Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #7435 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: ALFRED SANT To: Ministeru ta' l-Intern

Għawdex — Forti Chambrai

Question

B'riferenza għar-risposta mogħtija minnek għall-mistoqsija parlamentari numru 7317 dwar jekk l-iżvilupp kollu ta' Forti Chambrai huwiex isir skond il-kondizzjonijiet u parametri maħruġa fil-permessi relattivi ta' l-awtorita' ta' l-ippjanar, tista' jekk jogħġbok: a) tagħti d-data ta' meta saret l-ispezzjoni msemmija fir-risposta li fiha nstab li ċerti pedamenti ma sarux kif suppost; b) tikkonferma li sad-data tat-tweġiba tiegħek m'hemm l-ebda ksur ieħor tal-kondizzjonijiet tal-permessi; c) tikkonferma wkoll li l-għoli tal-bini li jinsab tiela' f'Chambrai wara s-swar hu konformi f'kollox mal-permessi mogħtija?

Response (BORG, TONIO)

B'referenza għad-domanda Parlamentari Nru. 7435, nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat kif ġej : - a) l-ispezzjoni saret nhar il-21 ta' Mejju, 1999, segwita bi spezzjoni oħra fil-25 ta' Mejju, 1999; b) minn spezzjoni oħra li saret nhar it-2 ta' Ġunju, 1999, huwa kkonfermat illi jeżistu tibdiliet żgħar interni (tneħħija ta' ħajt u spustjar ta' xi bibien). Barra minn hekk in-numru ta' units fi Blokk 1 tnaqqas minn 8 għal 4. Dawn id-diverġenzi ma jimmeritawx li fil-preżent jittieħdu xi passi mill-Aworita` ta' l-Ippjanar minħabba li dawn id-diverġenzi huma sanzjonabbli u għalihom qed issir applikazzjoni sabiex ikunu regolarizzati. c) l-għoli tal-bini kostruwit s'issa huwa konformi mal-permess.
Leg 9 PQ #7439 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Reġistrazzjoni ta' proprjeta'

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet reġistrata proprjeta' privata fil-Belt u l-Furjana mindu nbeda dan il-proċess? Kemm daħħal flus il-gvern minn dawn l-applikazzjonijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' applikazzjonijiet mill-privat fil-lokalitajiet imsemmija kienu ta' 49 li jinkludu ukoll 6 applikazzjonijiet ta' trasferiment ta' proprjeta` oriġinarjament reġistrata mill-Gvern permezz tal-Lands Department jew l-Uffiċċju Konġunt. It-total ta' flus li tħallsu minn dawn l-applikanti kien ta' Lm896.
Leg 9 PQ #7442 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: ANTON REFALO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Trasferimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru transfers fil-Korp tal-Pulizija f'Għawdex minn Settembru, 1998 sal-lum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn Settembru, 1998, sa Mejju, 1999, kien hemm 32 membru tal-Korp stazzjonati Għawdex li tbiddlilhom xogħolhom.
Leg 9 PQ #7446 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Kottonera - Każijiet ta' enforcement

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'każijiet ta' enforcement hemm fit-tlett ibliet tal-Kottonera mill-awtorita' ta' l-ippjanar? Jista' jgħid ukoll jekk hemmx xi guidelines stabbiliti dwar x'jista' jsir u x'ma jistax isir f'dawn l-ibliet, konness ma' faċċati ta' djar, ħwienet u aperturi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-każijiet ta' enforcement mill-Awtorita` ta' l-Ippjanar fit-tlett ibliet tal-Kottonera huma dwar : Alterazzjonijiet - 31 Addizzjonijiet - 32 Garaxxijiet - 7 Air Conditioners - 2 Dish antenna - 1 Ninsab infurmat ukoll li kien hemm 61 każ ieħor illi ġew regolarizzati mis-sidien stess u għalhekk dawn il-każijiet huma magħluqa. Għalkemm ma hemmx guidelines speċifii għal dawn l-ibliet, il-gwidi għaċ-ċentri storiċi (village cores), li huma ppublikati, japplikaw ukoll għal dawn l-ibliet. Dawn il-guidelines japplikaw għall-iżvilupp fl-Urban Conservation Areas. Hemm ukoll design guidelines dwar faċċati ta' ħwienet. Ta' min jgħid ukoll li l-Awtorita` ta' l-Ippjanar għandha skema dwar il-bdil ta' gallariji ta' l-injam fil-Kottonera. Hemm il-ħsieb li din l-iskema 'l quddiem tinfirex għal areas oħra.
Leg 9 PQ #7455 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Air guns

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn air guns liċenzjati fl-idejn illum?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi n-numru ta' air guns irreġistrati mal-Pulizija hu ta' 757.
Leg 9 PQ #7456 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Air guns

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija tatx permess "to shoot and carry an air gun for sporting purposes"? Jekk iva, meta nħarġu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi għadhom ma nħarġux dawn il-liċenzji.
Leg 9 PQ #7457 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Air guns

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija ħarġitx il-liċenzja għal shooting ranges għall-air guns biex dawn jibdew joperaw? Jekk iva, meta nħarġu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi għadhom ma nħarġux dawn il-liċenzji.
Leg 9 PQ #7461 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Intern

Djar — Xiri ta' djar mill-inkwilini

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-inkwilini ta' Triq Sant'Anna, fil-Furjana jistgħux jixtru l-appartamenti fejn joqogħdu? Jekk le, x'inhi l-problema u jekk hemmx xi ħsieb li tiġi rranġata?

Response (BORG, TONIO)

Bħalma diġa` għidt fit-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7191, sabiex il-Gvern ikun jista` jiddisponi minn postijiet mikrija, l-art li fuqhom jinsabu dawn il-postijiet trid tkun tal-Gvern b'titlu assolut. Ħafna mill-art fi Triq Sant'Anna, il-Floriana, ġiet meħuda b'titlu ta' 'possession and use'. Il-proprjeta` tal-Gvern li tinsab fuq din l-art tista` tinbiegħ biss jekk is-sidien li kienu jipposjedu din l-art jew il-fondi li kien hemm, ikunu lesti li jaqilbu t-titlu għad-dominju pubbliku (public tenure) u kontestwalment ibiegħu l-kera tal-għarfien (recognition rent) lill-Gvern. Is-sidien li kellhom proprjeta` meħuda b'dan il-mod qegħdin jiġu mħajjra jagħmlu dan.
Leg 9 PQ #7472 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru ta' l-Intern

PA — PA 7070/98 u PA 6850/98

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk iż-żewġ applikazzjonijiet bin-numru PA 7070/98 u PA 6850/98 li saru għand l-awtorita' ta' l-ippjanar ġewx maqbuża minn applikazzjonijiet oħra speċjalment meta dawn ġew biex jidħlu fl-agenda? Jekk fl-affermattiv, x'kienet ir-raġuni li sar hekk? X'passi se jittieħdu biex affari bħal din ma terġax tirrepeti ruħha?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 7070/98 qed tistenna r-risposta tal-perit rigward ir-rapport li tħejja mill-case officer, u għaldaqstant qatt ma kienet tistenna biex tiħdol fl-aġenda. Dwar l-applikazzjoni PA 6850/98 ninsab infurmat li din diġa` kienet fuq l-aġenda. Iżda peress li ġew mitluba fresh plans dwarha u dawn issa waslu, l-applikazzjoni tidħol fl-ewwel aġenda disponibbli.
Leg 9 PQ #7477 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Postijiet ta' divertiment

Question

Fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena, jista' l-Ministru jgħid kemm: 1) saru spezzjonijiet f'postijiet ta' divertiment biex ikun żgurat li persuni taħt l-eta' ma jkunux preżenti; 2) inqabdu nies li ma kellhomx sittax (16)-il sena f'dawn il-postijiet ta' divertiment; 3) X'passi ttieħdu kontra dawk li ħallew persuni taħt l-eta' jidħlu u jixorbu kontra l-liġi? Issa li dalwaqt ikun hemm żieda qawwija ta' żgħażagħ kemm lokali kif ukoll barranin minħabba l-btajjel tas-sajf f'postijiet fejn hemm divertiment, jista' jgħid jekk huwiex kontemplat żieda fin-numru ta' pulizija biex titħares il-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi, fl-ewwel ħames xhur ta' din is-sena il-Pulizija għamlet 1,340 spezzjoni f'postijiet ta' divertiment li b'riżultat tagħhom inqabdu 40-il persuna taħt is-sittax-il sena. Ninsab infurmat ukoll illi fl-istess perijodu l-Pulizija ħadet passi kriminali kontra 11-il persuna talli ħallew persuni taħt is-sittax-il sena jidħlu f'dawn il-postijiet. Kif diġa` kelli l-okkażżjoni ngħid fi Tweġiba preċedenti, ser jibqgħu jsiru spezzjonijiet sabiex kemm jista` jkun ma jkunx hemm dawn l-abbużi.
Leg 9 PQ #7485 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Armi tan-nar

Question

Jikkonsidra l-Ministru li dawk li jkollhom il-pussess ta' arma tan-nar żgħira mingħajr il-permessi neċessarji u jinstabu ħatja, minflok il-multa u l-konfiska awtomatika u eterna f'każ ta' ħtija, jibdew jingħataw il-fakulta' li jerġgħu jieħdu lura l-arma in kwestjoni wara ċertu żmien (ngħidu aħna, sena) wara li jkun ħallas somma/penali li minnha jibbenefikaw l-erarju pubbliku, speċjalment jekk il-flus miġbura jmorru għand il-Korp tal-Pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Arma tan-nar, żgħira kemm hi żgħira, xorta waħda tibqa` perikoluża u tista` toqtol. Il-konfiska tal-corpus delicti hija minnha nnfisha ta' deterrent.
Leg 9 PQ #7489 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Complement tal-korp

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-complement tal-korp tal-pulizija f'kull dipartiment jew branch fl-istess korp?

Response (BORG, TONIO)

Ma nħossx li informazzjoni daqshekk dettaljata dwar deployment fil-Korp tal-Pulizija għandha tkun magħmula pubblika.
Leg 9 PQ #7498 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Jet-skis tal-baħar

Question

Jista' l-Ministru jkun daqstant ġentili li jindikali liema huma dawk l-avviżi legali li jirregolaw u jirrigwardaw l-użu tal-jet-skis fil-baħar? L-użu ta' dawn l-inġenji kif huwa regolati bil-liġi Maltija?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-Regolamenti ta' l-1985 dwar Speed Boats u Skijar fuq il-Baħar li nħarġu permezz ta' A.L. 19 ta' l-1985.
Leg 9 PQ #7517 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — San Gwann

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex tiġi rispettata x-xewqa taċ-ċittadini ta' San Gwann biex jkun hemm preżenza aktar qawwija tal-pulizija fil-lokal kif ukoll biex jiġi żgurat li l-għassa tal-pulizija tkun manned 24 siegħa kuljum?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4414.
Leg 9 PQ #7297 Sitting 115 1999-06-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjoni PA1610/98

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar l-applikazzjoni PA1610/98 li qed joġġezzjonaw għaliha r-residenti ta' l-inħawi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni PA 1610/98 ġiet rifjutata fit-2 ta' Ottubru, 1998. Wara din id-deċiżjoni ġiet sottomessa talba għall-rikonsiderazzjoni. Din it-talba tressqet quddiem il-Bord tad-DCC fis-17 ta' Mejju, 1999, fejn il-Bord ikkonferma l-ewwel deċiżjoni li din l-applikazzjoni tiġi rifjutata.
Leg 9 PQ #7118 Sitting 114 1999-06-02 Oral · Final From: ANGELO FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Permessi għal murtali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kienx hemm permessi tal-pulizija biex waqt il-festa ta' San Ġużepp, ċelebrata fid-19/3/99 jiġu sparati murtali mill-ġnien pubbliku, Howard Gardens magħrufa bħala t-Tomba ftit 'il bogħod minn fejn kien hemm logħob tat-tfal għaddej b'mod li kien ta' periklu għalihom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-ħruq tal-logħob tan-nar minn Howard Gardens, ir-Rabat, fid-19 ta' Marzu, 1999, kien kopert bil-liċenzja tal-Pulizija li nħarġet fis-6 ta' Marzu, 1999. Ninsab infurmat ukoll li kienet saret applikazzjoni lill-Pulizija sabiex jiġi organizzat xi logħob għat-tfal f'post viċin mnejn kien ser jinħaraq il-logħob tan-nar u għalhekk din it-talba ma ġietx aċċettata.
Leg 9 PQ #7150 Sitting 114 1999-06-02 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux possibbli li l-pulizija li jaħdmu bix-shift ta' 24 siegħa xogħol u 24 siegħa frank ikollhom konċessjoni ta' ftit mistrieħ matul l-24 siegħa li jkunu fuq ix-xogħol?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru limitat ta' membri tal-Korp li jaħdmu bix-shift ta' 24 siegħa xogħol u 24 siegħa frank, meta l-esiġenzi tal-Korp jippermettu, diġa` għandhom il-konċessjoni ta' 10 sigħat mistrieħ kif jidher hawn taħt : 1.00 p.m.-4.00 p.m.Rest at Station 8.00 p.m.-9.00 p.m.Rest at Station 1.00 a.m.-7.00 a.m.Rest at Station Dawn id-direttivi nħarġu permezz ta' Ċirkularijiet Numri 99/80 u 39/80. Mhux dejjem ikun possibli li jittieħed il-mistrieħ kollu konċess, u huwa għalhekk li dawn il-membri tal-Korp l-għada tad-'duty' tagħhom jieħdu 24 siegħa mistrieħ.
Leg 9 PQ #7190 Sitting 114 1999-06-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallsu liċenzji sa l-aħħar ta' Marzu, 1999 għal: a) ġarr ta' armi għall-kaċċa; b) insib; u c) arma biex tinżamm id-dar biss?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onor. Interpellant dwar il-ħlas tal-liċenzji speċifikati fil-Mistoqsija bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Marzu, 1999, hu kif ġej : - għall-ġarr ta' armi għall-kaċċa 9,032 għal insib 2,785 għal arma biex tinżamm id-dar biss 13,309
Leg 9 PQ #7191 Sitting 114 1999-06-02 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Artijiet — Postijiet fuq art possession and use

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsir xi ħaġa sabiex dawk il-persuni li għandhom post tal-gvern mibni fuq art possession and use ikunu jistgħu jixtruha?

Response (BORG, TONIO)

Sabiex il-Gvern ikun jista` jiddisponi minn postijiet mikrija, l-art li fuqhom jinsabu dawn il-postijiet trid tkun tal-Gvern b'titlu assolut. Fil-każi fejn l-art jew il-fondi li darba kienu eretti fuq din l-art, li ġew meħuda b'titlu ta' 'possession and use', il-proprjeta` tal-Gvern li tinsab fuq din l-art tista` tinbiegħ biss jekk is-sidien li kienu jipposjedu din l-art jew il-fondi li kien hemm, ikunu lesti li jaqilbu t-titlu għad-dominju pubbliku (public tenure) u kontestwalment ibiegħu l-kera tal-għarfien (recognition rent) lill-Gvern. Is-sidien li kellhom proprjeta` meħuda b'dan il-mod qegħdin jiġu mħajjra jagħmlu dan.
Leg 9 PQ #7392 Sitting 113 1999-06-01 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru ta' l-Intern

Parkers

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra: (a) jekk hemmx liċenzji apposta għall-parkers; (b) jekk dawn l-istess parkers għandhomx ikollhom uniformi; (c) fejn hemm f'Malta u Għawdex allokati parkers; (d) jekk l-istess parkers għandhomx id-dritt li jitolbu flus minn min juża open parking spaces u jekk iva kemm; (e) jekk quddiem il-Ferries f'Tas-Sliema hemmx parker allokat u jekk dan jitħallasx mill-gvern/kunsill lokali jew lew; (f) jekk il-liċenzja ta' parker tistax tiġi trasferita jew tintiret?

Response (BORG, TONIO)

Dwar il-partitijiet (a), (b), (c), (d) u (f) tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġibiet mogħtija għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 1788 u 6648. Dwar il-parti (e) ninsab infurmat illi hemm żewġ persuni li għandhom liċenzja ta' attendants fil-car park tal-Ferries.