Minkejja li pubblikament intqal li kien intlaħaq ftehim biex l-impressed drivers jiġu mpjegati mal-gvern, għaliex dan il-ftehim għadu ma twettaqx? Meta se jiġu mpjegati dawn l-impressed drivers?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li qed jiġu finaliżżati l-proċeduri biex il-ftehim milħuq dwar l-impressed drivers jiġi mplimentat fl-iqsar żmien.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid meta persuna li tiġi maqtugħa mill-ewwel parti tar-reġistru tax-xogħol għalxejn u tappella lill-Bord ta' l-Appell u l-każ tirbħu, biex tkompli tieħu l-benefiċċju trid terġa' tapplika mill-ġdid?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna li tappella u tirbaħ il-każ tagħha għandha minnufih tavża fl-eqreb Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali b'dan il-fatt, u l-benefiċċju dwar id-Disimpieg jerġa' jibda jinħareġ fi żmien qasir. Normalment l-ewwel ċekk ikun jinkludi l-arretrati dovuti għal dak il-perjodu li dan il-benefiċċju kien ġie mwaqqaf.
Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni nqabu mill-ispetturi ta' l-ETC li kienu qed jirreġistraw u jaħdmu, minn Settembru 1998 sa Settembru 2000, xahar b'xahar? Kemm minn dawn il-każijiet irriżultaw li kienu fattwali, jiġifieri li wara li l-persuni appellaw, rebħu l-każ u b'hekk ma nqatgħux minn fuq il-lista tar-reġistrar? Jista' jagħti ċ-ċifri xahar b'xahar għall-perjodu msemmi? F'kemm minn dawk il-każijiet li rriżultaw li kien hemm abbuż, ittieħdu passi kontra minn ħaddimhom, xahar b'xahar għall-perjodu msemmi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Peress li skond il-figuri maħruġa mill-Uffiċċju Ċentrali tal-Istatistika, jidher li f'Settembru 2000 kien hemm 16179 self-employed, jista’ l-Viċi Prim Ministru jaqsamhom skond ix-xogħol li jagħmlu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qiegħda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li għad ta' residenti minn Juno Flats Pembroke għadhom ma sarilhomx il-kuntratt tax-xiri tal-post tagħhom meta dawn ilhom li għamlu l-konvenju għal żmien twil?
Jista' l-Ministru jgħid x'qed iwassal għal dan id-dewmien żejjed?
Jaf jew le l-Ministru li minkejja li dawn għamlu l-konvenju b'intenzjoni li jixtru l-proprjeta' ta' fejn jgħixu, xorta irċevew avviż ta' żieda fil-kera?
Jista' jgħid jekk jaħsibx li dan huwa ġust?
Jista' jikkonsidra li din iż-żieda fil-kera tiġi annullata u dan peress li dawn ser jixtru l-proprjeta' tagħhom u żgur it-tort ta' dewmin biex isir il-kuntratt ma huwiex ħtija tagħhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dwar l-ewwel żewġ partijiet tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-Awtorita' tad-Djar qed tistenna nformazzjoni mid-Dipartiment konċernat dwar il-provenjenza ta' l-art li fuqha hemm mibnija l-proprjeta' ndikata biex tkun tista' tikkonkludi l-kuntratti.
Barra dan ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karta li rċevew l-inkwilini hija parti mill-proċedura għal għoti ta' sussidju fuq il-kera.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kellha increments bejn l-1991 u l-1994, il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament, peress li din il-persuna ġiet infurmata li fil-perijodu bejn l-1991 u l-1994, meta kienet għadha taħdem fid-dipartiment, kellha increments? Fil-fatt l-aħħar increment li ħadet din il-persuna meta kienet fuq Skala 10 bħala principal officer, li dak iż-żmien kienu jissejjħu administrative officers, kien f'Jannar ta' l-1994 liema increment ingħata skond Increment Warrant No. 0098/94?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba fir-Riforma fis-salarji l-ebda 'increments' ma ġew mogħtija lill-impjegati tal-Gvern bejn l-1991 u l-1993. L-'increments' reġgħu ġew mogħtija f'Jannar 1994 wara li tlestiet ir-riforma fis-salarji. Fil-fatt il-persuna msemmija ġie mogħti 'increment' f'Jannar 1994 u wara ngħata l-arretrati mill-1991.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk inbidlitx is-sistema ta' l-iskala tal-valwazzjoni ta' proprjetajiet tal-gvern li jkunu ġew offruti għall-bejgħ lill-inkwilini tagħhom billi jidher li hemm avarija sostanzjali bejn prezzijiet għall-istess fondi ikkwotati dan l-aħħar u xi ftit tas-snin ilu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-valutazzjonijiet li qegħdin isiru taħt l-Iskema eżistenti biex tħajjar inkwilini f'postijiet proprjeta' tal-Gvern isiru sid darhom, qegħdin isiru żewġ valutazzjonijiet ta' l-istess fond, waħda bħala post okkupat u oħra bħala post mhux okkupat.
Jingħata sussidju fuq il-valur tal-post kif valutat bħala okkupat. Għaldaqstant, l-inkwilini jħallsu biss lill-Awtorita' tad-Djar id-differenza bejn is-sussidju mogħti fuq il-prezz skond l-Iskema, liema sussidju huwa relatat mad-dħul ta' l-applikanti, u l-prezz kif valutat bħala okkupat.
Jekk u meta dan il-fond jerġa jinbiegħ mill-benefiċjarji ta' l-Awtorita' tad-Djar lill-terzi, dan irid jirrifondi lill-Awtorita' tad-Djar id-differenza bejn il-prezz li tħallas għall-fond u l-prezz tal-fond valutat bħala mhux okkupat. F'każ ta' trasferiment b'causa mortis ma jsir l-ebda rifużjoni lill-Awtorita' tad-Djar.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm jiswa kull resident/a fil-S.V.P.R. kuljum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fl-1999, kull resident/a f'San Vinċenz hu kkalkulat li sewa Lm17.84c kuljum. Jekk wieħed jikkunsidra n-nefqa rikorrenti din is-sena bejn Jannar u Settembru, din is-somma titla' għal Lm18.76c kuljum.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti spjegazzjoni għaliex pensjonant li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament min din il-mistoqsija mhux qiegħed jirċievi skond kemm ħallas meta dan ħallas il-bolla full?
Jistgħu l-ħaddiema tad-dipartiment jagħtu spjegazzjoni lil dan is-sinjur?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi 'l-persuna minnu indikata qed tirċievi pensjoni kif suppost. Ir-rata ta' pensjoni li qed tieħu hija skond it-tnax l-Iskeda ta' L-Att dwar is-Sigurta' Soċjali.
Inżid ngħid illi l-istess persuna ġiet infurmata bil-miktub dwar dan.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm jonfoq f'sena il-gvern biex jkun jista' jmexxi l-S.V.P.R esklużi l-proġetti ta' swali ġodda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-nefqa rikurrenti għar-Residenza ta' San Vinċenz de Paule matul l-1999 ammontat għal Lm6,642,703.
L-ispiża rikurrenti għall-ewwel disa' xhur tas-sena 2000, laħqet Lm5,245,026.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm Maltin u barranin (skond in-nazzjonalita') tagħhom, li sfaw vittmi ta' abbużi sesswali jew swat matul dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qeda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk l-Aġenziji, Dipartimenti tal-Gvern u għaqdiet volotarji li qed jgħinu b'xi mod lil vittmi ta' abbużi sesswali u swat?
Teżisti statistika ta' rapporti ta' reati bħal dawn imsemmija hawn fuq u mhux għand il-pulizija?
Jekk teżisti statistika, x'inhija skond l-abbuż irrapportat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qeda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jikkonsidra li jivvota l-flus fl-estimi tal-budget 2001 sabiex isir il-ġnien fil-Qasam tad-Djar ta' Għajn Qajjed, ir-Rabat, Malta?
Peress li ilhom is-snin isiru l-preparamenti għall-iżvilupp ta' dan il-ġnien f'dawn l-inħawi residenzjali, jista' jara li dan il-bżonn għar-residenti kollha jiġi mwettaq matul is-sena li ġejja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
F'dan l-istadju, d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija tad-Djar diġa' kkommetta ruħu ma' 21 Kunsill Lokali sabiex iwettaq proġetti ta' ġonna f'oqsma tal-Gvern u għalhekk mhuwiex f'pożizzjoni li jagħmel ftehim ġdid ma' kunsilli oħrajn.
Jista' l-Viċi Prim-Ministru jikkunsidra li jivvota l-flus fl-estimi tal-budget tas-sena 2001 sabiex jiġu nstallati l-lifts fil-qasam tad-djar Ta' Għeriexem, ir-Rabat, Malta peress li l-eta' tal-familji residenti qed dejjem tikber, liema fatt qed joħloq aktar il-bżonn ta' dan is-servizz għar-residenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-Risposta li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 20215 f'Seduta Numru 408.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni b'diżabilita li attendew f'Dar il-Kaptan matul l-1999 u din is-sena?
X'talbiet hemm pendenti minn Dar Il-Kaptan sabiex dawn jirċievu aktar għajnuna ħalli jkun f'pożizzjoni li jagħtu servizz aħjar lill-persuni b'diżabilita' li jattendu għas-servizzi tagħhom?
X'progress sar u meta se jiġu milqugħa dawn it-talbiet?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li għamlu użu mis-servizzi provduti minn Dar il-Kaptan is-sena l-oħra kien ta' 4,664. Sa Settembru ta' din is-sena, in-numru ta' persuni li għamlu użu minn dawn is-servizzi kien ta' 3,800. Numru minn dawn il-persuni użaw dawn is-servizzi għal aktar minn darba.
Ninsab infurmat ukoll li din l-istituzzjoni ssottomettiet talba għal Lm117,000 bħala għajnuna finanzjarja għas-sena d-dieħla. Din it-talba tiġi kkunsidrata mill-Kumitat li jinħatar apposta kull sena biex jevalwa talbiet simili mill-NGOs u jirrakkomanda l-allokazzjoni ta' fondi skond il-prijoritajiet u l-flus disponibbli
Jista' l-Viċi Prim-Ministru jgħati informazzjoni dwar l-impjieg li kellha l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament mal-Bord tal-Koperattivi mill-1996 u snin ta' qabel?
(a) X'kienet il-kariga tiegħu?
(b) Meta kien ġie appuntat u f'liema data l-impjieg tiegħu ġie terminat?
(ċ) Il-kariga tiegħu kienet fuq bażi ta' full jew part-time?
(d) X'kien is-salarju tiegħu nkluż xi allowances li kellu?
(e) X'kundizzjonijiet oħra kienu stipulati ma' l-impjieg tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant kellha l-kariga ta' Kap Eżekuttiv tal-Co-operative Support Unit, fuq bażi part-time, bejn Diċembru 1994 u Settembru 1996.
Għal din il-ħatra kienet tirċievi Lm1,061 fis-sena u car allowance ta' Lm50 fix-xahar. Ma kienx hemm kundizzjonijiet oħra stipulati ma' l-impjieg ta' din il-persuna ħlief dawk li bihom kienu marbuta l-impjegati l-oħra ta' l-imsemmi Unit.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid liema huma l-azjendi li qed jikkonformaw mal-liġi li tesiġi li 2% tal-workforce, kienu persuni b'diżabilita'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' l-ażjendi li jimpjegaw iżjed minn 25 persuna u qed jikkonformaw mal-liġi li tesiġi li 2% tal-workforce ikunu persuni b'diżabilita'.
Jista' l-Viċi Prim-Ministru jikkunsidra li jivvota l-flus fl-estimi tal-budget tas-sena 2001 sabiex isiru l-lifts fil-qasam tad-djar Ta' Mlit il-Mosta, peress li l-eta' tal-familji residenti qed dejjem tikber u dan il-fatt qed joħloq aktar il-bżonn ta' dan is-servizz għar-residenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-iskema dwar stallazzjoni ta' lifts kopriet il-lokalitajiet tal-Kottonera, Kalkara, Valletta u Floriana u dawk il-blokki proprjeta' tal-Gvern fil-lokalitajiet kollha f'Malta u Għawdex, li fihom jgħixu persuni bi problemi ta' mobilita'.
Hemm il-ħsieb li din l-iskema tiġi estiża għall-lokalitajiet oħra f'Malta u Għawdex. L-allokazzjoni ta' fondi għal dan l-iskop tiddependi mir-riżorsi disponibbli fid-dawl ta' prioritajiet oħra.