Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pulizija — Passi dwar fond perikoluż

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħadu l-pulizija ta' l-għassa ta' Bormla rigward post li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li hu strutturalment perikoluż b'konsegwenza li qed joħloq periklu għal terzi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma kellha ebda rapport dwar il-ħsarat imsemmija mill-Onorevoli Interpellant. Pero' in vista ta' din il-Mistoqsija, il-Pulizija bdiet il-proċeduri skond il-liġi sabiex jekk hemm xi periklu jitneħħa.

Dipartiment ta' l-artijiet — Kumpens fuq proprjeta'

Question

Peress illi hemm ħafna persuni li ilhom jistennew biex jirċievu l-kumpens għall-proprjeta' esproprjata lilhom minħabba skopijiet pubbliċi, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jitħallsu l-kumpensi dovuti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi d-Dipartiment ta' l-Artijiet iħallas kumpens kull sena għall-proprjeta' esproprijata skond l-ammont ta' fondi li jkollu allokati għal dan il-għan. Għall-esproprjazzjoni li saret wara l-1993, il-fondi jiġu allokati mill-vot tad-Dipartiment li jitlob l-esproprjazzjoni u jinżammu f'fond separat. Mill-1 ta' Jannar 2004, ebda Dikjarazzjoni tal-President ma tista' toħroġ jekk il-kumpens ma jiġix depożitat f'kont bankarju favur is-sidien tal-proprjeta' esproprjata.

Qorti Kostituzzjonali — Kawżi pendenti

Question

B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 6575, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm kawżi pendenti quddiem id-diversi bordijiet u/jew tribunali li ġew effettwati bis-sentenza mogħtija mill-Qorti Kostituzzjonali u li se jiġu riferuti lura lill-istess bordijiet u/jew tribunali per konsegwenza ta' dik id-deċiżjoni? Rigward il-fatt li r-rimedju tar-rikors jibqa' applikabbli f'dawk il-każi (kif dejjem kien), jista' jgħid: 1) kemm tiswilu finanzjarjament individwu li jkollu jagħmel tali rikors? 2) kemm jieħu żmien wara li jiġi intavolat dak ir-rikors, biex jiġi appuntat u deċiż? Kien hemm xi riżultat dwar l-eżami tas-sitwazzjoni li kellu jsir mill-uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali?

Response (BORG, TONIO)

Għar-rigward l-ewwel parti tad-domanda l-Onor. Interpellant huwa nfurmat li n-numru ta' kawżi pendenti li huwa mistenni li ser jiġu effetwati huma tlieta. Għar-rigward it-tieni parti tad-domanda l-ispejjeż involuti huma s-segwenti: presentata tar-rikors kostituzzjonali jiswa Lm25, hemm Lm50 dritt tar-Reġistru u Lm3 għal kull notifika, d-dritt tal-konsulent legali jvarja minn Lm20 sa Lm300, t-tieni ż-żmien involut jibda billi tali rikors jiġi appuntat fi żmien tmint ijiem tax-xogħol pero' ma hemmx regola ta' kemm idum ma jiġi deċiż għalkemm il-liġi tippresumi li dawn jinqagħtu malajr kemm jista' jkun. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija ninsab infurmat li l-Avukat Ġenerali ma jidhirlux li hemm xi ħtieġa għal tibdil fil-pożizzjoni preżenti.

Belt Valletta — Kumpannija tal-wardens

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid min huma l-kuntratturi jew l-aġenti li għandhom il-kumpannija tal-wardens fil-Belt Valletta u jekk hux minnu li l-kuntrattur imsemmi ried il-kuntratt tal-Furjana fejn m'hemmx wardens jew Ħal Qormi? Jikkonferma li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, hija l-persuna li qed tieħu ħsieb dan kollu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-kuntratt lill-aġenzija tal-Gwardjani Lokali jsir bejn il-Kumitat Konġunt u l-aġenzija li tkun ingħatat it-tender. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kumitat Konġunt tal-Belt.

Pulizija — Passi dwar post fi stat perikoluż

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 6757, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'passi ħadu l-pulizija biex jitneħħa l-periklu dwar il-fond li jinsab fi stat perikoluż li d-dettalji dwaru qed jinbagħtu separatament?

Response (BORG, TONIO)

B'żieda mat-tagħrif li jien tajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6757, ninsab infurmat illi l-Pulizija qegħdha f'kuntatt mad-Dipartiment tax-Xogħlijiet u l-Kummissarju ta' l-Artijiet sabiex il-periklu jitneħħa. Pero' jekk l-Onorevoli Interpellant għandu xi tagħrif dwar is-sid tal-fond in kwestjoni, inħeġġu sabiex jgħaddi dan it-tagħrif lill-Pulizija sabiex jitħaffef il-proċess.

Twelid ta' trabi minn immigranti llegali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinformani jekk it-trabi li twieldu f'Malta minn ommijiet li huma immigranti llegali hux se jitqiesu bħala Maltin? Jekk fl-affermattiv, dan ifisser li anke l-familji tagħhom ikunu meqjusa bħala Maltin? Kemm għandna immigranti llegali bħalissa f'Malta? Jaqbel il-Viċi Prim Ministru li jkun aħjar li dawn in-nies jiġu ripatrijati?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mhux kull min jitwieled Malta jakkwista awtomatikament iċ-ċittadinanza Maltija. Skond l-artiklu 5(1) ta' l-Att dwar iċ-Ċittadinanza Maltija (Cap 188) persuni li twieldu/jitwieldu Malta fl-1 ta' Awissu 1989 jew wara, akkwistaw/jakkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija biss jekk, fil-ġurnata tat-twelid tagħhom, wieħed mill-ġenituri kien/ikun ċittadin Malti. Infurmat ukoll illi fit-13 ta' Settembru 2004 in-numru ta' immigranti llegali miżmuma mill-Forzi tas-Sigurta' kien ta' 568. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija għandu jingħad illi dawk l-immigranti llegali li ma jissodisfawx ir-rekwiżiti għal Refugee Status/Humanitarian Status skond il-proċedura stabbilita' mir-Refugees Act jiġu ripatrijati fl-inqas żmien possibli.

UE — Għajnuna fil-qasam ta' l-immigranti llegali

Question

Ġaladarba l-Italja, pajjiż kbir, staqsa lill-Unjoni Ewropea għal għajnuna fil-qasam ta' l-immigranti llegali, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li Malta tagħmel l-istess?

Response (BORG, TONIO)

Id-Direttorat għat-Third Country Nationals fi ħdan il-Ministeru diġa' għamel talba għal ko-finanzjament ta' żewġ proġetti taħt il-European Refugee Fund in konnessjoni ma' proġetti mressqa mill-Kummissjoni Emigranti u mill-Jesuit Refugee Service. Dawn il-proġetti huma maħsuba biex itejbu l-faċilitajiet ta' akkomodazzjoni għar-refuġjati wara li jkunu ħallew iċ-ċentri ta' akkomodazzjoni. Bħalissa din it-talba qegħda tiġi kkunsidrata mill-Kummissjoni Ewropea. Dan il-Ministeru qiegħed jikkunsidra l-possibilita' ta' finanzjar mill-Unjoni Ewropea għal bini ta' ċentru ta' akkomodazzjoni ġdid kif ukoll qed iżomm għajnejh miftuħa għal opportunitajiet oħra ta' finanzjament għal proġetti oħra f'dan is-settur.

Qorti Kriminali — Ġurijiet pendenti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' ġurijiet pendenti fil-Qorti Kriminali u t-tip ta' reati li għalihom l-akkużati qed jistennew li jgħaddu ġuri?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fis-17 ta' Awissu 2004 kien hemm 36 akkużi pendenti quddiem il-Qorti Kriminali. Dawn huma mqassma kif ġej:- AKKUŻI Omiċidju volontarju 5 Tentattiv ta' Omiċidju volontarju 12 Komp f'serq u omiċidju volontarju 2 Droga 13 Ħsara bi ħruq 1 Sekwestru ta' persuna - Ħarba mill-Ħabs 1 Serq kwalifikat 1 Korruzzjoni ta' minorenni 1 TOTAL 36

Persuni ta' nazzjonalita' barranija — Applikazzjonijiet għal impjieg f'Malta

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari simili 6850 li diġa' saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u l-Impjiegi, jista' il-Viċi Prim Ministru jindika n-numru ta' barranin li mill-1 ta' Mejju 'il hawn applikaw biex jaħdmu Malta? Għal liema ġeneru ta' xogħol applikaw?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li mill-1 ta' Mejju sa llum saru 779-il applikazzjoni sabiex barranin jaħdmu Malta. Dwar il-ġeneru ta' xogħol li qed jitolbu li jagħmlu, ninforma lill-Onor. Interpellant li ma tinżammx statistika kif mitlub minnu, iżda fejn għandhom x'jaqsmu ċittadini li ġejjin minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' xogħlijiet li għalihom dawn il-persuni għamlu talba sabiex jaħdmu. Ninforma lill-Onor. Interpellant ukoll li d-Dipartiment ta' l-Informazzjoni jippubblika fuq il-website tiegħu, kull l-ewwel tnejn tax-xahar, lista tal-barranin kollha li għandhom permess jaħdmu Malta. Din il-lista tinkludi ukoll it-tip ta' xogħol li għalih inħareġ il-permess.

Persuni ta' nazzjonalita' barranija — Visas

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika l-ammont ta' talbiet ta' extension għal visas li kien hemm matul din is-sena u s-sena l-oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm 12,349 applikazzjoni minn barranin għal extension ta' visa, filwaqt li matul l-ewwel tmien xhur ta' din is-sena kien hemm 10,087.

Persuni ta' nazzjonalita' barranija — Visas

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika l-ammont ta' talbiet għal ħruġ ta' visas li kien hemm din is-sena u s-sena l-oħra?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul is-sena l-oħra kien hemm 53,803 applikazzjoni minn barranin għal ħruġ ta' visa, filwaqt li matul l-ewwel tmien xhur ta' din is-sena kien hemm 46,681.

Persuni minn pajjiżi tal-UE — Reġistrazzjoni ta' passaporti fid-dwana

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jinformani għaliex hemm l-obbligu li ċittadini tal-EU, inklużi Maltin, għandhom imorru għand id-dwana bil-passaporti tagħhom sabiex jgħidu li waslu/jew iħallu Malta bil-baħar? Għaliex dan is-servizz wara s-7.00 p.m. jingħata biss mill-Belt u jekk hemmx bżonn dan it-tip ta' reġistrazzjoni?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ċittadini ta' l-Unjoni Ewropeja xorta waħda jrid ikollhom dokument ta' l-ivvjaġġar mal-wasla jew tluq tagħhom minn Malta, li jrid jiġi muri lill-aworitajiet ta' l-Immigrazzjoni, kemm jekk jaslu bl-ajru kif ukoll bil-baħar. Infurmat ukoll illi l-uffiċċju tal-Immigrazzjoni jkun miftuħ matul il-ġurnata, li huwa l-ħin l'aktar frekwenti għat-tluq ta' vjaġġi bil-baħar.

Ħal Qormi — Ta' Farsina - Kmamar tal-gvern abbandunati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex iż-żewġt ikmamar tal-gvern li hemm abbandunati biswit Blokk 2, f'Ta' Farsina housing estate qed jitħallew mingħajr ebda użu? Jista' jgħid x'qed iżomm jew jistenna d-dipartiment ta' l-artijiet biex jagħti l-użu mill-ġdid ta' dawn il-kmamar li ilhom abbandunati għal aktar minn 25 sena? Jista' jgħid għaliex qed jiġu njorati t-talbiet ta' residenti biex jixtru jew jikru dawn il-kmamar mingħand id-dipartiment ta' l-artijiet? Jista' jikkonferma jekk hemmx il-ħsieb u meta se jinħarġu xi offerti għall-użu ta' dawn il-kmamar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li t-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern qed tieħu l-passi neċessarji sabiex fil-futur qarib il-kmamar li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant jinkrew.

Santa Venera — Bejgħ ta' art lill-kumpannija Coca Cola

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jippreċiża u jagħti informazzjoni dwar bejgħ ta' art lill-kumpannija tal-Coca Cola li saret riċenti ġewwa Santa Venera?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ma kien hemm l-ebda kuntratt ta' bejgħ ta' art minn naħa tad-Dipartiment ta' l-Artijiet lill-kumpannija tal-Coca Cola fi żminijiet riċenti.

Pulizija — Rapporti dwar serq

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Lulju 2004? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Lulju 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Lulju 2004 il-każi ta' serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 59 każ ta' serq. Hold up 5 Pick Pocketing 81 Snatch & grab 15 Serq minn dgħajjes 4 Serq ta' dgħajjes 4 Serq ta' karozzi 66 Serq minn karozzi 269 Serq minn residenzi 72 Serq minn barijiet / lukandi 202 Serq minn xtajtiet 143 Serq minn fabbriki 2 Serq minn ħwienet 26 Serq ieħor 379

Pulizija — Rapporti dwar reati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Lulju 2004? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Lulju 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni partijiet tal-Mistoqsija huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul Lulju 2004 kien hemm 227 persuna misjuba ħatja ta' reati kriminali.

Pulizija — Rapporti dwar serq

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa serqiet matul Awissu 2004? Jista' jikklassifika s-serq? Jista' jgħid kemm ġew solvuti serq matul Awissu 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi matul Awissu 2004 il-każi ta' serq li ġew irrapurtati lill-Pulizija kienu kif jidher hawn taħt, filwaqt li matul l-istess xahar il-Pulizija solviet 109 każ ta' serq. Hold up 2 Pick Pocketing 109 Snatch & grab 26 Serq minn dgħajjes 14 Serq ta' dgħajjes 10 Serq ta' karozzi 67 Serq minn karozzi 265 Serq minn residenzi 89 Serq minn barijiet / lukandi 140 Serq minn xtajtiet 204 Serq minn fabbriki 4 Serq minn ħwienet 24 Serq ieħor 347

Pulizija — Rapporti dwar reati

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ġew imwettqa reati matul Awissu 2004? Jista' jikklassifika r-reati? Jista' jgħid kemm ġew solvuti reati matul Awissu 2004?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub fl-ewwel u fit-tieni partijiet tal-Mistoqsija huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat illi matul Awissu 2004 kien hemm 72 persuna misjuba ħatja ta' reati kriminali.

Qrati — Awla tal-Maġistrat Dr. Antonio Mizzi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ġietx fi tmiemha l-inkjesta dwar il-każ tal-ħruq ta' l-awla tal-Maġistrat Dr. Antonio Mizzi aktar kmieni din is-sena? Jekk iva, x'inhuma r-riżultanzi?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-inkjesta msemmija għadha ma ġietx magħluqa.

Pulizija — Petizzjoni dwar sparar tal-bombi tal-festa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'kien sar wara petition li kienet ippreżentat il-ġurnalista Pamela Hansen, dwar l-isparar eċċessiv tal-bombi tal-festa?

Response (BORG, TONIO)

Il-Pulizija diġa' ħadet passi sabiex ma jingħalqux toroq arterjali importanti għal ħruq tan-nar. Il-Pulizija tieħu azzjoni fuq ilmenti li hi tirċievi minn żmien għal żmien.