess tal-Branding inbeda s-sena l-oħra, u għandu jdum bejn 3 u 4 snin. S’issa kien hemm 2 aġenziji lokali li ħadmu fuq il-kampanji tal-Branding intern. Dawn huma SWITCH u PEAK OGILVY. Dawn intgħazlu wara li saru Requests for Proposals fost aġenziji lokali u wara li saru numru ta’ preżentazzjonijiet mid-diversi aġenziji li kienu ġew short-listed.
Jista' l-Ministru jagħti lista tal-persuni responsabbli mill-marketing u mis-segments fl-Awtorita' Maltija tat-Turiżmu u jgħid x'budget se jkollhom allokat għalihom fis-sena 2007? Jista' jgħid x'inhuma r-responsabbiltajiet speċifiċi tagħhom u x'riżorsi umani u finanzjarji se jkollhom biex jilħqu dawn il-miri?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat wara l-proċess ta’ re-engineering li sar fil-qasam tal-marketing ta' l-Awtorita Maltija tat-Turiżmu, il-programm ta’ marketing fl-MTA issa ġie maqsum f’numru aktar wiesgħa ta’ areas li huma:
Żvilupp ta’ Swieq u Segments
Marketing Services
Riċerka
Marketing Internazzjonali
Ospitalita' u Relazzjonijiet Pubbliċi
Il-fondi allokati għal dawn l-areas ta’ attivita jammontaw għal Lm3.83 miljuni. Ma dawn wieħed irid iżid Lm1.1 miljuni li huma allokati sabiex jitmexxa n-network ta’ uffiċini li l-MTA għandha barra minn Malta.
Il-fondi se jintefqu f’numru ta’swieq permezz ta’ reklamar li jinkludi wkoll reklamar mal-operaturi, parteċipazzjoni f’numru ta’ fieri kemm ta’ natura ġenerali kif ukoll ta’ natura speċjalizzata, attivitajiet ta’ relazzjonijiet pubbliċi kif ukoll sponsorship ta’ attivitajiet internazzjonali li jiġġeneraw coverage pubbliċitarju għall-Gżejjer Maltin.
Jista' l-Ministru jgħid mill-budget ta' l-MTA 2006 u 2007:
1) x'persentaġġ qed imur fuq reklamar u promozzjoni ta' Malta u Għawdex;
2) x'persentaġġ qed imur fuq għajnuna lil-low cost airlines;
3) x'persentaġġ qed imur fuq market support għat-tour operators?
Jista' il-Ministru jgħid min huma l-parteċipanti li ġew aċċettati biex jieħdu sehem fl-edizzjoni tal-Karnival 2007? Minn dawn il-parteċipanti, jista' jgħid jekk hux kollha ngħataw post jew maħżen fejn jibnu l-karrijiet tagħhom? Jekk fl-affermattiv, jista' ipoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista tal-postijiet jew imħażen fejn l-imsemmija parteċipanti qed jużaw? Jista' jgħid ukoll minn min qed titħallas il-kera, fejn dan huwa l-każ u min qed iħallas għad-dawl u l-ilma?
Jista' jgħid jekk kienx hemm ċirkostanzi fejn persuni li xtaqu jipparteċipaw ma ġewx aċċettati għax ma kellhomx fejn jaħdmu jew inkella ġew aċċettati li jipparteċipaw fl-edizzjoni li jmiss tal-Karnival minkejja li m'għandhomx post jew maħżen fejn jaħdmu? Hemm xi mħażen jew postijiet li ġew trasferiti taħt il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-parteċipanti kollha għajr wieħed għandhom post fejn jibnu l-karrijiet tagħhom. Wieħed mill-parteċipanti rtira l-applikazzjoni tiegħu.
Uħud mill-postijiet li l-parteċipanti juzaw huma propjeta tal-Gvern u mikrija f’isem il-Kunsill Malti għall-Kultura u l-Arti. Għal dawn il-Kunsill iħallas ukoll il-konsum tad- dawl u l-ilma. Hemm numru ta’ postijiet oħra li qed jintuzaw mill-parteċipanti tal-karnival u sa issa għadhom qed jiġu wżati għall-iskop tal-ħidma tal-karnival.
Minħabba l-proġett Park & Ride l-imħazen f’Horns Works Ditch li kienu jintuzaw minn xi parteċipanti tal-karnival, twaqqgħu. Bħala alternattiva l-awtoritajiet temporanjament offrew l-Ex Water Services Corporation Workshops f’Portes de Bombes Floriana biex jakkomodaw lill-parteċipanti in kwistjoni.
Minn dawn il-parteċipanti s-Sur Lorry Coleiro biss applika biex jagħmel Hilarous Company. L-applikazzjoni tiegħu ma ġietx aċċettata mill-Kumitat Karnival 2007.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-kamra lista tal-parteċipanti li ġew aċċettati biex jieħdu sehem fil-Karnival 2007.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hawn lukandi, aparthotels jew guesthouses illum u kemm-il sodda għandhom? Kif jikkompara dan ma' ħames snin ilu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi llum hawn 188 stabbiliment ta' akkomodazzjoni għat-turisti fil-kategoriji msemmija mill-Onor interpellant u li bejniethom jagħmlu total ta' 39,538 sodda.
Fl-aħħar tas-sena 2001 kellna 191 stabbiliment fl-istess kategoriji li bejniethom kienu jagħmlu total ta' 38,701 sodda jiġifieri 837 sodda anqas milli għandna issa.
Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi d-dettalji ta' l-informazzjoni mitluba mill-Onor interpellant.
Peress li f'seminar riċenti l-istampa rrapportat lill-Ministru jgħid li n-nefqa ta' fondi strutturali ta' l-Unjoni Ewropea fit-turiżmu se tkun ta' Lm4.4 miljun, jista' l-Ministru jgħid hux korrett l-ammont f'dan ir-rapport, meta fid-diskors tal-budget 2007 jissemma l-ammont ta' Lm5.8 miljun?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ir-referenza għal Lm 4.4 miljuni li saret fis-seminar irrapportat mill-Istampa kienet għal proġetti ta’ natura infrastrutturali f’Malta u f’Għawdex għat-turiżmu. Dan huwa ukoll rifless fl-Estimi tal-Budget 2007 taħt Product Development Malta u Product Development Gozo.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari 22302, jista' l-Ministru jagħti lista tal-proġetti kif ukoll il-project leaders rispettivi tagħhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-project leaders huma nies li jaħdmu fi ħdan l-entitajiet li jaqgħu taħt il-Ministeru. Ma nħossx f’dan l-istadju li għandi nispeċifika min huma.
Jista' il-Ministru jagħti lista tar-rakkmandazzjonijiet li għamlu l-grupp konsultattiv tat-turiżmu biex jidħlu fil-pjan nazzjonali tat-turiżmu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Bħalissa għaddejja diskussjonijiet bejn il-Gvern u l-Grupp Konsultattiv fuq kif u liema mir-rakkomandazzjonijiet magħmula mill-istess Grupp għandhom jiġu integrati fil-Pjan Nazzjonali għat-Turiżmu.
Jista' il-Ministru jgħid meta se jxandar ir-rapport li sar lill-gvern mill-grupp konsultattiv tat-turiżmu dwar il-miżuri li l-gvern irid jieħu permezz tal-pjan nazzjonali tat-turiżmu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi lill-Onor interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 22529.