Jista’ l-Ministru jgħid min kienu l-benefiċjarji taħt l-iskema Overseas Development Aid matul l-aħħar sentejn u kemm kienu l-ammonti? Jista’ jgħid x’inhuma l-kriterji li qed jintużaw biex issir l-għażla sabiex għaqdiet mhux governattivi jibbenefikaw minn din l-iskema?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi matul l-aħħar sentejn, il-benefiċjarji taħt l-iskema tal-Politika ta' Malta tal-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp, u l-ammonti li bbenefikaw minnhom skond din l-iskema, jinsabu elenkati f'ANNESS Nru. 1 u Nru. 2 ma' din ir-risposta li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Il-Kriterji li qed jintużaw biex issir l-għażla sabiex għaqdiet mhux governattivi jibbenefikaw minn din l-iskema huma:
Kunsiderazzjoni xierqa tingħata lil proġetti maħsuba biex jitwettqu f'reġjun ta' prijorita' skond il-politika tal-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp ta' Malta (2014-2020).
L-Organizzazzjoni tkun irreġistrata mal-Uffiċċju tal-Kummissarju għall-Organizzazzjonijiet Volontarji.
Sħubija ma' organizzazzjoni/iet oħra.
Il-Konformita' mal-Politika tal-Assistenza Uffiċjali għall-Iżvilupp ta' Malta u/jew ir-reżiljenza tal-proġett.
Il-kapaċitajiet tekniċi u finanzjarji tal-organizzazzjonijiet.
Is-sostenibbilta' tal-proġett.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — konsulenza lil individwu
Question
Jista l-Ministru jgħid l-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jifformaw parti mid-dekasteru li hu jmexxi tawx xi forma ta' konsulenza lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru għall-Affairjiet Barranin, dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu ma taw l-ebda konsulenza lill-persuna li l-mistoqsija qed tirreferi għaliha.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16243 u jgħid kemm sewa flus l-MIC sa minn meta infetaħ sakemm ingħalaq? Jista' jgħid il-Kap tiegħu min kien u kemm kellu introjtu? X'perkaċċi u allowances kellu? Jista' jgħid jekk issejħitx sejħa pubblika sabiex jinstab il-Kap tal-MIC? Jista' jgħid jekk kienx hemm impjegati tal-MIC li kienu seconded hemm? Minn fejn kienu seconded?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-MIC sewa Lm2,127,057 (ċ. €4.95 miljuni) bejn l-2000 u l-2004. Fl-1999 meta twaqqaf iċ-Ċentru ma kienx hemm line item speċifiku u l-ispejjeż għal dik is-sena tħallsu mill-fondi tal-Head Office.
Bejn l-2005 u l-2008 kien jopera l-Forum Malta fl-Ewropa. Sal-2007 il-Forum sewa Lm937,951 (ċ. €2.2 miljuni) u €669,081 fl-2008.
Għalhekk, b’kollox, il-MIC u l-Forum Malta fl-Ewropa swew madwar €7.8 miljuni bejn l-2000 u l-2008 sakemm baqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.
Fl-2008 kien rikostitwit il-Malta – EU Steering and Action Committee (MEUSAC) taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u assorba fih il-funzjonijiet tal-Forum Malta fl-Ewropa. Bejn l-2009 u l-2012 intefqu €3.99 miljuni fuq il-MEUSAC, waqt li n-nefqa għall-2013 kienet tammonta għal €887,019.
Bejn l-1999 u l-1 ta’ Mejju 2003, il-Kap tal-MIC kien Dr Simon Busuttil, li nħatar bħala Adviser mingħajr ma saret ebda sejħa pubblika.
Is-Sur Carmel Attard beda jservi bħala Acting Head wara r-riżenja ta’ Dr Busuttil u nħatar Kap tal-MIC fl-2006 wara rakkommandazzjoni tal-Prim Ministru lill-Public Service Commission.
Dr Gabriella Pace, li kienet impjegata mal-Forum Malta fl-Ewropa bħala Chief Executive Officer, ħadet ir-responsabbilta’ tal-Forum bejn Settembru 2006 u Ġunju 2008, meta nħatar Dr Vanni Xuereb bħala Kap tal-MEUSAC.
L-informazzjoni dwar l-intrjojtu u l-benefiċċji tinsab fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ma nistax nagħti l-informazzjoni fir-rigward ta’ Dr Xuereb minħabba li, kif spjegajt qabel, il-MEUSAC kien jaqa’ taħt l-Uffiċċju tal-Prim Ministru meta kien rikostitwit.
Ninsab infurmat ukoll li ma kienx hemm impjegati seconded mal-MIC.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-persuni impjegati ma' xi dipartiment jew kwalunkwe entità oħra li taqa' taħtu minn Marzu 2013? Jista' jgħid kemm minn dawn kienu persuni uffiċjalment rikonoxxuti bħala persuni b'diżabilità?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f'Marzu 2013 fil-Ministeru u d-dekasteru tiegħu kien hemm 446 ħaddiema mpjegati li tnejn minnhom huma rreġistrati uffiċjalment bħala persuni b'diżabilita'. F'Mejju 2015 il-ħaddiema mpjegati fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u d-dekasteru li jaqa' taħtu ammontaw għal 431 li tnejn minnhom huma rreġistrati uffiċjalment bħala persuni b'diżabilita'.
Fi ħdan l-International Institute for the Ageing (INIA) f'Marzu 2013 kellhom 7 impjegati u f'Mejju 2015 kellhom 8 impjegati. Ħadd minn dawn il-ħaddiema m'huma rreġistrati bħala persuni b'diżabilita'.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il laqgha ta' djalogu saret mal-pubbliku bejn id-9 ta' Marzu 2013 u l-aħħar ta' Mejju 2015? Jista' l-Ministru jgħid fejn saru dawn il-laqgħat?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi fil-perijodu msemmi saru tliet laqgħat ta' djalogu mal-pubbliku,
3 ta' Ġunju 2013 - Berġa ta' Kastilja, Valletta
21 ta' Frar 2014 - Dar il-Mediterran għall-Konferenzi , Valletta
2 ta' Diċembru 2014 - Pjazza San Ġorg, Valletta.
Jista' l-Ministru jgħid jekk twaqqafx il-Commercial and Economic Diplomacy Unit u minn fejn qed jopera?
Response (VELLA, GEORGE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-mistoqsija parlamentari 7540 u nżid li minn dakinhar ma żdidux uffiċċjali oħra f'dan il-Unit.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il proġett ġabu Malta l-Konsli Onorarji mid-9 ta' Marzu 2013 sa l-aħħar ta' Mejju 2015 hekk kif mitlub minnu fil-laqgħa tal-Konsli Onorarji li saret fis-sajf 2013? Jista' jagħti elenku ta' dawn il-proġetti u jgħid kemm ħolqu impjiegi f'Malta u Għawdex?
Response (VELLA, GEORGE)
Nirreferi l-Onor. Interpellant għar-risposta mogħtija għal-mistosqsija parlamentari 7541, u ntenni li l-offerta magħmula f'dik ir-risposta għadha miftuħa.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk il-ftehim bilaterali li ffirma l-Gvern Malti bejn id-9 ta' Marzu 2013 u l-aħħar ta' Mejju 2015 u li ma jinsabux fuq is-sit tal-Ministeru mmexxi minnu? Jista' jgħid meta dawn ser jitpoġġew online?
Response (VELLA, GEORGE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-lista ta' ftehim bilaterali, għall-perjodu minn Marzu 2013 sal-lum, li ma jinstabux fuq is-sit tal-Ministeru għall-Affarijiet Barranin.
Huwa mistenni li wħud minn dawn illi għad iridu jidħlu fis-seħħ jibdew ukoll jidhru fuq is-sit elettroniku.
Dawk li huma ta' natura sensittiva, jidhru d-dettalji tal-isem u d-data tal-iffirmar.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk inħariġx iċ-ċertifikat ta’ security cleareance lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid meta inħareġ dan iċ-ċertifikat ta’ security cleareance li jingħata lid-diplomatiċi u li permezz tiegħu jkunu jistgħu jaċċessaw dokumenti kunfidenzjali magħrufa bħala EU Classified Documents? Jista’ jpoġġi kopja ta’ dan iċ-ċertifikat ta’ security cleareance tal-individwu fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (VELLA, GEORGE)
L-Onor. Interpellant huwa ġentilment mitlub ipoġġi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni jekk il-Gvern għadux miexi bil-pjanijiet li jiftaħ Ambaxxata fil-Qatar wara li l-Gvern tal-Qatar fetaħ ambaxxata f'Malta?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri tal-Korp Diplomatiku li rriżenjaw mill-kariga tagħhom, jew inkella applikaw għal unpaid leave mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin minn Marzu 2013 sal-lum?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Marzu 2013 sal-lum kien hemm 12-il membru tal-Korp Diplomatiku li rreżenja mill-kariga u 14-il membru tal-Korp li applika għal unpaid leave.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 15764, jista' l-Ministru jgħid jekk is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tiegħu ratx u ċċekkjatx jekk l-individwu kienx eleġibbli għall-passaport diplomatiku skont il-policy stabbilità? Jekk iva, lil min informat u tat struzzjonijiet biex inħareġ il-Passaport Diplomatiku?
Response (VELLA, GEORGE)
Fil-każ ta' ħruġ ta' passaport diplomatiku, is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin skont il-policy stabbilita, hija mistennija biss li tassigura li l-individwu li għalih ikun se jinħareġ il-Passaport Diplomatiku ikun inkluż fil-lista ta' dawk li jaqgħu taħt l-"Eligibility Criteria" skont din il-policy.
Is-Segretarju Permanenti kif titlob il-prassi, iffirmat il-Formola A, u awtorizzat, allura, il-ħruġ tal-passaport.
Jista' l-Ministru jgħid kemm sewa flus l-MIC sa minn meta infetaħ sakemm ingħalaq? Jista' jgħid il-Kap tiegħu min kien u kemm kellu introjtu? X'perkaċċi u allowances kellu? Jista' jgħid jekk issejħitx sejħa pubblika sabiex jinstab il-Kap tal-MIC? Jista' jgħid jekk kienx hemm impjegati tal-MIC li kienu seconded hemm? Minn fejn kienu seconded?
Ministeru għall-Affarijiet Barranin — ingaġġ ta' impjegati mill-Air Malta
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-1 ta' Jannar 2015 sal-lum ġewx impjegati persuni fis-segretarjat, f'xi dipartiment jew fi kwalunkwe entità pubblika li taqa' taħt ir-responsabilità tiegħu/tagħha li kienu bbenefikaw minn xi skema għall-irtirar kmieni mix-xogħol imnedija mill-Air Malta? Jekk iva, jista' jgħid kemm kien l-ammont ta' dawn il-persuni u fejn qed jaħdmu?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mill-1 ta' Jannar sal-lum dan il-Ministeru ma ngaġġax impjegati li kienu bbenefikaw minn xi skema għall-irtirar kmieni mix-xogħol imnedija mill-Air Malta.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin – servizz ta’ interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jew id-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu jużawx is-servizzi tal-interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ f’attivitajiet li jsiru? Jista’ jgħid kemm-il darba ntużaw dawn is-servizzi tal-interpreti f’attivitajiet organizzati mill-Ministeru jew mid-dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħtu fis-snin 2013 u 2014 rispettivament? Jista’ jgħid x’kienu dawn l-attivitajiet?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li matul l-2013 u l-2014 dan il-Ministeru ma kellux attivitajiet fejn kien hemm il-ħtieġa għal servizzi ta' interpreti għall-persuni neqsin mis-smigħ, kif jidher li kien ukoll il-każ tal-anqas sa mis-sena 2008.
Meta titfaċċa l-ħtieġa li jiġi pprovdut servizz bħal dan, allura jsiru l-arranġamenti meħtieġa.
Jista’ l -Ministru jgħid meta se tinfetaħ l-Ambaxxata Maltija ġewwa l-Qatar ?
Response (VELLA, GEORGE)
Il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fil-politika tiegħu dwar ambaxxati Maltin barra pajjiżna, iħaddem politika li tikkunsidra ħafna fatturi, biex tasal għad-deċiżjoni li tiftaħ, jew tagħlaq Ambaxxata Maltija.
Fost dawn il-fatturi hemm kunsiderazzjonijiet finanzjarji, ta' riżorsi umani, l-ambjent politiku fil-pajjiż konċernat, kif ukoll ir-relazzjonijiet li tali pajjiż ikollu ma' pajjiżna.
Dan iwassal biex tiġi stabbilita lista ta' prioritajiet.
Irrid ninforma li dan is-suġġett tqajjem waqt diskussjonijiet li kelli mal-Ministru għall-Affarijiet Barranin tal-Qatar meta żort il-Qatar is-sena l-oħra.
Għalissa, m'hemm ebda data stabbilita meta tista' tinfetaħ Ambaxxata Maltija fil-Qatar.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-indirizz uffiċjali kif ukoll in-numru/numru tat-telefown tal-Konslu Malti f'Shangai, iċ-Ċina?
Response (VELLA, GEORGE)
Il-Konsolat ta' Malta f'Shanghai għadu ma nfetaħx uffiċjalment.
Ir-reġistrazzjoni u transfer tat-titlu tal-proprjetà (jiġifieri ċ-ċertifikat ta' ownership) sar fit-2 ta' April 2015. S'issa min kellu bżonn viżi irid jgħaddi mill-Ambaxxata Maltija f'Beijing.
L-indirizz huwa : 11th Floor, Unit 7
Magnolia Plaza
777 Hongqiao Road
Xuhui District
Shangai Municipality
Jista’ l-Ministru jgħid jekk is-Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Affarijiet Barranin kienx ikkonsultat biex jinħareġ passaport diplomatiku lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid jekk is-Segretarju Permanenti kienx tal-parir li jinħareġ il-passaport diplomatiku lill-individwu? Jista’ jgħid jekk kienx hemm security clearance min-naħa tas-Secret Services ta’ Malta (MSS) qabel is-Segretarju Permanenti ta l-approvazzjoni tiegħu biex inħareġ il-passaport diplomatiku?
Response (VELLA, GEORGE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li bħal ma kien jiġri fil-passat, il-prassi hi li s-Segretarju Permanenti jara min hu eliġibbli għall-passaport diplomatiku skont il-policy stabbilita. Mhix il-prassi li s-Segretarju Permanenti jagħti parir dwar jekk għandux jinħareġ passaport diplomatiku jew le. Is-Segretarju Permanenti mhux tenut li jara jekk hemmx security clearance jew le għaliex mhix kompetenza tiegħu skont il-policy.
Ministeru għall-Affarijiet Barranin – xogħol mogħti lil kumpanija
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħlijiet ingħataw lill-kumpanija, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, mill-Ministeru u mid-dipartimenti, aġenziji, awtoritajiet, fondazzjonijiet, entitajiet u korporazzjonijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu bejn Jannar 2011 u Marzu 2013, sena b’sena? Jista’ jgħid fiex kien jikkonsisti x-xogħol u kemm kien il-ħlas li sar f’kull każ? Jista’ jgħid jekk kull biċċa xogħol ingħatatx wara sejħa għall-offerti jew jekk hux b’direct order?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru għall-Affarijiet Barranin ma ta l-ebda xogħol lill-kumpanija li l-mistoqsija tirreferi għaliha.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il talba kellhom l-ambaxxati u l-konsolati Maltin madwar id-dinja għall-iskema tal-bejgħ taċ-ċittadinanza Maltija sal-ġurnata li titwieġeb il-mistoqsija? Jista’ jgħid liema kienu l-iktar ħames ambaxxati u konsolati Maltin li rċevew talbiet mill-pubbliku dwar din il-materja?
Response (VELLA, GEORGE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dik li hija qegħda ssejħilha "bejgħ ta' ċittadinanza" hija Programm ta' Investiment Individwali, programm approvat mill-Unjoni Ewropea.
Dwar in-numru ta' talbiet, nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li kont tajtha għall-mistoqsija parlamentari 7187. Minn dakinhar, l-ambaxxati u l-konsolati Maltin kellhom mitejn tmienja u sebgħin (278) talba oħra.
Għaldaqstant, l-aktar ħames ambaxxati u konsolati li rċevew talbiet huma Moska, Riyadh, Dubai, Pariġi u Istanbul.