Legislature:
Category:
Reset
Active:

Awtorità tad-Djar – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara l-każ tal-familja, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, peress li r-residenza tagħha fiha ħsara fis-soqfa u jidħol l-ilma mill-aperturi meta tagħmel ix-xita?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar qabdet Perit sabiex jieħu ħsieb jipprepara applikazzjoni għall-MEPA għat-tiswijiet u restawr tal-bini li minnu jifforma parti l-fond imsemmi.

Iż-Żurrieq – night shelter

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Gvern għandux pjan li jiftaħ night shelter fil-lokalità taż-Żurrieq għar-residenti ta' din il-lokalità li preżentament għandha popolazzjoni ta' 16,000-il ruħ, u għal dawk il-lokalitajiet tal-madwar? Jekk fl-affermattiv, fiex wasal il-proċess biex dan in-night shelter attwalment jinfetaħ? Meta hemm il-ħsieb li dan in-night shelter jibda jopera u jkun jista’ jintuża miż-Żrieraq u nies oħra tal-lokalitajiet tal-madwar?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent m’hemmx pjanijiet li jinfetħu Night Shelters fiż-Żurrieq.

Sigurtà Soċjali — każ ta' individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara għaliex il-persuna, li d-dettalji dwarha qegħdin jintbagħtu separatament, mhix tirċievi l-benefiċċji tar-relief u taċ-children’s allowance?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant biex jagħti aktar dettalji dwar il-persuna msemmija.

Home Help — Talbiet pendenti

Question

Tista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu, lokal lokal, in-numru ta' persuni li qed jingħataw il-home help f'kull lokalità tas-7, 9 u t-12-il distrett elettorali? Kemm hu f'kull każ in-numru ta' persuni f'dawn l-istess lokalitajiet li għandhom talba pendenti biex jingħataw dan is-servizz

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-mejda tal-kamra.

Birkirkara — dar għall-anzjani

Question

Peress li l-Kunsill Lokali ta’ Birkirkara kien diġà lesta l-pjanti biex tinbena dar għall-anzjani fi Triq Ġanu f’Birkirkara, tista’ l-Ministru tgħid x’inhi l-policy tal-Ministeru f’dan ir-rigward u jekk hemmx il-ħsieb li din id-dar tinbena kif kien pjanat?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-onorevoli interpellant li bħalissa qiegħda tiġi proċessata l-espressjoni ta’ interess li ħareġ il-Gvern biex investituri fis-settur privat jipprovdu faċilitajiet għal anzjani li jkunu jeħtieġu kura fit-tul. Dan il-proċess għadu għaddej u għandu jwassal biex jintgħażlu dawk il-proposti li joffru l-aqwa servizz lill-anzjani li jkunu jeħtieġu din il-kura, bl-aħjar prezzijiet u fl-iqsar żmien possibbli.

Night shelters għall-anzjani

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-politika tal-Gvern rigward in-night shelters għall-anzjani?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-politika soċjali tal-Gvern hi li jkompli jsaħħaħ il-qafas tan-night shelters għall-anzjani kif ukoll li jiżgura li iżjed lokalitajiet igawdu minn dan is-servizz.

Birkirkara — night shelter

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemm il-ħsieb li jinfetaħ night shelter għall-anzjani f'Birkirkara jew fil-viċinanzi?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li l-Gvern qiegħed jevalwa għadd ta’ proposti dwar night shelters minn lokalitajiet differenti għall-anzjani. Iċ-ċentru ta’ Malta hija żona fejn għal raġunijiet ovji ilha tinħass il-ħtieġa ta’ iżjed servizzi b’saħħithom għall-anzjani.

Djar tal-Anzjani – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara l-każ tal-anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament peress li applika biex jidħol f’dar tal-anzjani imma s’issa għadu bla risposta?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Il-persuna msemmija applikat biex tidħol ġewwa dar tal-anzjani fis 26 t’Awwissu 2013. Il-persuna qed tingħata kura ta’ rihabilitazzjoni ġewwa Karen Grech.

Awtorità tad-Djar – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara l-każ tas-sinjur li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament peress li għadu bla risposta min-naħa tal-Awtorità tad-Djar?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jispeċifika x’inhi t-talba li s-Sinjur qed jagħmel lill-Awtorità tad-Djar.

Awtorità tad-Djar – sussidju — każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara l-każ tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament peress li applikat għal sussidju mal-Awtorità tad-Djar imma s’issa għadha bla risposta?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferri għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari numru 3996 f’seduta 59.

Il-Mellieħa — Dar tal-Anzjani – ħaddiema trasferiti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk ħarġux transfers ta’ ħaddiema mid-Dar tal-Anzjani tal-Mellieħa? Jekk iva, meta u kemm? X'inhu l-grad tal-ħaddiema trasferiti jekk dan hu l-każ?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Iż-Żejtun — Dar tal-Anzjani – żieda ta' sodod

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk minn wara l-elezzjoni ’l hawn żdidux is-sodod fid-Dar tal-Anzjani taż-Żejtun? Jekk iva dawn żdiedu billi kmamar two bedded issa ġew three bedded?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ sodod fid-Dar taż-Żejtun ma żdidux minn wara l-elezzjoni ‘l hawn.

Pensjoni – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara l-każ tal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, peress li spiċċa bla pensjoni minkejja li ħadem Malta u anke l-Ingilterra?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-persuna ndikata minnu giet infurmata bil-miktub dwar il-każ tagħha u d-Dipartiment għadu qed jistenna tweġiba għall-ittri li ntbaghtulhom biex jagħti aktar informazzjoni dwar il-qliegħ tiegħu.

Awtorità tad-Djar – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tara l-każ ta’ anzjana li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament peress li se tiġi mkeċċija minn darha?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-Sinjur m’għandux applikazzjoni għall-akkommodazzjoni alternattiva. Sa dan ittant il-Customer Care se jaghmlu kuntatt miegħu sabiex jiggwidawh biex japplika għall-post bil-kera.

Skema għax-xiri ta’ residenzi – każ ta’ individwu

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta se toħroġ l-iskema li tippermetti lil dan is-sid, li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jixtri d-dar tiegħu?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Awtorità tad-Djar tinsab għaddejja minn proċess ta’ diskussjonijiet sabiex jiġi deċiż il-ħruġ ta’ skema għax-xiri ta’ residenzi mikrija minnha jew mingħand il-Gvern, u l-kunizzjonijiet relatati ma’ din l-iskema. Meta din tiġi ppublikata, l-inkwilin ġentilment mitlub jirrikorri l-Customer Care sabiex jara jekk jikkwalifikax min dawn il-kundizzjonijiet.

Ministeru għall-Familja u Solidarjetà Soċjali — ħlas lil kumpanija

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-Ministeru għamilx xi tip ta’ ħlas lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpallant li ma saru l-ebda hlasijiet matul is-snin 2012 u 2013.

Residenza San Vinċenz de Paul — residenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm iddaħħlu anzjani fir-Residenza San Vinċenz de Paul minn Marzu 2013 ’l hawn? Tista’ tagħti l-lista minn fejn idaħħlu dawn l-anzjani, jekk hux mill-Isptar Karin Grech, mill-Isptar Mater Dei jew inkella mill-komunità?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bejn Marzu 2013 sal-lum dahlu mitejn (200) resident. Minn dawn mija u tnejn (102) mara u tmienja u disgħin (98) ragel. Qed npoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni li talab l-Interpellant.

Residenza San Vinċenz de Paul — residenti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid fejn kienet toqgħod (fejn kienet reġistrata l-id card tagħha) kull persuna li daħlet fir-Residenza San Vinċenz de Paul minn wara l-elezzjoni ’l hawn?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferri għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 4429.

Residenza San Vinċenz de Paul — overtime

Question

Tista’ l-Ministru tagħti lista ta’ overtime li sar fir-Residenza San Vinċenz De Paul tul April, Mejju, Ġunju, Lulju, Awwissu u Settembru, xahar b’xahar? Tista’ tagħti breakdown tat-taqsimiet, wards u units fejn sar dan l-overtime f’dan il-perijodu?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

L-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Dipartiment tal-Anzjani — sejħa għall-impjegati biex jagħmlu xogħol klerikali

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk ħarġitx sejħa għall-impjegati li jaħdmu fi skala 17 jew inqas mad-Dipartiment tal-Anzjani biex jagħmlu xogħol kerikali? Social assistants li diġà qed jagħmlu xogħol klerikali jridu jerġgħu japplikaw?

Response (LOUISE COLEIRO PRECA, MARIE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li nħarġet sejħa għall-impjegati biex jimlew postijiet ta’ xogħol klerikali fejn ikun meħtieġ. Dawk is-Social Assistants li diġà qed jagħmlu dan ix-xogħol jistgħu japplikaw jekk juru interess, iżda dan mhux mandatorju.