B’riferenza għas-sitwazzjoni fi Triq il-Kbira fil-Mosta, fejn wara kull xita li tagħmel ir-residenti qed jispiċċa jidħlilhom ħafna ilma tax-xita fi djarhom kawża tal-fatt li x-xogħlijiet fuq il-kanali għadhom ma sarux, jista’ il-Ministru jara li jitranġa dan l-inkonvenjent għal dawn il-familji mill-aktar fis possibbli?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 36847, seduta 818 tad-disgħa parlament mogħtija fil-25 ta' Novembru 2002.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru reġistrazzjonijiet ta' karozzi ġodda f'Jannar, Frar, Marzu u April 2003 separatament?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li n-numru ta' vetturi ġodda li ġew reġistrati matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena hu kif ġej:
Jannar 619
Frar 604
Marzu 503
April 719
Jista' il-Ministru jgħid x'kien id-dħul mil-liċenzji tal-vetturi u mil-liċenzji tas-sewqan matul is-sena 2002? Jista' jgħid kemm mid-dħul mil-liċenzji tal-vetturi huwa dovut għal-liċenzja għad-dħul fil-Belt?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-dħul mill-liċenzji matul is-sena 2002 kien kif ġej:
Liċenzja tat-triq tal-vetturi: Lm 10,672,956
Liċenzji tas-sewqan: Lm560,468
Liċenzji għad-dħul fil-Belt: Lm603,658
Jista' il-Ministru jgħid kemm ġew importati karozzi second hand xahar b'xahar f' Jannar, Frar, Marzu u April 2003? Ta' liema ditta u u ċilindraġġ kienu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant dwar vetturi second hand li ġew impurtati matul l-ewwel erba' xhur ta' din is-sena.
Jista' jgħid - skond il-kuntratt iffirmat mal-Gvern biex tingħata liċenzja biex topera - x'obbligi għandha l-kumpanija Melita Cable Tv li twassal is-servizz tagħha fil-lokalitajiet kollha ta' Malta u Għawdex?
Response (GALEA, ĊENSU)
Il-ftehim bejn il-Gvern ta' Malta u l-Melita Cable plc ffirmat fl-1990 f'klawsola 3.3 igħid hekk:
L-operatur tal-Cable jkun obbligat mid-data effetiva ta' dan il-ftehim, biex jispiċċa l-kostruzzjoni tas-Sistema biex in-numru ta' djar li jkollhom il-possibilita tas-servizz tal-cable, ikun kif speċifikat aktar l-isfel, bħala persentaġġ ta' djar f'dik msejħa Standard Service Area.
Sa tnax il-xahar 10%
sa erba' u għoxrin xahar 82%
Sa sitta u tletin xahar 95%
Kif aċċenajt iktar il-fuq, dan il-ftehim ġie ffirmat tlettax-il sena ilu.
Possibbli l-Ministru ġentilment jikkonsidra bis-serjeta' li Triq San Ġużepp, li hi triq li tgħaqqad Ħaż-Żabbar maż-Żejtun tiġi rranġata għax kieku jonqos ħafna traffiku miċ-ċentru ta' Ħaż-Żabbar?
Billi għamilt diversi mistoqsijiet fil-passat bir-risposta dejjem tkun li din it-triq hi responsabbilta' tal-kunsilli lokali, jista' il-Ministru ġentilment jagħmel site visit flimkien mad-Direttur tat-Toroq biex jikkonfermaw huma stess kemm issolvi problemi tat-traffiku kieku din it-triq li ġiet traskurata mill-kunsilli lokali tiġi rranġata?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-triq msemmija kienet ġiet asfaltata żmien ilu, u għalhekk hija responsabilta' tal-Kunsill Lokali.
Madankollu l-Awtorita' dwar it-Trasport qiegħda tispezjona diversi toroq madwar Malta kollha, fosthom ukoll it-triq indikata mill-Onor. Interpellant, sabiex tħejji programm separat għar-restawr ta' diversi toroq li għalkemm m'humhiex arterjali għandhom linking function għat-trasport bejn il-bliet u l-irħula.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' mini buses liċenzjati? Kemm hu n-numru ta' taxis u ta' chauffeur driven cars liċenzjati? Kemm hu n-numru ta' self-drive cars liċenzjati? Kemm hu n-numru ta' coaches liċenzjati?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien ninsab infurmat illi n-numru ta' vetturi liċenzjati sa l-aħħar ta' mejju 2003 hu kif ġej:
Mini Buses
407
Taxis
247
Chauffeur Driven Cars
1170
Karozzi
Self Drive
5742
Coaches
156
Jista' il-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' vetturi liċenzjati fit-toroq tagħna, maqsuma skond il-klassifikazzjoni tal-vettura? X'inhu n-numru ta' vetturi liċenzjati fuq il-lokalita' tal-Belt Valletta; l-Imdina; u Għawdex?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' vetturi liċenzjati sa' Mejju 2003 maqsuma skond il-klassifikazzjoni tal-vettura.
Kontravenzjonijiet tat-traffiku — Sistema ta' punti
Question
Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tiddaħħal sistema ta' punti fuq kontravenzjonijiet tat-traffiku? Kif ser tkun din is-sistema u kif ser jitnaqqsu l-punti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għalissa m'hemmx intenzjoni li tidaħħal sistema ta' punti fuq kontravenzjonijiet tat-traffiku għal dawk il-persuni li diġa għandhom il-liċenzja.
Is-sistema ta' punti fuq kontravenzjonijiet tat-traffiku se tiġi ntrodotta għal dawk il-persuni li jikkwalifikaw għal liċenzja tas-sewqan ġdida. Jiġifieri, s-sewwieqa l-ġodda li jgħaddu mit-test tas-sewqan jingħataw liċenzja bi prova għal tliet snin. Matul dawn it-tliet snin, ikunu suġġetti għas-sistema tal-punti fuq kontravenzjonijiet tat-traffiku.
Il-liċenzja tas-sewqan tiġi revokata f'kull żmien waqt li l-perjodu ta' tliet snin ta' prova jekk is-sewwieq jilħaqq it-tnax-il punt ta' penali jew aktar u s-sewwieq wkoll jiġi skwalifikat milli jsuq. L-għoti ta' punti jvarjaw bejn tlieta u ħdax il-punt kull darba skond il-gravita ta' l-offiża.
Din is-sistema hija maħsuba li tiġi ntrodotta sa' l-aħħar ta' din is-sena.
Jista' il-Ministru x'sar mir-rapport dwar l-għargħar fl-area tal-Wied f'Ħal Qormi? X'sar s'issa? X'inhu ppjanat biex il-wied jiġi rijabilitat?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien ninsab infurmat illi mil-1990 'l hawn, sar bosta xogħol ta' titjieb fil-korsa ta' l-ilma minn Ħal Qormi sal-Marsa, biex tonqos il-problema ta' l-għargħar.
Riċentement barra li tkompla x-xogħol ta' tindif fil-culverts, tkabbar il-kanal ta' ħdejn il-fabbriki u sar pont ġdid fl-area ta' l-Erbgħa Qaddisin. Tneħħew l-obstructions li kien hemm fit-tarf tas-sistema tal-kanali fil-Marsa fejn tnaddfet ukoll il-bokka tal-kanal minn fejn tneħħew il-biċċiet tal-baħar mgħarrqa li kienu jostakulaw il-bokka.
Xogħol ieħor ikompli jsir skond il-bżonn.
Jista' il-Ministru jgħid kemm ħarġu tenders għal xogħol ta' toroq u asfalt ġewwa Għawdex għas-snin 1999, 2000, 2001 u 2002 kemm tal-gvern ċentrali u kemm mill-kunsilli? Lil min ingħataw dawn it-tenders? Kemm kien il-contract value ta' kull tender?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant għada qed tinġabar u r-risposta tingħata f'seduta oħra.
Jista' il-Ministru jinformani bl-aħħar żviluppi, jekk hemm, sabiex l-area Ta' Xlejli fil-Ġudja tiġi asfaltata wara t-tkaxkir tas-saqajn minn naħa tal-kunsill lokali tal-Gudja biex jiġi ffirmat il-kuntratt offrut mill-Ministeru għat-Trasport?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-taħdidiet bejn l-Awtorita' Dwar it-Trasport u l-Kunsill Lokali tal-Gudja biex jiġi ffirmat kuntratt bejniethom għax-xogħol li għandu jsir fl-area tax-Xlejli, hu mistenni li jiġi ffirmat dalwaqt, billi l-istess kunsill issa qabel li jiffirma dan il-kuntratt.
Jogħġbu l-Ministru jintervjeni personalment sabiex Triq Mariano Gerada f'Ħal Tarxien, jekk ma tistax tiġi asfaltata għalissa (ħaġa li m'hijiex diffiċli stante li s-servizzi ta' taħt il-wiċċ tat-triq huma mgħoddija taħt 90% ta' din it-trejqa) ta' l-anqas tiġi livellata peress li l-istat ħażin immens ta' din it-trejqa qed jagħmilha kważi impossibli anke għall-karozzi li jgħaddu minnha, aħseb u ara kif ser ikun impossibbli għar-residenti li jgħaddu minnha meta tkun ix-xita?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qabbdet perit biex jispezzjona t-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant.
Jista' il-Ministru jgħid x'sar mill-ammont kbir (xi 500 blokka) ta' ċangatura tal-lava li nġibu mijiet ta' snin ilu, li issa nqalgħu minn Triq ix-Xatt, f'Bormla (taħt il-Baċir)?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li filwaqt li bħalissa dawn iċ-ċangaturi qed jinżammu mill-kuntrattur, mistennija jittçħdu mir-Restoration Unit fil-ġejjieni.
Jista' il-Ministru jgħid min hu responsabbli li jieħu ħsieb l-arloġġi ħdejn il-bus stops fit-toroq tagħna peress li ħafna minnhom jinsabu jew weqfin jew b'ħin ħażin u jagħtu dehra ta' telqa u traskuraġni? Jistgħu jittieħdu passi biex jaħdmu sew u juru l-ħin korrett?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li mhux l-arloġġi kollha allokati ħdejn il-bus stops jaqgħu taħt ir-responsabbilita' ta' l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta.
Bħalissa l-Awtorita' għandha rrapurtati erba' arloġġi li baqa' bil-ħsara u li jinsabu tnejn l-Imsida, wieħed Baħar iċ-Ċagħaq u çħor Bormla. Dawn għandhom bżonn ta' xogħlijiet li jinkludu trinek u cables ġodda.
It-Tenders meħtieġa ħarġu u xogħlijiet ser isiru fil-futur qarib.
Jista' il-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari numru 301 u cioe' jgħid meta se jitkompla x-xogħol u meta hu maħsub li jitlesta fuq it-triq ta' Burmarrad, il-parti li tagħti minn San Ġużepp tat-Tarġa fejn saret roundabout f'Tal-Qlejja?
Kemm tħallsu flus lill-kuntrattur s'issa? Dan il-ħlas ikopri x-xogħol kollu li sar s'issa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għalkemm ix-xogħol f'din it-triq kellu jsir bħala parti mill-proġett tat-Triq ta' Burmarrad, f'dan il-kuntratt kellhom jinbnew service ducts ta' daqs akbar minn dak previst, xogħol ta' renewals ta' mains kbar ta' l-ilma u tisħiħ ta' pedamenti li bihom il-valur tal-kuntratt oriġinali intlaħħaq. Għalhekk ġie deċiż li xogħol tat-triq imsemmija mill-Onor. Interpellant jitkompla bħala parti mill-proġett ta' rikostruzzjoni ta' toroq li ser isiru taħt il-ħames Protokol Taljan.
Fil-preżent, il-kumpanija Penza Tarmac Ltd. bagħtet kontijiet li jammontaw għal Lm1,467,311 għax-xogħol kollu li wettqet li minnhom tħallsu Lm1,100,483.