Legislature:
Category:
Reset
Active:

Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada – audits finanzjarji annwali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema kumpanija kienet responsabbli mill-audits finanzjarji annwali tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada fir-rigward tas-snin passati, mill-2013 sal-2015?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kumpanija li għamlet l-audits finanzjarji annwali tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada, fir-rigward tas-snin 2013, 2014 u 2015, hija l-kumpanija 3A Malta Ltd.

Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada – audits finanzjarji annwali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallset il-kumpanija li għamlet audit finanzjarji annwali tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada fir-rigward tas-snin passati, mill-2013 sal-2015?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-kumpanija li għamlet l-audits finanzjarji annwali tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada tħallset is-somma totali ta' ħdax-il elf sitt mija u tmienja u disgħin ewro (€11,698) fir-rigward tas-snin 2013, 2014 u 2015.

Sirens Waterpolo Pitch – Ħsarat minħabba maltemp

Question

Billi għal darba oħra l-pitch tal-waterpolo tas-Sirens ASC safa vittma tal-maltemp li kien hawn f'dawn l-aħħar jiem, matul Diċembru 2016, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hux ser ikun qed jingħataw xi forma ta' sostenn finanzjarju biex dawn l-istess ħsarat jiġu msewwija? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ministeru hux ser ikun qed jgħin finanzjarjament lil dan il-klabb, matul is-sena 2017? Jekk iva, kif ser tingħata din l-għajnuna?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada ġiet mitluba mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol sabiex issib fondi ħalli jsiru t-tiswijiet meħtieġa. Iżda minn stħarriġ preliminari rriżulta illi l-ħsarat huma konsiderevoli u anke strutturali. Għalhekk tiswija mhix biżżejjed u hemm bżonn illi jsiru xogħlijiet anke fil-pedamenti tal-istruttura. Bħalissa għaddej l-istħarriġ li hemm bżonn sabiex jiġi stabbilit x'xogħol għandu jsir u stima tax-xogħlijiet kollha.

Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada – CEO — applikazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta ħarġet sejħa għal CEO tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS)? Kemm-il applikant applika? Min kienu dawk li applikaw?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minħabba l-urġenza biex ikun stabbilit kontroll u direzzjoni immedjata fil-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada ma ħarġitx sejħa pubblika imma ġie appuntat uffiċjal mis-settur pubbliku fuq positon of trust li għandu esperjenza fuq design u project management.

Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada – CEO — kuntratt

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, bħala CEO tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada (FTS)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Kopja tal-kuntratt mitlub qed tingħata lill-Onorevoli Interpellant separatament.

EU Nationals li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol f’pajjiżna

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien hemm persuni li huma reġistrati bħala EU Nationals li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol f’pajjiżna sal-aħħar ta’ Diċembru 2016? Jista’ jindika wkoll dettaljatament ta’ liema nazzjonalità huma?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ EU Nationals li qegħdin jirreġistraw għax-xogħol f’pajjiżna sal-aħħar ta’ Novembru 2016 (l-aħħar ċifri ppublikati) kien ta’ 106 persuni. Rigward ta’ liema nazzjonalità huma, l-informazzjoni hi kif se nsemmi: EU Nationals Nazzjonalit à Total EU National Awstrija 1 Belġju 1 Bulgarija 7 Repubblika Ċeka 1 Danmarka 2 Franza 12 Ġermanja 3 Greċja 2 Ungerija 3 Irlanda 1 Italja 25 Polonja 5 Portugal 1 Rumanija 5 Spanja 13 Renju Unit 22 EEA & EFTA Svizzera 1 Dipendenti fuq l- EU Nationals Ukrajna 1 Total 106

Żgħażagħ reġistrati bħala NEET

Question

Jista’ l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm żgħażagħ li skont l-eżerċizzju li kellu jsir f’Novembru 2016 jinsabu reġistrati bħala NEET (Not in Education, Employment or Training)?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont l-eżerċizzju li sar jidher li hemm 6738 żgħażugħ/a bejn il-15 u l-24 sena li mhux qed jidhru fix-xogħol jew fl-edukazzjoni. Madankollu hekk kif ħareġ ukoll miċ-Ċensiment taż-Żgħażagħ, din iċ-ċifra ma tinkludix informazzjoni dwar żgħażagħ li jkunu bdew jaħdmu imma l-formola tal-bidu tal-impjieg ma tkunx għadha waslet għand il-Jobsplus, żgħażagħ li qegħdin jistudjaw f’istituzzjoni privata, żgħażagħ li qed jieħdu sehem f’xi skema, żgħażagħ li qegħdin jaħdmu barra minn Malta, u żgħażagħ li għażlu li jagħmlu xogħol fil-volontarjat kemm f’Malta kif ukoll barra minn pajjiżna.

Community Work Scheme — kundizzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jelenka x'kienu l-kundizzjonijiet tal-Community Work Scheme, skema li tgħin lil dawk il-ħaddiema li ilhom fuq ir-reġistru tax-xogħol taħt amministrazzjoni Nazzjonalista u kif dawn il-kundizzjonijiet issa ġew imtejba?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qabel it-twaqqif tal-Fondazzjoni, il-parteċipanti fil-Community Work Scheme kienu jagħmlu xogħol mingħajr ma kienu impjegati bħala ħaddiema. Għal dan ix-xoghol, kienu jieħdu ħlas ekwivalenti għal 75% tal-paga minima. Illum dawn il-parteċipanti ġew impjegati u qed jitħallsu l-paga minima u huma intitolati għall-benefiċċji kollha li huma eliġibbli għalihom bħala ħaddiema.

ITS – Studenti – internship barra minn Malta

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il student mill-ITS mar għal esperjenza ta’ internship barra minn Malta bejn Marzu 2013 u Diċembru 2016? Jista’ jgħid kemm minnhom ikkonkludew l-internship u kemm minnhom ma komplewhx? Jista’ jgħid ukoll kemm minn dawn l-istudenti talbu li jkomplu l-internship li bdew f’pajjiż ieħor u kemm kienu dawk li kellhom it-talba tagħhom milqugħa?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Riforma fil-livell sekondarju — konsulenza

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 28968 jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Professur hux qiegħed jitħallas għall-konsulenza tiegħu? Jekk iva, kemm qiegħda tiġi tiswa din il-konsulenza? Barra dan, jista’ jgħid min huma l-awtoritajiet l-oħra li qed jiġu kkonsultati dwar din ir-riforma u kemm qegħda tiġi tiswa din il-konsulenza?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Professur indikat mhux qiegħed jitħallas għall-konsultazzjoni li saret miegħu s’issa. Fost l-awtoritajiet l-oħra li ġew ikkonsultati, hemm uffiċjali għolja mill-Ministeri għall-Edukazzjoni fl-Olanda, fir-Renju Unit u fil-Fillandja. L-ispejjeż relatati huma ta’ vjaġġar u ospitalità minn uffiċjali Maltin fl-imsemmija pajjiżi.

Il-Finlandja – Delegazzjoni — persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid minn min kienet magħmula d-delegazzjoni tal-Ministeru tiegħu li matul il-ġimgħa ta' bejn it-12 u s-16 ta' Diċembru 2016 kienet qed iżżur il-Finlandja in vista tar-riforma fil-livell sekondarju? Jista’ jgħid kemm ġiet tiswa din iż-żjara ta' din id-delegazzjoni?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-membri tad-delegazzjoni ministerjali li telgħet flimkien miegħi l-Fillandja bejn il-11 u l-15 ta’ Diċembru 2016 kienu l-Prof. Alfred Vella (Rettur, UoM), Dr Francis Fabri (Direttur Ġenerali, MEDE), is-Sur Vince Maione (Viċi-Prinċipal, MCAST), is-Sur Martin Borg (Direttur, ITS), Dr Godfrey Vella (Chairman, NCFHE) u l-Ambaxxatur Michael Zammit Tabona. L-ispejjeż kienu: Biljetti tal-ajru għad-delegazzjoni kollha: €3725.50 Subsistence għal membri tad-delegazzjoni minbarra l-Ministru: €2147.20 Contingency tal-Ministru: €291.00 Travel Insurance għad-delegazzjoni kollha: €54.00 Ikla uffiċċjali għall-uffiċjali Fillandiżi (19-il persuna): €2000.10 Mementos kommemorattivi (15) għall-uffiċjali Fillandiżi li d-delegazzjoni Maltija ltaqgħet magħhom: €450. Akkomodazzjoni f’lukanda għad-delegazzjoni kollha: €4480.00
Leg 12 PQ #28962 Sitting 462 2016-12-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol

Għawdex – Kunsill tal-Istudenti fis-Sixth Form — elezzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Kunsill tal-Istudenti fis-Sixth Form ta' Għawdex ġiex kostitwit fil-bidu tas-sena skolastika li qegħdin fiha, kif kien qal li se jsir fir-risposta tiegħu għall-mistoqsija parlamentari 26240? Jista' jgħid min huma l-membri ta' dan il-kunsill u meta saret l-elezzjoni? Jekk l-elezzjoni għadha ma saritx, meta hu maħsub li ssir u dan peress li din hija l-uniku skola post sekondarja f'Malta u f'Għawdex li ma għandhiex Kunsill tal-Istudenti kif titlob il-Liġi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Kunsill tal-Istudenti ġie kostitwit kif imwiegħed. Infurmat li peress li ma kien hemm l-ebda statut u l-ebda Kunsill preċedenti, ġie adottat l-istess statut imħaddan minn Giovanni Curmi Higher Secondary School kif indikat lis-Sixth Form ta’ Għawdex mid-Direttorat Ġenerali għal Servizzi Edukattivi (DES), b’xi differenzi minimi. Ġiet applikata klawsola 7.5 (iv) ta’ dan l-istatut u għalhekk ma saritx elezzjoni. L-ismijiet tal-membri ta’ dan il-Kunsill tal-Istudenti qed jingħataw lill-Onor. Interpellant separatament.

Individwu — kwalifiki

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi kwalifiki kellu l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada (FTS) li l-Fondazzjoni m'għandha ebda rekord ta' kwalifiki tal-persuna li isimha ngħata separatament. Madankollu, fl-10 ta' Ottubru 2013 il-Bord tal-FTS ta' dak iż-żmien identifika lill-persuna indikata mill-Onor. Interpellant bħala persuna li setgħet timla waħda mill-karigi fl-organigramma ġdida li kienet qed tadotta l-FTS.

Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada – terms of reference ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienu t-Terms of Reference tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għall-impjieg tiegħu mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada (FTS)? Meta ngħata l-pożizzjoni bħala Procurement Officer mal-FTS?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna indikata minnu qatt ma ngħatat il-pożizzjoni bħala Procurement Officer. It-Terms of Reference għall-impjieg mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada (FTS) diġà tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra fit-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 29105 u huma annessi bħala Appendiċi 1 mal-kuntratt ta' impieg (datat 16 ta' Ottubru 2013) għall-post ta' Head of Summer Projects, Maintenance Division and Co-ordination Unit, u mhux bħala Procurement Officer.

Estensjoni ta’ Sixth Form ta’ Għawdex – perit — ħlas

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kif ġie magħżul il-perit li ċċertifika x-xogħol li sar fl-estensjoni tas-Sixth Form ta' Għawdex? Jista’ jgħid kemm tħallas dan il-perit? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja taċ-ċertifikat maħruġ minn dan il-perit, fejn iċċertifika li x-xogħol huwa tajjeb? Jista' jgħid il-perit li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ta' xiex tħallas aktar minn €27,000 fuq dan il-proġett?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada li jinħtieġ iktar żmien biex tinġabar l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. Għaldaqstant, it-tagħrif mitlub ikun jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tingħatali din l-informazzjoni. (Informazzjoni Addizzjonali: Ara dokumenti PL 8209 li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f'Seduta 466 nhar it-Tnejn 9 ta' Jannar 2017)

Għawdex – Sixth Form – wing ġdida — xogħlijiet

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 26697, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-various remedial works, li tagħhom il-kumpaniji li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, tħallsu €120,000? Jista' jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b'direct order jew wara ħruġ ta’ tender? Min awtorizza dawn il-pagamenti?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-invoices li jirrigwardjaw il-various remedial works li qiegħed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant. Dawn l-invoices jappartjenu għal żewġ kuntratturi li s'issa ngħataw €25,000 kull wieħed on account sakemm isiru l-verifiki meħtieġa. Dawn ix-xogħlijiet ingħataw b’direct orders.

Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm impjegati mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada f’April tal-2013 u kemm kien hemm impjegati mal-istess entità fl-aħħar ta’ Novembru 2016? Jista’ jagħti lista sħiħa bin-numru ta’ impjegati f’kull pożizzjoni li kien hemm f’April 2013 u fl-aħħar ta’ Novembru 2016?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba tingħata f'seduta oħra.

Allowance u perkaċċi ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallas l-individwu (persuna ta’ fiduċja tiegħu) li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament xahar b’xahar minn Marzu 2013 sa kemm tneħħa? Jista’ jgħid ukoll x’allowances jew perks oħra kien igawdi minnhom?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-individwu li d-dettalji dwaru ngħataw separatament kellu kuntratt ta’ position of trust għal perjodu qasir fl-2013. Huwa ngħata kuntratt bħala persuna ta’ fiduċja fis-27 ta’ Settembru 2013 u bagħat ir-riżenja tiegħu għaxart ijiem wara jiġifieri fis-7 ta’ Ottubru 2013. Wara li temm dan il-kuntratt, huwa ngħata contract of service bħala Head of Summer Projects, Maintenance Division, mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada. Dan il-kuntratt ma kienx wieħed ta’ person of trust u kien approvat mill-bord tal-FTS ta’ dak iż-żmien. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ dan il- contract of service. Tali kuntratt kien ingħata wara li ċ-Ċermen ta’ dak iż-żmien, il-Perit Samuel Formosa, għamel talba lill-Principal Permanent Secretary through il-Permanent Secretary MEDE ta’ dak iż-żmien, Dr James Calleja. Ta’ min jiċċara wkoll li huwa skorrett li jingħad li din il-persuna kienet head of procurement jew taħdem fl-uffiċċju tal- procurement.

Ċekkijiet — ammonti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ kull cheque li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ingħata mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada jew mill-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol biex jgħaddihom lil ħaddieħor? Lil min kien indirizzat kull cheque?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Infurmat mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada illi ċ-Cheque Receipt Register tal-Fondazzjoni qiegħed għand il-Pulizija fuq talba tagħhom. Għalhekk ma tistax tingħata l-informazzjoni mitluba.

Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada – Kap Eżekuttiv — kitba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għal min kien jirreferi l-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada meta kitiblu “and his chum, the billiards player, will be moving to Mtarfa today.”? Min hu l-billiard player li qed jirreferi għalih?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Isem l-individwu li qed issir referenza għalih qiegħed jingħata lill-Onor. Interpellant separatament.