Jista’ l-Ministru jikkunsidra li jitlob lil Transport Malta sabiex ir-rotta 44 terġa’ tibda tgħaddi minn Triq il-Kostituzzjoni u tagħmel użu mill-Bus Stop li hemm fl-inħawi ta’ Tarġa Gap?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li bit-tibdil li qiegħed jissuġġerixxi l-Onor. Interpellant, l-akwati magħrufa bħala tas-Sriedek ġewwa l-Mosta jispiċċaw mingħajr servizz tat-trasport pubbliku, hekk kif kien qabel ma ġie introdott in-network il-ġdid.
Mosta – Triq Salvu Aquilina – tindif ta’ open space
Question
Jista’ l-Ministru jara li jittieħdu l-passi meħtieġa sabiex issir ħidma ta’ tindif biex jitneħħa l-periklu li jeżisti minħabba l-iskart u s-siringi li hemm mormija fl-open space fi Triq Salvu Aquilina l-Mosta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Bħala Ministru responsabbli minn Transport Malta, jista’ jgħid jekk negozji li huma involuti f’scrappage scheme ikunux jistgħu jbiegħu spare parts li huma jagħqdu minn karozzi involuti f’din l-iskema?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Triq li tieħu lejn l-Imġarr – irranġar tal-mera u jsiru tabelli
Question
Jista’ l-Ministru jara jew jitlob lil Transport Malta sabiex tieħu l-passi meħtieġa sabiex kemm jista’ jkun jitnaqqas il-periklu, biex fit-triq li mill-Mosta tmur lejn l-Imġarr, eżattament fejn hemm l-entratura għat-triq li tieħu lejn id-Dwejra, jittranġa l-għoli tal-mera u jsiru tabelli u sinjali oħra biex jindikaw li hemm triq sekondarja li minnha joħorġu l-karozzi għat-triq prinċipali?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi minn spezzjoni li saret fuq il-post mill-uffiċċjali ta’ Transport Malta, l-għoli tal-mera huwa skont kif inhu speċifikat fil-liġi.
Rigward is-sinjali, l-Awtorità qegħda tevalwa x’tip ta’ sinjali jkunu adekwati għal dan l-iskop.
Mosta – Triq il-Biedja u Triq Patri Ġuże Delia – bini ta’ ħitan
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta Transport Malta ser tibda x-xogħol ta’ bini ta’ ħitan fi Triq il-Biedja u Triq Patri Ġuże Delia fil-Mosta?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntrattur li tqabbad jagħmel ix-xogħol għadu m’għamlux u għaldaqstant se jitqabbad kuntrattur ieħor. Ix-xogħol mistenni jsir sal-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Palazz tal-President – xogħlijiet relatati mal-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont ta' kemm intefqu flus u lil min għax-xogħol kollu li twettaq fil-Palazz tal-President fil-Belt Valletta sal-jum li fih tkun imwieġba din l-interpellanza minħabba dak kollu relatat mal-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew li se tibda f'Jannar li ġej? Kemm minn dawn l-ispejjeż kienu direct orders u lil min?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dettalji dwar ix-xogħol li twettaq mill-Grand Harbour Regeneration Corporation fil-Palazz tal-President li hu direttament relatat mal-Presidenza Maltija tal-Kunsill Ewropew.
Kumpens għad-danni minħabba għargħar – każ ta’ individwu
Question
Jista' l-Ministru jara li jiġi kkuntattjat l-individwu li d-dettalji dwaru qegħdin jingħataw separatament rigward kumpens għad-danni minħabba l-għargħar hekk skont kif inqatgħat is-sentenza tal-qorti?
Response (MIZZI, JOE)
Il-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant hu suġġett ta' kawża pendenti fil-Qorti li jinsab fl-istadju ta' Appell Preliminari. F'dan l-istadju l-ebda tip ta' danni ma ġew stabbiliti mill-Qorti.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm saru spezzjonijiet fuq xogħol li sar mill-kumpanija GO, għal dak li jikkonċerna tħaffir ta' trinek, fil-lokalità ta' San Pawl il-Baħar, (inkluż Buġibba u l-Qawra), matul l-2016? F'liema każijiet kellu jinqala' x-xogħol li sar, u jerġa’ jsir mill-ġdid? Jista’ jagħti tagħrif dwar jekk sarux, spezzjonijiet fuq ix-xogħol li sar fi Triq il-Port Ruman, u fi Triq Dawret il-Qawra, dejjem f'San Pawl il-Baħar u fil-każ li saru, meta kienu dawn l-ispezzjonijiet? X'kienu r-riżultati ta' dawn l-ispezzjonijiet, u jista’ jagħti tagħrif ukoll dwar jekk kienx meħtieġ li ssir tiswija mill-ġdid?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul is-sena 2016 saru 128 spezzjoni fuq permessi li jikkonċernaw tħaffir ta’ trinek fil-lokalità ta’ San Pawl, inklużi Buġibba u l-Qawra.
Inħareġ permess wieħed fi Triq il-Port Ruman fejn saru żewġ spezzjonijiet fl-20 ta’ Diċembru u fit-3 ta’ Jannar fejn irriżulta li x-xogħol ta’ tħaffir tlesta u t-trinka qegħda temporanjament sal-wiċċ. Mal-ewwel disponibiltà tal-asfalt, jiġi mgħoti l-wiċċ bl-asfalt.
Inħarġu tlett permessi fi Triq il-Qawra b’total ta’ 10 spezzjonijiet fid-dati ta’ hawn taħt. Jirriżulta li tnejn minnhom ingħalqu bl-asfalt filwaqt li waħda minnhom tlestiet temporanjament sal-wiċċ tat-triq. Mal-ewwel disponibiltà tal-asfalt, jiġi mgħoti l-wiċċ skont il-kundizzjonijiet tal-permess. Fost dawn l-ispezzjonijiet kien hemm żewġ notifiċi biex jirranġaw il-compaction fejn it-tiswija saret il-ġurnata ta’ wara.
a. Żewġ spezzjonijiet fuq żewġ permessi differenti fit-23 ta’ Novembru
b. Tlett spezzjonijiet fuq tlett permessi differenti fil-25 ta’ Novembru
c. Żewġ spezzjonijiet fuq żewġ permessi differenti fit-30 ta’ Novembru
d. Żewġ spezzjonijiet fuq żewġ permessi differenti fit-2 ta’ Diċembru
e. Spezzjoni waħda fuq permess wieħed fid-9 ta’ Diċembru
Ninsab infurmat ukoll li d-Direttorat tat-Toroq fi ħdan Transport Malta, ma rċieva l-ebda rapport ta’ konformità ta’ xogħlijiet (dan ir-rapport jiskatta il-proċess ta’ moniteraġġ li jagħmel id-Direttorat tat-Toroq matul is-sentejn garanzija – aktar tagħrif rigward dan il-proċess jinsab f’mistoqsijiet parlamentari 26798, 28066 u 28067) mill-kumpanija GO, fil-lokalità ta’ San Pawl il-Baħar, u għalhekk jirriżulta li għad m’hemmx każijiet fejn kellu jinqala' x-xogħol li sar u jerġa’ jsir mill-ġdid. Ninforma ukoll lill-Onor. Interpellant li fir-rigward ta’ xogħlijiet li saru fi Triq il-Port Ruman u fi Triq Dawret il-Qawra, id-Direttorat tat-Toroq lanqas ma rċieva l-ebda rapport ta’ konformita’ ta’ xogħlijiet f’dawn it-toroq u għalhekk jirriżulta li ma kienx hemm każijiet li ssir tiswija mill-ġdid.
Ħal Qormi – Triq l-Erba’ Qaddisin – zebra crossing
Question
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 21728 datata 15 ta’ Diċembru 2015 u 29180 datata 9 ta’ Diċembru 2016 rigward il-bżonn li ssir zebra crossing fi Triq L-Erba’ Qaddisin ġewwa Ħal Qormi fejn ġejt infurmat li ma kienx hemm talba mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi sabiex issir din iż-zebra crossing u għalhekk kienu bdew id-diskussjonijiet, jista' l-Ministru jara li dawn id-diskussjonijiet jiġu konklużi peress li issa għaddew iktar minn 13-il xahar minn meta bdew dawn id-diskussjonijiet?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill Lokali ta’ Ħal-Qormi għarraf lil Transport Malta li approva talba sabiex issir Pedestrian Crossing fi Triq il-Kbira, fl-akwati msejħa Tal-Erba’ Qaddisin, eżatt qabel ir-roundabout. Ġaladarba Transport Malta tirċievi site-plan f’dan ir-rigward, tali talba tkun ikkonsidrata.
Jista' l-Ministru jindika jekk hemmx xi proċedura partikolari sabiex issir road hump ġewwa lokalità?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li il-Kunsill Lokali konċernat irid jagħmel talba lil Transport Malta għal tali road hump u jinkludi pjanta ta’ skala 1:2500 fejn qed jipproponi tali road hump, wisa’ tat-triq u żewġ ritratti sabiex l-Awtorità tkun tista’ tipproċessa t-talba.
Permessi lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma dwar tiswijiet ta’ ħsarat fis-sistemi tad-drenaġġ
Question
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'tip ta' permessi jingħataw lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma għal dak li jirrigwarda tiswijiet ta' ħsarat kemm fis-sistemi tad-drenaġġ kif ukoll fejn jikkonċernaw tiswijiet tal-pajpijiet tal-ilma? X'tip ta' spezzjonijiet jagħmel il-Ministeru biex jassigura li dawn it-tiswijiet isiru skont is-sengħa? Billi spiss jingħad li hemm koordinazzjoni sħiħa ma' entitajiet governattivi oħra, jista' jagħti tagħrif dwar kif Transport Malta tkun infurmata bix-xogħol li jwettqu tali entitajiet governattivi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’każ li jkun hemm bżonn ta’ tiswijiet fuq is-servizzi tad-drenaġġ kif ukoll dawk tal-ilma u li huma ta’ natura urġenti, l-entità tista’ tagħmel użu tal-permessi tal-emerġenza li jinħarġu fuq diskrezzjoni tal-perit li jkun on call fi ħdan id-Direttorat tat-Toroq. F’din is-sitwazzjoni hi responsabbilità tal-kuntrattur/entità li tagħmel il-konsultazzjoni neċessarja. Kull meta jinħareġ permess tal-emerġenza tiġi mibgħuta notifika awtomatika mis-sistema kemm lill-Kunsill konċernat, kif ukoll lil dawk l-entitajiet li għandhom servizzi taħt l-art.
F’każ li l-ħsara mhiex ta’ natura urġenti, l-entità tista’ tagħmel użu mis-sistema elettronika tal-permessi fejn din tissottomessi applikazzjoni u wara li tali applikazzjoni tiġi ivvalidata, din tintbagħat elettronikament lil diversi entitajiet kif ukoll lill-Kunsill konċernat kif ukoll lill-perit tar-reġjun fi ħdan id-Direttorat tat-Toroq sabiex jiġu konsultati u jagħtu l-kundizzjoni u/jew rimarki neċessarji għall-ħruġ tal-permess.
Fiż-żewġ każijiet isiru spezzjonijiet waqt it-twettiq tax-xogħol minħabba sigurta’, kif ukoll jiġi spezzjonat, meta ix-xogħol hu komplut u jiġi sottomess iċ-ċertifikat tal-compliance mill-kuntrattur, mill-perit responsabbli fi ħdan id-Direttorat tat-Toroq. Tali spezzjonijiet iseħħu f’perjodu ta’ sentejn miċ-ċertifikazzjoni tax-xogħol fejn l-kuntrattur jibqa’ responsabbli matul dan iż-żmien li jirranġa xi difetti li jista’ jkun hemm.
Billi madwar Malta u Għawdex huma bosta dawk, kemm entitajiet uffiċjali, kif ukoll individwi li jużaw covers tal-plastik biex jgħattu numru ta' servizzi li jkunu fuq il-bankini, u billi dawn l-istess covers mhumiex b'saħħithom biżżejjed biex minn fuqhom jgħaddu l-vetturi, bil-konsegwenza li jinkisru mill-ewwel, u joħolqu periklu mhux żgħir għal dawk li jgħaddu minn fuqhom, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar x'inhuma l-istandards li wieħed suppost japplika għal tali covers, kif ukoll x'passi jittieħdu biex dan il-periklu jitneħħa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istandards applikati mid-Direttorat tat-Toroq għall-covers ta’ manholes (servizzi) li jservu fit-toroq huma inklużi fil-leġiżlazzjoni sussidjarja 499.57: Regolamenti dwar Toroq Ġodda u Xogħlijiet f’Toroq, Volum 1, Specifications for Road works, Series 500 – Drainage and Service Ducts. Dawn jorbtu lil Transport Malta u lil kull min jagħmel xogħol fit-toroq pubbliċi li juża covers skont l-istandard EN 124 – Gully Tops and Manhole Tops for Vehicular and Pedestrian Areas. Dan jinkludi kategorizzazzjoni ta’ covers skont il-piż li jifilħu a bażi tal-pożizzjoni tagħhom fit-triq. Peress illi l-bankini jaqgħu f’kategorija indikata bħala Group 2, jiġifieri spazju ġeneralment riservat għall-pedestrians, il-covers jiġu speċifikati bħal Class B125 (jiġifieri kapaċi li jirreżistu biss traffiku okkażjonali / emergenza). Fir-rigward ta’ toroq arterjali u distributorji li Transport Malta hija responsabbli għal manutenzjoni tagħhom, l-Awtorità tagħmel l-almu tagħha sabiex rapporti ta’ covers imkissrin jiġu ndirizzati u jsir is-sostituzzjoni tagħhom. Ħsarat fil-kumplament tat-toroq, li allura jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Kunsill Lokali, għandhom jiġu rrapurtati lill-Kunsill ikkonċernat.
Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba ż-żewġ bus stop shelters li jinsabu fl-aħħar tat-Triq Hompesch, Fgura humiex sejrin isiru tul din is-sena issa li ġew ppubblikati r-Request for Proposals?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-programm hekk kif ser ikunu qegħdin jiġu stallati dawn il-bus shelters ikun stabbilit ġaladarba jiġi identifikat il-kuntrattur il-ġdid u dan wara li issir l-aġġudikazzjoni tar-Request For Proposals.
Jista’ l-Ministru jara li jsiru t-tiswijiet neċessarji fil-ħitan ta’ barra tal-mitħna li tinsab f’Triq il-Mitħna Bormla billi hemm tmermir evidenti fl-estern?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jara li l-iskart li ġie mixħut illegalment f’parti viċin Triq San Franġisk Ħal Tarxien jitneħħa u jinforma lill-Kamra jekk ittieħdux passi legali?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant, biex jindirizza l-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Trasport pubbliku b'xejn lill-persuni li jagħlqu t-18-il sena
Question
Billi fid-diskors tal-budget ingħadd li din is-sena, dawk il-persuni li jagħlqu t-18-il sena se jingħataw sena trasport publiku b'xejn, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk dawk il-persuni li għalqu 18-il sena matul is-sena li għaddiet iżda għadhom ma għalqux id-19-il sena hux se jingħataw parti minn dan it-trasport pubbliku b'xejn sakemm jagħlqu d-19-il sena? Jista' jagħti ukoll tagħrif dwar jekk dawk li jagħlqu t-18-il sena din is-sena hux se jingħataw servizz għal sena sħiħa, jew minn meta jagħlqu 18 sal-aħħar tal-2017?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif ġie spjegat fir-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari 29102, l-iskema fejn persuni li jagħlqu it-18-il sena fl-2017 jikkwalifikaw għal sena trasport b’xejn, sa massimu ta’ €312, permezz tat-trasport publiku bl-iskeda hija applikabbli għal dawk il-persuni li jagħlqu it-18-il sena fis-sena li qegħdin fiha, jiġifieri fl-2017.
Għaldaqstant, persuni li għalqu it-tmintax il-sena fl-2016 ma jikkwalifikax taħt din l-iskema.
Is-Siġġiewi – Sqaq fi Triq il-Brandin – wiċċ tat-triq
Question
B'referenza għall-mistoqija parlamentari 29003, jista' l-Ministru jindika min hu l-Ministru responsabbli sabiex jingħata għall-ewwel darba wiċċ l-isqaq li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn spezzjoni li għamlet Transport Malta jidher li din it-triq kienet ingħatat xi forma ta’ wiċċ u għaldaqstant il-manutenzjoni tagħha taqa’ taħt il-Kunsill Lokali sakemm it-triq hi kkunsidrata pubblika.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-frekwenza tar-rotta 62 mis-Siġġiewi għall-Belt fil-ħinijiet ta' filgħodu tnaqsitx minn kull għoxrin minuta għal kull nofs siegħa?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn spezzjoni li għamlet Transport Malta jidher li din it-triq kienet ingħatat xi forma ta’ wiċċ u għaldaqstant il-manutenzjoni tagħha taqa’ taħt il-Kunsill Lokali sakemm it-triq hi kkunsidrata pubblika.
Toroq f’Għawdex – kofinanzjament ta’ fondi tal-Unjoni Ewropea Programming Period 2014-2020
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq f'Għawdex li jistgħu jsiru b' kofinanzjament ta' Fondi tal-Unjoni Ewropea fil-Programming Period 2014-2020? Jista' jgħid minn dawn, kemm diġà tlestew taħt dan il-programming period? Dawk li għadhom ma sarux, meta hu maħsub li jsiru?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu 2014-2020, it-toroq tat-TEN-T li ġew priorizzati li jsiru matul dan il-perjodu jinkludu l-proġett tal-Kappara u l-junction tal-Marsa. In-National Transport Master Plan li ġiet ippublikata dan l-aħħar tipprovdi iktar dettalji dwar il-programm ta’ proġetti bħala parti mit-TEN-T li mistennija jsiru matul dan il-perjodu.