B'riferenza għall-petition number PL 2186 li qed tintbagħat separatament u l-mistoqsija parlamentari numru 19347, peress li minkejja r-risposta tiegħu, il-caterer xorta waħda qed iżarma bil-lejl fost ħafna storbju b'inkonvenjent kbir għar-residenti, peress li bl-istruttura preżenti, il-ħatt jista' jsir minn Triq il-Mediterran u peress l-mużika xorta waħda qed tibqa' għaddejja wara l-11.00 p.m., jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex dan l-inkonvenjent jinqata' darba għal dejjem?
Response (GALEA, LOUIS)
Għaddejt dan l-ilment lill-Bord tal-Mediterranean Conference Centre u qed nistenna reazzjoni mingħandhom.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 21603?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li skond l-awtoritajiet ta' l-Iskola F.X. Attard, Marsa la hemm ħmieġ, la hemm toilets imkissrin u lanqas ġrieden fl-iskola kif allegatament ġie rrapurtat.
Issa li s-Segretarju Parlamentari ħabbar li fi ftit jiem oħra se jibda l-iskavar għal kumpless sportiv ġdid f'Bormla, jista' jgħid x'arranġamenti saru mal-Pulizija biex jkun hemm sigurta' sħiħa għat-tfal ta' tlett skejjel kbar li jinstabu fil-viċin?
Peress li minħabba n-natura tax-xogħol jintużaw trakkijiet kbar u inġenji oħra, kif se jiġi żgurat li ma jkunx hemm periklu għall-istudenti li jattendu l-iskejjel Gużeppi Despott, De La Salle u St. Edward's?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol fuq il-Kumpless sportiv tal-Kottonera se jsir ġewwa 'enclosed area'. Diġa' ttieħdu l-passi kollha neċessarji sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm ebda periklu għat-tfal tat-tlett skejjel li hemm fil-viċin.
Jista’ l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-Gvern dwar il-kuntratt definit?
Jaf li hemm għalliem kwalifikati biex jgħallmu l-Ingliz lill-barranin li għandhom kuntratt definit li jiġġedded kull sena?
Jaf li hemm minn dawn l-għalliema li ilhom impjegati fuq bażi fulltime iżda fuq kuntratt definit ta' sena għal aktar minn għaxar (10) snin?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex niġbor l-informazzjoni meħtieġa, nagħti tweġiba f'xi Seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 21506?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'kull sena fil-kors tal-farmaċija kien hemm dawn l-istudenti:
Sena Numru ta' studenti Daħlu fl-ewwel sena
Ottubru 2001
1 77 --
2 45 58
3 23 36
4 37 46
5 28 28
It-tagħrif l-ieħor qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 21508?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li peress li d-Dipartiment tal-Farmaċija huwa wieħed mill-ftit li ma jitlobx grad għola mill-minimu biex tista' tidħol fl-Universita`, dan hu l-inqas entry requirements li tista' tidħol bihom fl-Universita`.
Iva informat li l-kap jaħseb li jridu jinbidlu u qed jittieħdu passi biex mill-kors li jibda f'Ottubru 2001, l-entry requirements se jkunu għola. Il-Kap tad-Dipartiment tal-Farmaċija ikkonsulta ma min hu kkonċernat fosthom l-istaff akkademiku qabel ma ressaq ir-rakkomandazzjonijiet lil Faculty Board.
Ilu kap tad-dipartiment għal dawn l-aħħar tnax-il sena.
L-entry requirement inbidlu darbtejn.
Il-Faculty Board tal-Mediċina u l-Kirurġija irrikkmanda dawn it-tibdiliet fl-entry requirements biex fil-farmaċija ikunu jistgħu jidħlu studenti li għalkemm m'għandhomx A level f'ċerti suġġetti eg. fil-Fiżika iżda għandhom kapaċitajiet adattati oħra, bħal fil-matematika, ikunu jistgħu jingħataw l-opportunita` biex isegwu l-kors tal-farmaċija. Tibdil fir-regoli tal-MATSEC u żviluppi fi rwol ta' l-ispiżjara u l-kurrikulum ukoll ittieħdu in konsiderazzjoni.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 21510?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kap tad-Dipartiment tal-farmaċija ma jitlifx okkażjoni biex iwassal x'inhi l-funzjoni ta' l-ispiżjar fis-soċjeta` ta' llum kemm permezz tal-media kif ukoll billi dejjem laqa' għandu jew għand l-istaff tiegħu lil kulħadd inklużi counsellors biex jippromwuovi li ssir għażla tajba tal-karriera.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, il-kap irrifera għat-tweġiba ta' l-istudenti għall-mistoqsija ta' x'jixtiequ jagħmlu meta jispiċċaw il-kors.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 21513?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kap jikkonstata li meta n-numru ta' l-istudenti jiżdied f'daqqa jkun hemm domanda aktar fuq ir-riżorsi kollha ta' kull dipartiment. Il-Kap tad-Dipartiment tal-Farmaċija kien qed jalludi għar-riżorsi kollha li jinkludu affarijiet anke bħal spazju.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 21516?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kap tad-dipartiment ressaq talba ta' Lm576,543 għas-sena 2000/1.
Din in-nefqa tkopri s-salarji ta' l-istaff propost akkademiku u mhux akkademiku, general expenses, riċerka u equipment.
Jista' l-Ministru jgħid xi pjani hemm biex jitjiebu u jiżdiedu l-faċilitajiet għall-istudenti u għalliema ta' l-iskola sekondarja ogħla Giovanni Curmi tan-Naxxar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Iskola Sekondarja Ogħla Giovanni Curmi ingħatawlha żewġ kmamar oħra biex jintużaw bħala klassijiet. Xi wħud mit-toilets diġa` ġew refurbished. Ix-xogħol qiegħed ikompli.
Ta' min wieħed ifakkar li f'din l-iskola matul dawn l-aħħar twettqu għadd ta' proġetti li permezz tagħhom għandha wħud mill-aħjar faċilitajiet għat-tagħlim fil-livell avvanzat.
Barra minn dan, tkabbru l-grounds madwar l-iskola b'mod li llum għandha belveder mill-isbaħ.
B'danakollu, id-Dipartiment għall-Edukazzjoni Għolja tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni qed iħejji pjanijiet biex din l-iskola jkollha l-ispazju u l-faċilitajiet meħtieġa biex tlaħħaq mad-domanda ta' l-istudenti.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 21505?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kap tad-Dipartiment tal-Farmaċija jsostli li bbaża dan il-kumment fuq l-esperjenza tiegħu ta' 'l fuq aktar minn 30 sena fil-farmaċija u wkoll fuq studji li jsiru minn żmien għal żmien fuq x'jagħmlu l-gradwati tal-farmaċija wara li jiggradwaw. L-istess kap jirriserva l-pożizzjoni billi jsostnili dan jgħodd biss għal ċirkostanzi preżenti u jista' jkun li żviluppi 'l quddiem ikunu jirrikjedu numru akbar.
Jikkonferma l-Ministru li l-klassijiet kollha fil-junior lyceum ta' Santa Luċija huma kollha mingħajr ventilaturi? Jaħseb li din hija ħaġa tajba?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-klassijiet fil-Junior Lyceum ta' Santa Luċija għandhom ventilazzjoni apposta fit-twieqi li tista' tinfetaħ ukoll fix-xitwa. Meta l-klima tkun sħuna, il-ventilazzjoni tiġi aktar faċilitata permezz tal-fannijiet li hemm fil-klassijiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'attivitajiet ġew organizzati din is-sena skolastika s'issa mill-Ministeru, mid-diviżjoni ta' l-edukazjzoni jew minn xi struttura li taqa' taħthom li kellhom x'jaqsmu mal-kurrikulu nazzjonali l-ġdid? X'kienu dawn l-attivitajiet? X'temi kellhom? Meta ġew organizzati? Min kien mistieden għal dawn l-attivitajiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Ġew organizzati bosta attivitajiet bi tħejjija għall-implimentazzjoni tal-Kurrikulu Nazzjonali. L-aktar li kellhom x’jaqsmu kienu ma' taħriġ. Dawn li ġejjin huma l-attivitajiet prinċipali:
1. Numru ta’ korsijiet ta’ taħriġ li saru bejn fil-15, 18 u 19 ta’
Settembru 2000.
2. Bejn il-25 u d-29 ta’ Settembru 2000 sar taħriġ professjonali
għall-Uffiċjali Edukattivi tad-Dipartiment tal-Kurrikulu dwar
ir-rwol tagħhom f’din il-fażi ta’ implimentazzjoni.
3. Mill-bidu ta’ Ottubru beda taħriġ kull ġimgħa tal-għalliema
tal-PSE dwar l-introduzzjoni tal-PSE fil-Primarji u dwar l-
introduzzjoni tat- ‘Thinking Skills’. Fl-20 ta’ Novembru ltaqa’
magħhom Prof. Edward Debono.
4. F’Ottubru saret l-ewwel laqgħa għall-Kapijiet ta’ tlettax il-Skola
Primarja skond l-iżvilupp maħsub tal-‘Literacy Programme’.
5. Bdiet ukoll l-ewwel fażi ta’ proġett ta’ taħriġ fil-‘Leadership Skills’
għall-Kapijiet tal-iskejjel. Dan il-proġett għandu tlett fażijiet u
huwa ‘on-going’.
6. Bejn is-16 u l-20 ta’ Ottubru sar taħriġ professjonali dwar l-
Assessjar u l-Kurrikulu Nazzjonali għall-Ufficjali Edukattivi
tad-Dipartiment tal-Kurrikulu.
7. Bejn is-6 u l-10 ta’ Novembru sar taħriġ f’ metodoloġiji għall-
edukazzjoni fl-ewwel snin.
8. Bejn it-13 u l-24 ta’ Novembru sar taħriġ għall-Kapijiet fuq
“School Based Curriculum Development.”
9. Numru ta’ laqgħat fl-iskejjel statali u tal-Knisja.
10.Inizzjattivi dwar il-Proġetti tal-‘Let Me Learn’, “Profiling and
Portfolios’, ‘Technology Education’ u ‘ Co-ordinated Science’.
L-Assoċjazzjoni Kunsilli ta' l-Iskejjel organizza attivitajiet li kellhom x'jaqsmu mas-sensibilizzazzjoni tal-ġenituri fosthom:
1. Korsijiet li jagħtu informazzjoni iżda wkoll ikabbru il-ħiliet ta' tmexxija, ta' komunikazzjoni u mezzi biex tirrisolvi konflitti. B'dawn qed isaħħu l-ġenituri f'sehem pro-attiv fl-edukazzjoni ta' wliedhom u fit-tmexxija ta' l-iskejjel.
2. Saru diversi laqgħat dwar is-sehem pro-attiv tal-ġenituri f'diversi skejjel u parroċċi.
Informat ukoll li ġew organizzati wkoll dawn l-attivitajiet li kienu kkoordinati mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni:
1. Programmi fuq il-mezzi tax-xandir sabiex jintlaħqu aktar nies - li jinkludu:
a) Sensiela ta' tnejn u tletin programm ta' bejn 20 u 30 minuta kull wieħed fuq il-PBS.
b) Sensiela ta' tlettax-il programm ta' 15-il minuta fuq NET.
c) Tlettax-il programm li jinvolvu skejjel sekondarji fuq l-RTK .
d) Sensiela ta' programmi dwar il-Kurrikulu fuq ir-radju Voice of the Mediterranean.
e) Qegħdin jinħadmu 13-il programm ieħor.
2. Bosta sessjonijiet ta' tħejjija ta' dokument saru min-National Steering Committee on the Implementation of the National Curriculum. Id-dokument huwa pjan strateġiku b'targets u bi gwida għall-iSkejjel u għal istituzzjonijiet oħra dwar x'inhu mistenni fit-twettiq tal-Kurrikulu Nazzjonali. Huwa maħsub li it-target jintlaħqu fuq firxa ta' erbgħa snin sa Ottubr 2004 - kull skola tilħaqhom b'ritmu tagħha u b-emfasi relattiv għall-bżonnijiet speċjali ta' l-iskola stess.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti li daħlu għal kors tal-liġi din is-sena? B'liema kwalifiki daħlu? Kemm hemm minnhom barrani u b'liema kwalifiki ġew aċċettati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' studenti li daħlu għal kors tal-Liġi din is-sena kien ta' 140. L-istudenti kollha ġew ammessi għax jissodisfaw ir-regolamenti tal-kors u r-regolamenti tad-dħul fl-Universita`. Dawn kienu jinkludu 5 li daħlu bħala studenti bi prova (probationary) u 30 li daħlu bħala studenti maturi. Kien hemm 4 studenti barranin li ġew aċċettati meta kien stabbilit li l-kwalifiki li għandhom jistgħu jkunu meqjusa ekwivalenti għal kwalifiki speċjalment rikjesti mir-regolamenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li applikaw biex jimlew il-post ta' segretarju eżekuttiv ta' l-EUPU? Min kienu dawn il-persuni? Xi kwalifiki kellhom? Min intgħażel? B'liema mod? B'liema kriterji? B'liema kwalifiki?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li t-tagħrif ma laħaqx wasalli, nagħti tweġiba f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm iltaqa' s'issa l-working group li twaqqaf biex jistudja s-sitwazzjoni li nħolqot meta l-Kulleġġ Santu Wistin keċċa student għax irrepeta iżjed minn darba?
Meta huwa maħsub li jlesti x-xogħol tiegħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-working group s'issa ma setgħax jiltaqa' għaliex għadu mhux kompost minħabba n-nuqqas ta' nomina tar-rappreżentanti ta' l-iskejjel tal-Knisja.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Gvern hux qiegħed jikkonsidra xi tibdiliet fil-ħinijet tax-xogħol ta' l-għalliema u l-vaganzi tagħhom?
Jekk fl-affermattiv, fejn waslet din il-konsiderazzjoni?
Jista' l-Ministru jispjega x'inhi s-sistema tal-portofolios ta' l-għalliema u jagħti assessment ta' kif qed titħaddem?
X'diffikultajiet qegħdin jinqalgħu?
Response (GALEA, LOUIS)
Mhux ċar għal-liema portoflios u assessment qed jirreferi l-Onor. Membru. Napprezza jekk jiċċara hux qed jirreferi għal dawn iż-żewġ suġġetti b'riferenza għall-implimentazzjoni tal-Kurrikulu Nazzjoali jew għal xi settur ieħor konness ma' l-Universita`.
Jista' l-Ministru jgħid x'diffikultajiet hemm biex il-Fakulta' ta' l-Arkitettura fl-Universita' tadotta l-kors tagħha fuq linja ta' credit system? X'xogħol sar s'issa f'din id-direzzjoni u meta huwa maħsub li tiddaħħal il-credit system?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Senat ta' l-Universita` qiegħed iħejji linji ta' gwida biex il-korsijiet kollha ta' kull fakulta` jimxu fuq l-istess linji, u kull kors ikun fuq credit system, għalkemm mhux dik kif inhi fil-preżent, iżda modifikata biex tneħħi xi anomaliji li hemm f'dik preżenti. Il-Fakulta` ta' l-Arkitettura u Inġinerija Ċivili qiegħda tħejji course structure ġdid, li hu maħsub li tibda titħaddem mis-sena akkademika li jmiss. Din l-isturttura l-ġdida se titmexxa fuq il-linji ta' gwida kif stabbilit mis-Senat, u b'hekk il-kors ta' l-Arkitettura jkun konformi mal-korsijiet l-oħra ta' l-Universita`.