Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma — konsulenzi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenzi mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill-1998 sal-lum? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Enemalta, l-MRA u l-Arms Ltd ma taw l-ebda xogħol lill-Kumpanija Sapiano and Associates. Il-WSC tat xoghol ta' konsulenza legali lill-Sapiano and Associates ta' (€113,711.90) mija u tlettax-il elf, seba' mija u ħdax-il ewro u disgħin ċenteżmu bejn is-sena 2000 u s-sena 2006. Dan ix-xogħol ingħata b'direct order.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1353, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru tiegħu għandux kunflitt ta' interess minħabba li hu responsabbli mit-tfassil tal-politika dwar l-enerġija, mit-twettiq tal-istess pjan u mir-regolamentazzjoni fuq l-enerġija?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li l-policy staff tal-MRA issa iċċaqalqu u qegħdin jaħdmu mal-Ministeru. Għaldaqstant, bil-kuntrarju għal li kien qed jiġri taħt Gvern preċedenti , r-regulatur huwa indipendenti u ma jfassalx policy dwar l-enerġija iżda jiffoka fuq regolamentazzjoni
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslu l-istudji ambjentali għall-proġetti tat-turbini tar-riħ (wind turbines) f'Wied Rini, Ħal Far u s-Sikka l-Bajda? Jista' jelenka wkoll x'inhuma l-passi li jmiss sabiex dawn l-applikazzjonijiet jitwasslu għal deċiżjoni?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istudji dwar l-enerġija rinnovablli li ġejja mir-riħ flimkien ma' riżorsi rinovabbli oħra qegħdin fil-proċess li jiġu riveduti biex joħorġu l-aħjar taħlita ta' sorsi li tkun aktar sostenibbli li joffru l-aħjar soluzjonijiet ambjentali, tekniċi u finanzjarji.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq l-applikazzjoni għall-fondi Ewropej ħalli tiġi studjata l-vijabilità tal-gas pipeline bejn Malta u Sqallija? Jista' jgħid ukoll fejn wasal ix-xogħol fuq l-aġġudikazzjoni għas-sejħa għall-offerti ħalli jsir l-istess studju?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-project of common interest għadu f'fażi bikrija u x-xogħol fuq l-aġġudikazzjoni qiegħed fil-proċess.
Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — servizz ta’ customer care
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hu jew id-dekasteru tiegħu hux qed jagħmlu kuntatt ma’ kunsilli lokali biex joffru servizzi ta’ customer care mill-uffiċċji tal-kunsilli lokali? Jekk iva, jista’ jindika ma’ liema kunsilli lokali sar dan il-kuntatt? Jekk fl-affermattiv jista’ jindika liema kienu dawk il-kunsilli lokali li rrispondew fil-pożittiv għal din it-talba? Liema rrispondew fin-negattiv u liema għadhom ma rrispondewx? Fil-lokalitajiet li rrispondew fil-pożittiv meta beda dan is-servizz? F’liema ħinijiet u f’liema ġranet qed ikun offrut dan is-servizz?
Response (MIZZI, KONRAD)
L-idea li ufficjali tal-customer care joffru servizz mill-kunsill lokali ġiet imwarrba u l-ebda laqgħat qatt ma saru f'dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx każ ta' qerq u ingann deliberat da parti tiegħu u tal-Partit Laburista meta fil-kampanja elettorali dejjem u kullimkien wiegħed li se jagħmel proġett ta' enerġija mibni madwar wegħda ta' prezz fiss tat-tariffi għal mhux inqas minn għaxar snin, meta llum fil-gazzetta Times hemm rapurtat li l-espressjoni tal-interess li ħarġet l-Enemalta qed titlob minimu ta' ħames snin biss bħala garanzija ta' prezz fiss?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ngharraf lill-Onorevoli Interpellant li t-terminu minimu ta' ħames snin jista' jfisser aktar minn ħames snin.
Jista' l-Ministru jispjega:
a) għaliex fl-
expression of interest
li l-Korporazzjoni Enemalta ħarġet għall-proġett tal-enerġija bil-gass, mhux se jkun hemm il-possibilità li jsir appell minn min iħossu aggravat b’xi deċiżjoni tal-bord ta’ għażla;
b) iħossx li tali nuqqas ta’ possibilità ta’ appell mill-expression of interest jagħti lok għal perċezzjoni li l-għażla diġà saret qabel ma beda l-proċess u għalhekk il-proċess jagħti lok ta’ dehra ta’ proċess ivvizzjat;
ċ) hux konxju li anke jekk fis-sejħa għall-interess hemm biss provdut li min hu aggravat jista’ biss jadixxi l-Qrati Maltin għal rimedju li jkun limitat għall-irkupru tal-ispejjeż li jkun inkorra, dan xorta jmur kontra prinċipji stabbiliti mill-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar public procurement u għalhekk tibqa’ l-possibilità li eventwalment il-gvern jibqa’ espost għal sentenza mill-ogħla Qorti Ewropea li timmulta bil-kbir lill-iStat Malti, apparti konsegwenzi oħra għad-dannu tat-taxpayer Malti;
d) jaħsibx li hu prinċipju elementari ta’ good governance u ta’ trasparenza, mhux biss ta’ smigħ imparjzali, li kull proċess kompettitiv għandu jkun jipprovdi għal proċedura ta’ appell effettiv u reali għal kull rimedju li persuna aggravata jista’ jkollha; u
e) jista' jsemmi każijiet simili fejn ġiet adoperata l-istess proċedura mill-Gvern fil-passat?
Response (MIZZI, KONRAD)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghall-istqarrija Ministerjali li saret nhar it-Tnejn 13 ta' Mejju fis-seduta numru 17.
Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — impjegati detailed
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm, u min huma, l-impjegati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, jew xi dipartiment jew entità li taqa’ taħtu, li huma detailed, jew għandhom permess, sabiex jagħmlu xogħol ma' xi entità non-governattiva (NGOs), inkluż xogħol ma' trade unions? Fuq liema bażi qed isir dan ix-xogħol u x’inhuma t-termini ta’ żmien? X’inhi r-remunerazzjoni, jiġifieri l-paga, allowances, overtime u dħul ieħor, li kull wieħed minn dawn l-individwi qed jirċievi, u min joħroġ tali salarju?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tiġi ppreżentata fuq il-Mejda tal-Kamra.
B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1772, jista’ l-Ministru jwieġeb kemm hi r-rata medja li hu mistenni li jkunu stallati kull xahar minn issa ’l quddiem peress li din il-parti tal-mistoqsija ma ġietx imwieġba ?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi huwa mistenni li jiġu stallati madwar (4,000) erbat elef meter fix-xahar.
B’referenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 1771, jista’ l-Ministru jgħid x’timeframes qed jara għal tali reviżjoni tal-Pjan Nazzjonali tal-Enerġija?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi la darba r-reviews għadhom fil-proċess, it-timeframes mitluba jingħataw wara li dawn jitlestew.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux veru li ġew ikkreati dawn l-erba’ posts ġodda ġewwa l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (WSC): personal assistant għaċ-Chairman, personal advisor għaċ-Chairman, advisor to the Chairman u PA assistant? Min huma l-persuni maħtura f’kull kariga u x’pakkett finanzjarju għandu kull wieħed minnhom?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninfroma lill-onorevoli Interpellant li ċ-Chairman ghandu Executive Personal Assistant, Executive u personal Driver. Ma ġew ikkreati l-ebda pożizzjonijiet ta' Advisor to the Chairman, PA assistant u Personal Advisor. Il-pakkett finanzjarju ta' dawn il-persuni maħtura jaqbel mal-kariga u r-responsabilità li qed iġorru.
B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 998, jista' l-Ministru jagħti l-kwalifiki u kompetenzi fil-qasam tal-ilma ta' kull persuna li ġiet appuntata u dan stante li fir-risposta l-Ministru ta l-informazzjoni biss tal-professjoni ta' kull membru iżda naqas li jwieġeb il-mistoqsija b'mod korrett?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kompetenza tal-persuni imsemmija huma varji u utli għal dan il-qasam minn aspetti differenti. Kull membru f'dan il-bord għandu esperjenza illi se jkunu t'għajnuna fil-ħidma u l-isfidi li se jkollu quddiemu dan il-bord.
Ministeru għall-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma — konsulenzi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill-2004 sal-lum? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Enemalta u l-MRA ma taw l-ebda xogħol lill-kumpanija Aequitas legal. Il-WSC tat xogħol ta' konsulenza legali lil Aquitas Legal u ħallset is-somma ta' (€1,374.33) elf, tlett mija erbgha u sebghin ewro u tlieta u tletin ċenteżmu kull xahar minn Marzu 2007 sa Diċembru 2007. Dan ix-xogħol ingħata b'direct order. L-ARMS Ltd tat xogħol ta' endorsement ta' ittri legali u kwestjonijiet oħra ta' natura legali lil Aequitas Legal fuq bażi ta' tender. Il-Valur li tħallsu mill-bidu tat-tender (minn Gunju 2012) s'issa huwa ta' (€ 9,827) disat elef, tmien mija u sebgħa u għoxrin ewro (eskluza l-VAT).
Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — ingaġġ ta' konsulenti
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 352 u jgħid min huma l-konsulenti (inkluż persons of trust) li qegħdin jagħtu kontribut fid-dekasteru tiegħu? X’terms of reference għandhom għall-ħidma tagħhom fil-Ministeru? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratti jew appointment letters fejn dawn diġà ġew iffirmati?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Interpellant illi l-informazzajoni għadha qed tinġabar.
Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — Impjegati minn barra s-Servizz Pubbliku
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 1615 fejn il-Ministru rreferieni għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 694, li fiha l-Prim Ministru kien wieġeb illi l-mistoqsija parlamentari kellha ssir lill-Ministru kkonċernat, u peress li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 735 il-Ministru qal li l-informazzjoni għadha qed tinġabar, jista’ issa l-Ministru jagħti din l-informazzjoni, u ċjoè kemm hu n-numru tal-individwi impjegati minn barra s-servizz pubbliku u jekk dawn kenux jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi 12-il impjegat ġew minn barra s-settur pubbliku u 2 oħra kienu qed jirreġistraw għax-xogħol
Ministeru għall-Enerġija u Konservazzjoni tal-Ilma — inventarju
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk mal-ħatra tiegħu kellux inventarju ta' x'suppost kien hemm fil-Ministeru? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid jekk ġiex konfermat li dak kollu mniżżel fl-inventarju instabx? Jekk kien hemm xi nuqqasijiet, jista' jgħid jekk ittieħditx xi azzjoni, u x'inhi din l-azzjoni?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni qed titpogga fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu mistenni li jinbidlu arbli tal-high tension, mill-Korporazzjoni Enemalta, matul din is-sena, u f'liema lokalitajiet?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Billi f’diversi toroq f’pajjiżna bħalissa hawn numru ta' arbli li kienu ħabtu fihom xi vetturi bil-konsegwenza li jinsabu fi stat li jistgħu jikkawżaw inċidenti oħra, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar meta hu mistenni li dawn l-arbli jinbidlu ma’ oħrajn ġodda?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ persuni li kienu jaħdmu fil-Korporazzjoni Enemalta u li ġew ingaġġati f’ministeri mingħajr secondment uffiċjali?
Response (MIZZI, KONRAD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-korporazzjoni Enemalta m'ghandha ebda haddiem li gie ngaggat f'ministeru minghajr secondment ufficjali.