Legislature:
Category:
Reset
Active:

Bormla — Job Centre

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju wasal il-ftuħ ta' l-hekk imsejjaħ Job Centre f'Bormla, proġett ta' Gvern Nazzjonalista, u ċioe' jekk kemm-il darba hux se jinfetaħ kif stabilit jew inqalgħax x'intopp imprevist?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Wara li saret sejħa pubblika għall-tenders sabiex jiġi re-furbished il-post, il-kuntrattur li ġie assenjat lilu l-proġett beda x-xogħol minnufih. Sakemm ma jinqalgħux xi ntoppi imprevvisti ir-Regional Job Centre ta' Bormla għandu jibda jiffunzjona fil-bidu ta' April ta' din is-sena. 8.2.99

Djar — Titjib fl-akkomodazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet s'issa għall-iskema li ħareġ il-gvern li biha jsir titjib fl-akkomodazzjoni minn kuntrattur li jagħżel l-inkwilin waqt li jħallas il-gvern? Minn fejn kienu l-applikazzjonijiet? Kemm minnhom ġew aċċettati? X'valur ta' xogħol sar u min kienu l-kuntratturi magħżula?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, l-Awtorita' tad-Djar kienet ilha tirċievi lmenti minn individwi li jkunu applikaw taħt xi waħda mill-iskemi biex jagħmlu xogħolijiet strutturali jew titjib fid-djar residenzjali, fis-sens illi l-kuntratturi kienu qiegħdin jitolbu depożitu jew saħansitra ħlas minn qabel għax-xogħol li jkun ġie awtorizzat taħt xi waħda mill-iskemi eżistenti. Peress li l-Awtorita' tad-Djar tħallas is-sussidju meta tkun ċerta li sar ix-xogħol kif awtoriżżat, kien qiegħed jiġri li dawk il-familji li ma setgħux ilaħħqu mal-pis finanzjarju, kienu qed jiġu żvantaġġati. Kien għalhekk li l-Awtorita' ħarġet sejħa pubblika (mhux skema) indirazzata lil kuntratturi li kienu lesti jaħdmu x-xogħol mingħajr ma jitolbu depożitu minn qabel, u dan in vista ta' garanzija mogħtija mill-Awtorita stess li l-ħlas isir meta x-xogħol jiġi ċertifikat li jkun tlesta. L-Awtorita' ma tidħolx fl-għazla tal-kuntrattur. Li jiġri hu li meta tiġi mitluba minn xi applikant taħt xi waħda mill-iskema tagħha, l-Awtorita tad-Djar tibgħat lill-applikant il-lista sħiħa tal-kuntratturi u jkun l-istess applikant li javviċina lil dawn il-kuntratturi. Meta jintgħażel il-kuntrattur (u f'dawk il-każijiet fejn ikun hemm diffikultajiet finanzjarji) l-Awtorita tiggarantixxi lill-kuntrattur il-ħlas tax-xogħolijiet li jsiru u li jkunu approvati minnha. Għalhekk, peress li ma teżistix "skema" speċifika, imma jeżisti servizz mifrux fuq l-iskemi kollha applikabbli, il-mistoqsija kif magħmula mill-Onor. Interpellant m'hijiex korretta. 08.02.99

Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala pensjonanti ġewwa Ħal Qormi, Ħal Luqa u Santa Venera li jirċievu xi forma ta'pensjoni? Jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom jirċievu pensjoni u kemm hemm f'kull kategorija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi Seduta oħra. 8.2.99

ETC — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni bdew jirreġistraw għax-xogħol ma' l-ETC xahar b'xahar bejn Settembru 1998 u Jannar 1999?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni li marru jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ matul ix-xhur ta' Settembru, Ottubru, Novembru u Diċembru 1998 kien ta' 1,234, 1,353, 1,212, 1,071 rispettivament. 8.2.99

ETC — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni jirreġistraw għax-xogħol (part 2) fl-aħħar ta' Jannar 1999? Għal-liema tip ta' xogħol qegħdin jirreġistaw għax-xogħol dawn il-persuni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi Seduta oħra. 8.2.99

Djar — Każ Nru. H 01380

Question

Jista' l-Ministru jara li l-każ ta' Housing H 01380, f'Ħaż-Żebbuġ jingħata l-attenzjoni peress li dan hu każ li ilu pendenti ħafna u l-applikant qiegħed jgħix fi stat mill-aktar miżeru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi kkunsidrata kif inhu xieraq. Irrid ngħid pero illi kull applikazzjoni li tinsisti fuq lokalita' waħda biss bħala preferenza iddgħajjef ħafna l-argument tal-"bżonn urġenti". 8.2.99

Djar — Attard - stallazjoni ta' lift

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'possibiltajiet hemm li f'Bienja 7, Ent.B, Triq l-Imsaġar, Ħ'Attard, jiġi stallat lift li huwa ta' bżonn għal xi numru ta' residenti? X'inhi l-policy tad-dipartiment dwar dawn il-lifts (fejn huwa prattikabbli) fi flats tal-gvern? Kemm ġew allokati flus fl-estimi tad-djar għal dan l-iskop?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Skond il-kundizzjonijiet tal-ħarġa relattiva dwar Binja 7 li deher fil-Gazzetta tal-Gvern tat-23 ta' Awissu 1991, hemm din il-kundizzjoni: TAL-FUKLAR ATTARD Dawn l-appartamenti qed jinbiegħu fi stat ta' semi-shell. Huma kompluti fuq barra, inklużi twieqi, bibien prinċipali, kontra bjut u partijiet komuni. Fuq ġewwa, is-servizzi tad-dawl, ilma u drenaġġ huma pprovduti lesti. Kull entratura hija pprovduta b'bokka tal-lift imma l-lifts jiġu mixtrija mill-benefiċjarji. 8.2.99

Djar

Question

B'riferenza għall-mistoqsija oħra preċedenti li kienet akkompanjata minn ittra miktuba u ffirmata mill-istess individwu indikat u fformat f'ittra li qed tintbagħat separatament. Jista' l-Ministru jiċċara l-pożizzjoni peress illi jidher ċar li xi ħadd, u żgur mhux il-bnieden hawn ffirmat peress illi hu personalment kien jaħdem fl-istess dipartiment u allura jaf il-proċedura sew, qiegħed jirrapporta b'mod skorrett l-informazzjoni f'din il-kwestjoni? Jista' l-Ministru jinvestiga dan il-każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Irrid nagħmilha ċara li billi xi ħadd jindika post vojt lid-Dipartiment tad-Djar, dan ma jfissirx li jkun rebaħ lotterija. Il-post jiġi allokat skond il-bżonn u mhux skond min ikun l-ewwel wieħed li jiskopri post vojt. Barra minn dan, lanqas ma hu aċċettabbli li żewġ inkwilini jinnegozjaw ma xulxin dwar bdil ta' postijiet lill-Gvern. 8.2.99

Benefiċċji soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk l-eluf ta' familji li bħalissa qegħdin igawdu mill-iskema ta' sussidju fuq ħlas ta' kontijiet ta' dawl u l-ilma humiex se jkomplu jgawdu minn din l-iskema? Kemm hu n-numru ta' familji li llum igawdu minn din l-iskema?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Id-dritt għas-sussidju fuq ħlas ta' kontijiet tad-dawl u l-ilma huwa regolat minn Avviżi Legali li jinħarġu mill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi u għalhekk, l-Onor. Interpellant huwa ġentilment mitlub li jagħmel il-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi. 08.02.99

Housing Cont. and Maintenance Dept. — Birgu

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba sabiex isir xogħol mill-Housing Const. and Maintenance Department fi Flat 8, Blk 7, Triq De Opertis, Birgu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għaddejt din it-talba lid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar; Jien infurmat li m'hemm ebda talba pendenti għal xogħolijiet fil-flat propja ħlief għat-tikħil tal-faċċati u tibjid tat-tromba. Jien infurmat li dawn ġew inklużi fil-programm ta' xogħolijiet tad-Dipartiment. 8.2.99

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn persuni taħt il-61 sena li qegħdin jieħdu pensjoni mill-Gvern? X'tip ta'pensjoni għandhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lil Onor. Interpellant li l-istatistika li tinżamm mid-Dipartiment hija n-numru ta' persuni li qed jirċievu xi pensjoni taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. Qed nipproduċi tabella li turi n-numru ta' persuni taħt il-61 sena li qed jirċievu xi pensjoni taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali. PERSUNI TAĦT IL-61 SENA LI QED JIRĊIEVU PENSJONI KONTRIBUTORJA TIP TA' PENSJONI Numru ta' Persuni Pensjoni dwar Invalidita' 4432 Pensjoni tar-Romol 1773 Pensjoni għal Korriment 391 Allowance għal Iltim 12 TOTAL 6608 PERSUNI TAĦT IL-61 SENA LI QED JIRĊIEVU PENSJONI MHUX KONTRIBUTORJA TIP TA' PENSJONI Numru ta' Persuni Pensjoni tal-Wens 316 Pensjoni tad-Dizabilita' 1898 TOTAL 2214 Ninforma lil Onor. Interpellant li l-eta' tal-pensjoni kontributorja għal nisa u għall-pensjoni mhux kontributorja ta' l-Eta' (kemm għal raġel sew għal mara), hija 60 sena. Fl-istatistika mogħtija hawn fuq, dawk li jirċievu dawn it-tip ta' benefiċċji u għadhom ma għalqux il-61 sena mhumiex inkluża. 3.2.99

Djar — Ta' Xbiex - Stallazzjoni ta' lifts

Question

Billi diversi persuni residenti ġewwa l-flats tal-Housing Estate ta' Ta' Xbiex qed isibu diffikulta' biex jitilgħu t-taraġ jew għax huma anzjani jew għax huma morda, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet biex fil-futur isiru lifts biex jgħinu lil dawn il-persuni li qed jinqabdu priġunieri ġewwa darhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Membru għat-Tweġiba li tajt għal Mistoqsija Nru. 2988. 3.2.99

Servizz Pubbliku — Sickleave

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu fl-erba' xhur li għaddew biex jiġi mrażżan l-abbuż li jsir mis-sick leave mill-impjegati tas-Servizz Pubbliku? X'passi hemm maħsuba biex jittieħdu kontra dan l-abbuż li jispiċċa biex inġustament jagħti isem ħażin lis-Servizz Pubbliku kollu, inkluż lil dawk li jaħdmu b'mod eżemplari?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob l-Onor. Interpellant biex jagħmel din il-Mistoqsija lill-Prim Ministru minħabba li s-Servizz Pubbliku jaqa' taħt id-dekasteru tiegħu. 3.2.99

Anzjani — Djar għall-anzjani - Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat mal-Knisja dwar id-djar għall-anzjani? Min ħa sehem f'dawn il-laqgħat? X'ġie deċiż f'dawn il-laqgħat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru tal-Politika Soċjali kellu xi laqgħa informali mal-Knisja dwar id-djar għall-anzjani. F'dawn il-laqgħat ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni. 3.2.99

Pensjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'kemm titnaqqas il-pensjoni ta' min qiegħed f'dar ta' l-anzjani tal-gvern?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-anzjani fid-djar tal-gvern jikkontribwixxu sittin fil-mija tad-dħul kollu tagħhom fis-sena. Din il-kontribuzzjoni ma tistax taqbeż l-Lm1,460 fis-sena. Għaldaqstant m'hemmx rata fissa ta' tnaqqis mill-Pensjoni. Meta resident jidħol f'San Vinċenz, jibda jitnaqqaslu 40% mill-pensjoni tas-Sigurta' Soċjali tiegħu. Dan jinkludi wkoll il-bonus. 3.2.99

Servizzi Soċjali — Homehelp

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex l-anzjana li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ġie rifjutat s-servizz tal-homehelp minn CSA?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni li hija konfidenzjali tingħata biss jekk ikun hemm il-permess tal-persuna konċernata. Normalment, id-deċiżjoni tittieħed għaliex mir-rapport tas-social worker ikun jidher li l-persuna tkun "fully independent" u għalhekk ma jkolliex il-ħtieġa ta' Home Help. 3.2.99

Djar — Tiswijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba tal-persuni li joqogħdu fl-indirizz li qed nibgħat separatament sabiex isir xi xogħol fil-flat tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar ser jagħti priorita'lit-talba ta' dawn l-inkwilini. Nissuġġerixxi li l-inkwilini issa għandhom isegwu t-talba tagħhom direttament mad-Dipartiment. 3.2.99

Anzjani — Dħul fl-Isptar Zammit Clapp

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 904, jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-każ ta' l-individwu in kwestjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Każ ta' din il-persuna ġie mistħarreġ u tqegħdet fil-lista ta' priorita', iżda sfortunatament ġejt infurmat li l-persuna ġiet nieqsa f'dawn l-aħħar ġranet. 3.2.99

Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala pensjonanti ġewwa Pembroke, San Ġiljan, Tas-Sliema, is-Swieqi u l-Madliena li jirċievu xi forma ta' pensjoni? Jista' jgħid kemm minnhom jirċievu pensjoni u kemm hemm f'kull kategorija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Intellant li l-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi Seduta oħra. 3.2.99