Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #26937 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Waste Management Strategy

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma d-ditti jewconsortia li tefgħu t-tenders għal proġett ta' waste management strategy nazzjonali? Saret xi short list minn dawk li applikaw? F'liema stadju waslet l-aġġudikazzjoni ta' dawn it-tenders?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li kienu ntefgħu disa' (9) offerti meta għalqet is-sejħa u waħda (1) minn dawn l-offerti kienet iddikjarata mhux valida għaliex ma kelliex il-Bid Bond neċessarju. L-offerti għadhom qegħdin jiġu aġġudikati minn Board maħtur apposta u għadu ma sar l-ebda "short listing".
Leg 9 PQ #26981 Sitting 566 2001-07-02 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru għall-Ambjent

Jet-Skis

Question

Jista' l-Ministru jagħti x'miżuri jieħu id-Dipartiment rigward introduzzjoni ta' teknoloġija ġdida bħal per eżempju jet-skis u kif tista' taffettwa l-ambjent?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent, permezz tal-Cleaner Technology Centre iżomm ruħu aġġornat fuq teknoloġiji ġodda. Barra minn hekk, iċ-ċentru jagħti pariri lill-Industrija fuq teknoloġiji ndaf, jiġifieri dawk li huma ta' l-inqas dannu għall-ambjent.
Leg 9 PQ #26653 Sitting 564 2001-06-27 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Ambjent — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li diversi ħaddiema li jaħdmu taħt id-dipartimenti tiegħu u li huma involuti f'xogħol diversi fosthom it-toroq, ilhom ma jitħalsu ta' l-overtime għal diversi xhur, saħansitra wħud minnhom xhur? (PQ waslet 15/5/2001)

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li m'hemmx ħaddiema li ilhom xhur ma jitħallsu ta' l-overtime li jkunu ħadmu. Jekk l-Onorevoli Interpellant jispeċifika iżjed inkun nista' ninvestiga aħjar.
Leg 9 PQ #26645 Sitting 563 2001-06-26 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Donazzjonijiet

Question

B'riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 25332, jista' l-Ministru jagħti lill-Kamra d-dettalji mitluba peress li l-informazzjoni mitluba: (1) tikkonċerna nfiq pubbliku; (2) biex il-Kamra tkun assigurata li t-tqassim ta' dawn l-għoti ta' donazzjonijiet jekk sar, sar b'ġustizzja, b'fairness, bla abbuż u mingħajr favoritiżmu; u (3) biex il-Kamra tkun assigurta li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk iħossx li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li jemmen fi trasparenza u amministrazzjoni bla ħabi u bla abbuż? Jista' jagħti din l-informazzjoni importanti dwar infiq pubbliku b'mod trasparenti peress li l-poplu għandu dritt ikun jaf? (PQ waslet 14/5/2001)

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li kull sena d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent iqassam għajnuna finanzjarja lill-organizzazzjonijiet non-governattivi li jaħdmu fil-kamp ta' l-Ambjent. Dan jagħmlu billi joħroġ sejħa lil dawn l-organizzazzjonijiet biex japplikaw għal din l-għajnuna. Dawn l-applikazzjonijiet jiġu mgħarbula bir-reqqa, skond għadd ta' kriterji fosthom, l-attivita' ta' l-organizzazzjoni f'dawn l-aħħar żminijiet, proġetti sottomessi minn dawn l-organizzazzjonijiet fl-isfond ta' prioritajiet tad-dipartiment, u n-numru ta' membri li tħaddan fiha l-organizzazzjoni. Din is-sena tqassmu Lm2,500 lil tlett organizzazzjonijiet: Birdlife (Malta) Lm 500. ECO Lm1000. Nature Trust Lm1000.
Leg 9 PQ #26680 Sitting 563 2001-06-26 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Hastings

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex tneħħa parti mill-ħadid madwar l-ġnien ta' hastings dan l-aħħar?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #26727 Sitting 563 2001-06-26 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għall-Ambjent

Triq Qasam Sperimentali

Question

Jista' l-Ministru jagħmel riferenza għal mistoqsija parlamentari nru. 26078. Jista' jgħid meta se tiġi rranġata Triq Qasam Sperimentali, fl-area ta' Ħal Farruġ, Qormi li tkissret meta sar ix-xogħol fuq it-tiswija tad-drenaġġ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment tad-Drenaġġ qed jinvestiga xi ħsara hemm fit-triq imsemmija.
Leg 9 PQ #26736 Sitting 563 2001-06-26 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Vilhena Palace

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod ġie maħtur il-perit li ismu qed jintbagħat separatament sabiex jagħmel rapport fuq l-istat ta' Vilhena Palace ġewwa l-Imdina? Kemm se jiswa x-xogħol ta' konsulenza li se jagħmel dan il-perit?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li bħalissa m'hemm l-ebda perit li qiegħed jagħmel rapport jew jagħti xi konsulenza fuq il-Palazz Vilhena oltre dak kif weġibt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26737. Kien sar rapport xi ftit tax-xhur ilu mill-Perit indikat lili mill-Onorevoli Interpellant li għalih dan il-Perit tħallas is-somma ta' Lm275. Dan il-Perit kien tqabbad direttament mill-Kumitat għar-Riabilitazzjoni ta' l-Imdina.
Leg 9 PQ #26737 Sitting 563 2001-06-26 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

IRMA

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif intgħażlet id-ditta Taljana IRMA sabiex tagħmel xogħol investigattiv dwar l-istat perikoluż ta' l-istrutturi ta' fortifikazzjonijiet fl-Imdina? Kemm se jiġi jiswa x-xogħol li se twettaq din il-kumpanija? Meta se jinbeda dan ix-xogħol u meta hu maħsub li jitlesta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li x-xogħol li qed isir jew li għad irid isir fuq l-Imdina speċifikament madwar dik l-area tal-Palazz ta' Vilhena jidħol fl-ambitu tal-ftehim li t-Taqsima tax-Xogħlijiet fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent għandha ma' l-Universita' ta' Bologna bħala parti mill-Protocol Finanzjarju bejn Malta u l-Italja taħt it-Titolu ta' 'Forti u Fortifikazzjonijiet - Le Fabbrica delle Mura'. L-għażla tal-konsulenti biex jaħdmu fuq ix-xogħol intenzjonat ħdejn il-Palazz Vilhena tħalliet f'idejn l-Universita' ta' Bologna stess. Id-ditta IRMA ġiet identifikata bħala li hija kompetenti u attrezzata kemm bin-nies esperti fil-qasam kif ukoll b'makkinarju u strumenti addattati biex tkun tista tagħmel ix-xogħol meħtieġ. Dan ix-xogħol jikkomprendi indaġini tat-terren, indaġini ġeoloġika, indaġini strutturali kif ukoll monitoraġġ ta' dak kollu li qiegħed isir madwar l-area. Dan l-istudju għandu jagħtina l-informazzjoni kollha ta' x'qiegħed jiġri b'mod naturali madwar il-post biex tkun tista' tiġi stabbilita l-kawża eżatta tal-kroll tas-sur u tal-Palazz innifsu. Dan biex tkun tista' tiġi fformulata soluzzjoni għal dan il-kroll u jsiru x-xogħlijiet ta' intervent meħtieġ. Kif jista' japprezza l-Onorevoli Interpellant dan ix-xogħol ma jistax isir minn persuna jew kumpanija waħda u għal dan il-għan twaqqaf Kumitat Xjentifiku u Tekniku bejn it-Taqsima tax-Xogħlijiet, permezz tad-Direttur Ġenerali u Periti mir-Restoration Unit u mill-Istructural Unit, mill-Perit Dennis De Lucca għan-nom tal-Proġett tar-Riabilitazzjoni ta' l-Imdina, mill-Prof. Giampiero Cuppini għan-nom ta' l-Universita' ta' Bologna u minn rappreżentant tal-Kumpanija IRMA stess. Għal dan ix-xogħol il-kumpanija IRMA ser titħallas is-somma ta' 700,000,000 Liri Taljani (circa Lm143,500.) Barra x-xogħol elenkat hawn fuq, qed issir kampanja ta' kontroll ta' livelli madwar l-Imdina kollha biex jiġi stabbilit jekk hemmx xi ċaqlieq ieħor f'postijiet oħra. Dan qed isir minn ħaddiema tal-Gvern permezz ta' l-għajnuna wkoll ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Partijiet minn dawn ix-xogħlijiet u studji diġa' nbdew u partijiet oħra ser jinbdew matul il-jiem li ġejjin u mistenni li l-proċess kollu jkun konkluż f'perjodu ta' erbgħa u għoxrin xahar. Dan ser jagħtina riżultati, li jkunu jkopru perjodu ta' żmien twil biżżejjed li jkun jinkludi l-istaġuni kollha tas-sena. Madankollu mhux neċessarjament li wieħed irid jistenna l-erbgħa u għoxrin xahar jgħaddu kollha sabiex tiġi fformolata strateġija ta' l-interventi li jkun hemm bżonn isiru biex jiġi stabbilizzat is-sur. Nassumi li l-Onorevoli Interpellant huwa konxju tal-ħsara li saret s'issa fuq il-Palazz Vilhena għax seta' jikkonstata l-istess ħsara meta kien Ministru responsabbli għax-Xogħlijiet u dan li qed isir illum huwa kontinwazzjoni tax-xogħol u intervent li kien beda hu u għandi assigurazzjoni mit-Taqsima tax-Xogħlijiet li jkun ta' pjaċir għalihom li jispjegawlu l-proċess li rridu ngħaddu minnu.
Leg 9 PQ #26740 Sitting 563 2001-06-26 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jivverifika r-raġuni għala d-drenaġġ qiegħed jiskula fil-basement ta' Flat 1, Binja 7, Triq l-Imsaġar, Ħ'Attard?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li peress li d-Dipartiment tad-Drenaġġ qatt ma daħallu ilment ta' infiltrazzjoni fil-post imsemmi, qiegħed jiġi investigat mill-uffiċjal inkarigat ħalli tinstab ir-raġuni ta' dan. Id-Dipartiment tas-Sanita' għandu jingħata kopja ta' din il-mistoqsija ħalli min-naħa tagħhom jinvestigaw jekk l-infiltrazzjoni hiex ġejja min-naħa tal-privat, u jekk le, jintbagħat 'nuisance report' lid-Dipartiment tad-Drenaġġ kif ġeneralment isir.
Leg 9 PQ #26749 Sitting 563 2001-06-26 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru għall-Ambjent

Skart

Question

Jista' l-Ministru jieħu ħsieb li tiġi mnaddfa Sir Luigi Preziosi Street, Floriana u jsir xi ilqugħ peress illi din it-triq hija mimlija skart u dan qed jaqa' għand ir-residenti ta' l-istess triq?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25000 (Seduta 530).
Leg 9 PQ #26792 Sitting 563 2001-06-26 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għall-Ambjent

Allowance

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 26419 dwar kemm kien hemm uffiċjali pubbliċi minn skala 5 il fuq kif wkoll konsulenti mal-Gvern illi mill-ewwel ta' Jannar 2001 ġew mogħtija jew żieda f'xi allowance jew xi allowance ġdid kompletament u x'pozizzjoni qed jokkupaw dawn l-uffiċjali, jista' l-Ministru jwieġeb din il-mistoqsija b'riferenza għad-dipartimenti w entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista' jgħid min huma dawn l-uffiċjali? X'inhija r-raġuni għal din iż-żieda jew allowance li qed tingħata għal kull uffiċjali?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li kien hemm 11 uffiċjali pubbliċi minn Skala 5 'il fuq li ġew mogħtija allowance mill-1 ta' Jannar 2001. Dawn l-allowances ingħataw skond MPO Circular 121/2001.
Leg 9 PQ #26610 Sitting 561 2001-06-25 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru għall-Ambjent

Retainers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm u liema huma l-avukati jew ditti ta' avukati li għandhom retaining mal-Ministeru tiegħek u/jew ma' xi korporazzjonijiet u ażjendi parastatali li jaqgħaw taħt id-dikasteru tiegħek? X'inhuma ir-retainers u/jew it-terms tal-kuntratt f'kull każ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Ministeru għall-Ambjent m'għandu l-ebda avukat jew ditti ta' avukati li huma retainers magħha.
Leg 9 PQ #26530 Sitting 559 2001-06-22 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għall-Ambjent

Gabbana/Stage

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ser jiġi jiswa l-proġett ta' Gabbana/stage li qed tinbena mill-ġdid fil-promenade f'Fond Għadir tas-Sliema quddiem Ta' Kolina Restaurant? Jista' jgħid min ha d-deċiżjoni li l-gabbana li kien hemm titwaqqa u terġa tinbena mill-ġdid? Jista' jgħid min ser iħallas għal dan il-proġett? Jista' jgħid kemm ser jiswa? Jista' jgħid meta jitlesta x-xogħol huwiex ser terġa toħroġ tender mill-ġdid? Jista' jgħid kemm qiegħed iħallas is-sit attwali bħala kera u jekk eventwalment ser tibqa għandu kemm ser jibda jħallas? JIsta' jgħid ukoll jekk l-istruttura li qed tinbena hiex wkoll ser isservi bħalha bus shelter kif kienet l-istruttura preċedenti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li: 1. L-ispiża fuq il-gabbana/stage hu kif jidher hawn taħt: a. Cast Iron Kiosk (skond il-prezz tat-tender kif ingħatat is-sena l-oħra - Lm39,784. b. Xogħol ta' taħmil (dan ix-xogħol tlesta pero' għadu ma tkejjilx) - Lm1,620. ċ. Ix-xogħol l-ieħor, dak li jikkonċerna l-bini ta' basement taħt l-art, qiegħed isir minn ħaddiema tal-Gvern, liema xogħol bħalissa jinsab fil-fażijiet inizjali tiegħu. 2. Bħala parti mid-disinn tal-promenade kien deċiż li l-gabbana li kien hemm ma kelliex disinn li jaqbel mal-kumplament tal-proġett. 3. L-ispejjeż ta' dan ix-xogħol qegħdin jitħallsu bħala parti mill-upgrading tal-promenade ta' Triq it-Torri Sliema. L-ispiża hi dik li tidher f'paragrafu 1 hawn fuq flimkien max-xogħol li ser iwettqu l-ħaddiema tal-gvern (i.e. pagi, kiri ta' inġenji bħal crane u materjal għax-xogħol. 4. It-Taqsima Propjeta tal-Gvern hi nfurmata b'dawn ix-xogħlijiet u dawn l-arranġamenti ser tieħu ħsiebhom l-istess Taqsima. 5. L-istess bħal paragrafu 4. 6. Iva. L-parti ta' quddiem tal-kiosk il-ġdid ġiet iddisinjata b'tali mod li toffri kenn għal dawk li jkunu qegħdin jistennew il-karozza tal-linja. Fil-fatt anke bankijiet ġodda ser jitwaħħlu għall-użu ta' dawn in-nies.
Leg 9 PQ #26545 Sitting 559 2001-06-22 Oral · Final From: JOSÈ HERRERA To: Ministeru għall-Ambjent

Animali

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex ma ttieħdu l-ebda passi kontra min qed irabbi sriedaq, tiġieġ, żwiemel u ħmara fi Triq il-Lanċa, Marsamxett meta t-trobbija ta' dawn l-annimali hi ta' inkonvenjent għall-ġirien, minbarra li qed jinħolqu problemi sanitarji?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #26507 Sitting 556 2001-06-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Magħtab

Question

Jista' l-Ministru jgħid peress li dal-għodu ntrmea' ħafna kompost fil-Magħtab u għamel intiena kbira fl-inħawi u insapportabbli għar-residenti qrib, x'passi se jittieħdu biex din l-intiena tiġi mrażżna u mtaffija?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-ebda kompost (raw) ma ntrema fil-Miżbla tal-Magħtab matul il-ġurnata tat-Tlieta 12 ta' Ġunju 2001.
Leg 9 PQ #26508 Sitting 556 2001-06-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Magħtab

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex kompost mill-impjant ta' Sant Antnin qed jintefa fil-Magħtab? Kemm qed jintefa minn dan il-kompost kuljum fil-Magħtab?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li kompost mhux maħdum jintefa' fil-Miżbla tal-Magħtab minħabba nuqqas ta' spazju fl-Impjant ta' Sant'Antnin. Madankollu, l-ebda kompost (raw) ma ntefa' matul din is-sena.
Leg 9 PQ #26509 Sitting 556 2001-06-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Sant Antnin

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir mill-kompost ta' l-impjant ta' Sant Antnin? Mill-bidu tas-sena 2001 fejn mar il-kompost maħdum fl-impjant ta' Sant Antnin? Kemm kienet il-kwantita' tal-kompost xahar b'xahar matul din is-sena u kif intuża?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-kompost maħdum f'Sant'Antnin qed jiġi mibjugħ lill-bdiewa. L-ammont ta' kompost li nbiegħ matul din is-sena huwa: Xahar Kwantita' Jannar 29.93 tons frar 7.945 tons Marzu 7.975 tons April 65.33 tons Mejju 203.92 tons Ġunju (sas-16/06/01) 376.34 tons
Leg 9 PQ #26471 Sitting 555 2001-06-19 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Restawr

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li ħaddiema b'ħila fir-restawr jintbagħtu jagħmlu xogħol fuq il-Ġnien tal-Kmandant fi proġett bi sħab mal-Kunsill Lokali taż-Żejtun? Meta se jintbagħtu dawn il-ħaddiema?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li fi Frar ta' din is-sena t-Taqsima tax-Xogħlijiet irċeviet proposta mingħand il-Kunsill Lokali, Żejtun biex isir proġett bi sħab għar-restawr tal-Ġnien tal-Kmandant fiż-Żejtun. Xahar wara, t-Taqsima tax-Xogħlijiet irrispondiet lill-Kunsill Lokali, Żejtun illi ma kellha l-ebda oġġezzjoni li dan il-proġett isir bi sħab kif ukoll offriet illi dak ix-xogħol li jista' jsir mill-ħaddiema tal-Gvern ikun jista' jsir a spejjeż ta' l-istess Taqsima. Peress illi l-Kunsill Lokali taż-Żejtun kien ta indikazzjoni li kellu l-perit tiegħu u li xtaq li x-xogħol isir taħt is-sorveljanza ta' dan il-perit, it-Taqsima talbet lill-Kunsill sabiex uffiċċjali tagħha jiltaqgħu mal-perit inkarigat sabiex jiġi mfassal il-programm tax-xogħlijiet. It-Taqsima għadha qiegħda tistenna risposta għal din it-talba.
Leg 9 PQ #26499 Sitting 555 2001-06-19 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Ambjent

Unit għall-Ambjent Nadif

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ux possibbli li l-Unit għall-Ambjent Nadif ġentilment tagħti daqqa t'għajn fi Triq il-Miklem Malta f'Wied il-Għajn u possibbilment tnaaddaf ftit din it-triq li għadha mhux asfaltata u li fiha nġabar ħafna ħmieġ?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet innotata.
Leg 9 PQ #25813 Sitting 554 2001-06-18 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru għall-Ambjent

Reklami

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari rnu. 25316, jista' l-Ministru jgħati lill-kamra d-dettalji mitluba peress li l-informazzjoni mitluba: 1) tikkonċerna nfieq pubbliku? 2) biex il-kamra tkun assigurata li t-tqassim ta' dawn ir-reklami u l-infieq imsemmi qiegħed jikkonferma bil-fatti li l-proċeduri f'dan ir-rigward saru u qed isiru b'trasparenza, mingħajr ħabi bla bżonn u bla abbuz u mingħajr favoritiżmu? u 3) biex il-kamra tkun assigurata li l-proċeduri wżati u li qed jintużaw huma korretti u fl-ambitu tar-regolamenti? Peress li bl-informazzjoni mitluba jkun qiegħed jikkonferma bil-fatti li l-proċeduri f'dan ir-rigward saru u qed isiru b'trasparenza, mingħajr ħabi bla bżonn u bla abbuż, fin-nuqqas ta' l-informazzjoni mitluba ma jkunx jqiegħed jonqos milli jgħati informazzjoni importanti dwar infieq pubbliku b'mod trasparenti li l-poplu għandu dritt ikun jaf?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Infakkar lill-Onorevoli Membri li biex tinġabar l-informazzjoni dettaljata dwar kull reklam li sar f'dawn l-aħħar tlett snin minn kull dipartiment u kull entita' oħra li jaqgħu taħt kull Ministru - kif qiegħed jitlob li jsir - ikun jeħtieġ l-użu ta' riżorsi umani li wkoll jinvolvi nfieq pubbliku. Jien miniex sodisfatt li l-utilita' ta' l-informazzjoni dettaljata mitluba fil-mistoqsija numru 25316 tiġġustifika li jien nordna li din għandha tinġabar. Jekk, iżda, l-Onorevoli Interpellant għandu xi provi ta' każi partikulari fejn il-proċeduri ma sarux "b'trasparenza, mingħajr ħabi, bla bżonn u bla abbuż u mingħajr favoritiżmu" jgħidhomli u jien nara li jittieħdu l-passi meħtieġa.