Jista' l-Ministru jara li r-Roads Department jagħmel Triq il-Batterija Taż-Żonqor, f'Wied il-Għajn li minkejja li hi ferm abitata għadha fi stat ħażin ħafna? Possibbli li għallinqas issir il-bankina f'din it-triq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Għaddejt is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant lid-Dipartiment tat-Toroq biex jiġi kkunsidrat. Nixtieq inżid li bħalissa d-Dipartiment qed iħejji pjan nazzjonali għal asfaltar ta` toroq f`żoni residenzjali li qatt ma kienu asfaltati u dawn it-toroq ġew inklużi fil-programm.
Ministeru għat-Trasport u Portijiet — Delegazzjonijiet
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il delegazzjoni mill-ministeru, segretarju parlamentari meta jagħti l-każ u mid-dipartiment governattivi li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu żaret pajjiżi barra minn Malta minn Ottubru 1998 sal-lum? Minn min kienu magħmula d-delegazzjonijiet msemmija? Fuq liema xogħol attendiet kull delegazzjoni? Kemm swiet l-ispiża ta' kull delegazzjoni?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru ġentilment jikkonferma jekk Triq San Duminku, f'Ħaż-Żabbar hijiex fil-lista tat-toroq li se jiġu rranġati minħabba li tinsab fi stat ħażin ħafna u hi ferm abitata?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-triq imsemmija hija diġa asfaltata u r-`resurfacing` tagħha jrid isir mill-Kunsill.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' karozzi reġistrati li għandhom 'il fuq minn 5, 10, 15, 20, 25, 30, 35 u 40 sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-karozzi rreġistrati f`Malta li għandhom is-snin indikati hawn taħt huma:
inqas minn 5 snin 35,780
minn 5 snin sa 10 snin 48,101
minn 10 snin sa 15 il-sena 28,512
minn 15 il-sena sa 20 sena 20,666
minn 20 sena sa 25 sena 16,324
minn 25 sena sa 30 sena 18,088
minn 30 sena sa 35 sena 10,184
minn 35 sena sa 40 sena 4,684
`l fuq minn 40 sena 2,991
Dan in-numru ma jinkludix informazzjoni dwar vetturi kummerċjali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' karozzi privati li ġew garaged jew scrapped mill-1993 sal-lum, sena b'sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Liċenzji u Testijiet ma jżommx statistika tan-numri ta` vetturi li ġew `garaged` jew `scrapped` skond il-kategorija tal-vettura. Għalhekk qed tingħata l-informazzjoni bbażata fuq il-vetturi kollha.
SENA `GARAGED` `SCRAPPED`
1993 - 2,261
1994 1,463 1,641
1995 2,088 1,761
1996 3,683 2,224
1997 7,959 2,480
1998 4,110 3,599
Id-Dipartiment m`għandux statistika ta` kemm kien hemm vetturi `garaged` fl-1993.
Jista' l-Ministru jara x'inhi l-possibbilta' li fi Triq Santa Tereża, Bormla quddiem il-Knisja ta' Santa Tereża isir xi tip ta' pedestrian crossing bħal zebra crossing jew xi traffic lights?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jara x`jista jsir.
Jikkonsidra l-Ministru li l-biċċa art kollha ħamrija li hemm fil-kantuniera bejn Triq Kaħwila u Triq Katerina Vitale f'Santa Luċija ssir parking space sabiex il-mini vans tat-tfal tal-Junior Lyceum ta' Margaret Mortimer f'Santa Lucija jkollhom fejn jipparkjaw? Jista' jsir l-istess bil-biċċa art mhux mibnija, proprjeta' tal-Gvern li hemm bejn Triq Kaħwila u Triq l-Istefanotis ġewwa Santa Luċija?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-proġett qiegħed jitmexxa mid-Dipartiment ta` l-Edukazzjoni. L-Onor. Interpellant hu mitlub li jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' xogħlijiet iridu jsiru fil-Ponta taċ-Ċirkewwa u/jew l-Imġarr biex dawn jitranġaw ħalli jsiru aktar adattati kemm għall-użu tal-passiġġieri kif ukoll biex fihom jitrakkaw il-vapuri tal-Gozo Channel il-ġodda li s'issa għadhom qed jinbnew? Meta se jibda x-xogħol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li sal-lum l-Awtorita ta` l-ippjanar qatt ma ħarġet permessi għax-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant. Bħalissa għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet meħtiega biex joħorġu l-permessi neċessarji u jkun jista` jinbeda x-xogħol meħtieġ.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-karozzi u vejikoli tal-gvern, pulizija u Armata humiex se jkollhom joqogħdu għal vehicle road test bħal karozzi u vejikoli tal-privat?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-vetturi kollha li huma wżati mill-gvern, pulizija u armata ser ikollhom joqogħdu għall-VRT.
B'riferenza għall-aħħar parti tat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 5010, jista' l-Ministru jgħid x'jiġri kemm-il darba vettura tkun għaddiet mill-VRT jirriżultalha ħsara sussegwentement ikkawżata minn xi ħofor jew stat ħażin tat-toroq? X'ikun ir-rimedju taċ-ċittadin kontra l-awtoritajiet f'tali każijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-każ ipotetiku mqajjem minnu jaqa` fl-ambitu` tal-Kodiċi Ċivili li jistabilixxi il-proċeduri u r-rimedji kollha li jistgħu japplikaw.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna applikat sabiex jimtela' l-post ta' direttur tat-toroq? Min huma l-applikanti u f'liema grad qegħdin ilum?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li applikazzjonijiet bħal din jirċevuhom fl-Uffiċċju tal-Management Personnel Office. Għalhekk din il-mistoqsija għandha ssir lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid liema kuntrattur qiegħed jagħmel ix-xogħol ta' surfacing f'Baħar iċ-Ċagħaq? F'kemm il-fażi jikkonsisti dan is-surfacing u kemm hu l-valur ta' kull fażi? X'differenza hemm fil-valur tax-xogħol kif qiegħed isir issa meta mqabbel ma' surfacing b'mod tradizzjonali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-trials li qed isiru s-Salina qed isiru mir-Roads Group li essenzjalment jinkludi l-maġġorparti tal-kuntratturi li jaħdmu fit-toroq.
Ix-xogħol qed isir taħt kuntratt li jiswa Lm49,000.
Il-fażijiet tal-kostruzzjoni ma jinkludux biss is-surfacing iżda jinkludu ukoll it-tneħħija tal-wiċċ l-antik, ir-recompaction u t-tqegħied tal-base u wearing courses.
L-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-mistoqsija tkun tista` tingħata wara li t-trials jiġu analiżżati f`diskussjonijiet bejn d-Dipartiment tat-Toroq, il-konsulenti Ġermaniżi u l-kuntratturi li jagħmlu dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-periti u technical officers li ippreparaw id-disinji u qegħdin jieħdu ħsieb ix-xogħol ta' Mosta Road, San Pawl il-Baħar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol qiegħed jiġi koordinat mill-Kunsill Lokali.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 4654, jista' l-Ministru jikkonferma li d-Dipartiment tat-Toroq jaħdem bi pjan u b'targets? Jekk iva, jista' jindika l-perjodu meta huwa ppjanat li jinbeda dan ix-xogħol fi Triq San Ġwakkin? Ma jidhirlux il-Ministru li r-residenti ta' Triq San Ġwakkin għandhom id-dritt li jkunu jafu meta se jiġu solvuti l-problemi li ilhom jiffaċċjaw snin kbar?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq qiegħed jaħdem biex jitfassal pjan ta` azzjoni biex ir-riżorsi disponibbli jkunu jistgħu jitqassmu b`mod li l-pjan jitwettaq.
Meta dan il-pjan ikun lest ikun possibbli li l-pubbliku nġenerali jinżamm aġġornat dwar kull triq x`jinħtieġ isir fihom u kif il-problemi li jkun hemm jistgħu jiġu riżolti.
Jista' l-Ministru jgħid: 1) meta d-DCA aċċetta s-sistema tar-radar ġdid li kienet ġiet installata fiċ-ċentru l-ġdid tal-kontroll ta' l-ajru f'Ħal Luqa; 2) meta kienet id-data li d-DCA kien ippreparat li jibda juża "in full operation" din is-sistema, qabel ma ħadu l-operat ta' l-ajruport l-MIA; u 3) x'passi ħa d-DCA biex jara għaliex din is-sistema baqgħet ma ntużatx?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li s-sistema tar-Radar il-ġdid ġie aċċettat mid-Dipartiment ta` l-Avjazzjoni Ċivili fl-25 ta` Frar 1998. F`din id-data intlaħaq ftehim mal-kuntrattur biex problemi żgħar jiġu solvuti sa l-aħħar ta` April 1998 u wara din id-data jibda t-taħriġ tal-kontrollur ta` l-ajru dwar l-użu ta` sistema. Dan it-taħriġ kien mistenni li jdum madwar tlett xhur.
Fl-1 ta` Mejju 1998 Malta International Airport plc ħadet responsabilita ta` l-operat kollu tal-ajruport li jinkludi wkoll l-operat ta` sistema ta` Radar ġdid.
Id-Dipartiment ta` l-Avjazzjoni Civili m`għandux tagħrif dwar l-bidu ta` l-operat ta` din is-sistema u lanqas dwar xi diffikultajiet dwar l-użu tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid: 1) kemm ġew irrapportati "near air misles" fl-ispazju ta' l-ajru Malti mill-1 ta' Mejju, 1998 sa l-aħħar ta' Frar, 1999 lir-Regolatur, id-DCA; 2) f'liema dati ġraw dawn l-inċidenti; u 3) x'kien ir-riżultat ta' l-investigazzjonijiet li għamel id-DCA fuq kull każ, jekk saru xi investigazzjonijiet?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bejn l-ewwel ta` Mejju 1998 u l-aħħar ta` Frar ta` 1999, id-Dipartiment ta` l-Avjazzjoni Ċivili rċieva rapport wieħed ta` `air miss`. Dan ġara fl-24 ta` Diċembru 1998 u jinsab taħt investigazzjoni.
Wara li f'dawn l-aħħar snin fi Triq Sant'Anna u fi Triq il-Blata f'Ħal Tarxien kienu twaħħlu xi sleeping policemen, peress li dawn kienu żewġ toroq dojoq u spiss jgħaddu minnhom ħafna karozzi, jista' l-Ministru jgħid għaliex dawn is-sleeping policemen inqalgħu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Ninsab infurmat illi l-`humps` tneħħew fuq struzzjonijiet tal-Bord tal-Kontroll tat-Traffiku li aġixxa b`konsultazzjoni mal-Kunsill peress li dawn kienu saru bla awtoriżżazzjoni u lanqas kienu mibnija kif suppost.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-kuntratturi li tefgħu l-offerta tad-Dipartiment tat-Toroq għall-kiri ta' karozzi self-drive? Kemm kienet l-offerta ta' kull wieħed minnhom? Kemm hu l-ammont ta' karozzi li jridu jinkrew?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ntefgħet offerta waħda minn `Sterling Car Hire`, li kienet tkopri kiri u manutenzjoni ta` disa karozzi, sitta normali u tlieta ta` `standard` aħjar, bil-prezz ta` Lm4.95 u Lm6.50 kuljum rispettivament.
Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk l-uffiċjali tad-Dipartiment tat-Toroq li mill-1 ta' Jannar, 1999 qegħdin jużaw il-karozzi tagħhom biex joħorġu fuq ix-xogħlijiet? X'inhi r-raġuni għaliex dawn l-uffiċjali qegħdin jitħallew jagħmlu hekk? X'tip ta' kumpens qegħdin jingħataw dawn l-uffiċjali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f`xi seduta oħra.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari numru 5129, jista' l-Ministru jagħti aktar tagħrif dwar ix-xogħlijiet li se jsiru fis-Salina bħala parti mir-road restoration works matul din is-sena u li għalihom ġiet stmata nefqa ta' Lm2,000,000?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress li t-`trials` fis-Salina għadhom kif bdew, il-konsulenti Ġermaniżi għadhom ma għamlux ir-rakomandazzjonijiet tagħhom dwar kif ix-xogħol f`din il-lokalita` għandu jsir.
Malli jitlestew dawn it-`trials`, id-Dipartiment ikun f`pożizzjoni li jagħti aktar informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant.