Heritage Malta – top management – kuntratt tat-telefon ċellulari
Question
Jista' l-Ministru jgħidilna x'kienu l-kriterji li fuqhom tqassam il-credit tal-kuntratt tat-telefon ċellulari lit-top management ta' Heritage Malta. Jista' wkoll il-Ministru jikkonferma li dan il-credit ma tqassamx b'mod ugwali bejniethom u li kien hemm min ħa benefiċċju/i iktar minn ħaddieħor?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-communication allowance tat-top management kif ukoll tal-gradi tal-management hija waħda fissa skond il-kuntratt tal-impieg. Fi gradi oħra il-kreditu tqassam b’mod li jirrifletti il-grad tal-impjegat. Kull impjegat ħa l-istess kreditu skond il-grad tiegħu fuq bażi pro-rata skond il-ħinijiet li jaħdem.
Jista' l-Ministru jgħidilna kif Heritage Malta qiegħda tuża l-ispazju tal-kafetterija ġewwa ċ-ċentru tal-viżitaturi ta' Ħaġar Qim?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-imsemmi spazju qed jiġi użat bħala sala multi-purpose għal attivitajiet edukattivi, laqgħat u seminars, kif ukoll tinkera għal attivitajiet privati
Heritage Malta – Forti San’Iermu u Forti Sant’Anġlu — użu tal-ilma tal-bjar
Question
Jista' l-Ministru jgħidilna kif Heritage Malta qiegħda tagħmel użu tal-ilma tal-bjar ġewwa l-Forti Sant'Iermu, u l-Forti Sant'Anġlu? Jista' jgħidilna wkoll jekk Heritage Malta għandhiex policy dwar l-użu ta' din ir-riżorsa (fejn applikabli) u jekk hemmx fondi allokati sabiex jista’ jsir investiment fuq l-użu tal-ilma tal-bjar?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li bħala parti mill-proġetti ko-finanzjati mill-UE għaż-żewġ siti msemmija, il-ġibjuni u l-bjar qed jiġu investigati u msewwija sabiex l-ilma tagħhom jintuża għat-tisqija, għall-ifflaxxjar tat-toilets u anki għat-tifi tan-nar skont il-bżonn.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-uffiċċji tal-Kunsilli Lokali kollha f'Malta u Għawdex huma aċċessibbli għal kulħadd? Jista' jelenka dawk l-uffiċċji tal-kunsilli lokali li mhumiex aċċessibbli? Jista' jgħid kif se jgħin lil dawn il-kunsilli lokali jkollhom l-uffiċċji tagħhom għadu mhux aċċessibli għal kulħadd?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li hawn 53 uffiċċji tal-Kunsilli Lokali (43 f'Malta u 10 f’Għawdex) li huma aċċessibbli għal kulħadd.
15 –il uffiċċju tal-Kunsilli Lokali m’humiex aċċessibbli (13 f’Malta u 2 f’Għawdex) li huma:
Il-Belt Valletta, l-Imdina, il-Birgu, Ħ’Attard, Ħal Balzan, il-Fgura, il-Gudja, l-Iklin, Ħal Lija, il-Munxar, il-Qrendi, ir-Rabat (M), Santa Luċija, Santa Venera u x-Xagħra.
Ninsab infurmat wkoll li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali joffri diversi skemi ta’ għajnuna lil dawn il-kunsilli lokali sabiex jkollhom l-uffiċċji tagħhom iktar aċċessibli għal kulħadd kif sar fis-snin preċedenti.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16641 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid għaliex fix-Xlendi, il-parti tal-port fejn hemm l-istatwa ta' Sant Indrija, ma tiġix organizzata sew biex ikun hemm ordni mis-sidien tad-dgħajjes li jpoġġu d-dgħajjes tagħhom f'din l-area?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Munxar li diġà beda taħdidiet mal-entitajiet ikkonċernati fuq din il-materja.
Persuni akkużati u mtellgħin il-Qorti fil-konfront ta' persuni minuri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm instabu ħatja fil-Qrati tal-Ġustizzja persuni ta’ bejn it-18-il u l-24 sena għax kisru d-dispożizzjonijiet tal-artikolu 203 u 203A tal-kodiċi kriminali fil-konfront ma’ persuni minuri ta’ 16-il jew 17-il sena? Jista’ jelenka ċ-ċifri sena b’sena mill-2004 sal-2014? Jista’ jgħid minn kemm sa kemm jvarjaw il-pieni li ngħataw?
Response (BONNICI, OWEN)
B’referenza għad-domanda tal-Onor. Membru, fil-Qrati tal-Ġustizzja Malta u Għawdex ma tinżammx statistika ta’ kemm persuni bejn it- 18-il u l-24 sena nstabu ħatja għax kisru d-dispożizzjonijiet tal-artikolu 203 u 203A tal-kodiċi kriminali fil-konfront ma’ persuni minuri ta’ 16-il jew 17-il sena.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Fortizza ta' Delimara taqa taħt ir-responsabilità ta' Heritage Malta? Jekk fl-affermattiv, jista’ l-Ministru jgħidilna xi pjani Heritage Malta għandha għal dan is-sit ta' importanza?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-Fortizza ta’ Delimara tagħmel parti mir-responsabbiltajiet ta’ Heritage Malta. Irrid nghid li dan is-sit, minkejja li l-Heritage Malta qed tagħmel dak kollu li hu possibbli fejn tidħol iż-żamma tiegħu, żgur ma jinsabx f’sitwazzjoni ideali. Għandha ssir diskussjoni serja u oġġettiva biex wieħed jasal għal soluzzjonijiet li jagħmlu sens.
Jista' l-Ministru jgħid meta Heritage Malta ħa tistalla lifts ġewwa l-Head office kif ukoll fil-laboratorji ġewwa Bighi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li għalkemm dan huwa bżonn kullimkien, minħabba li jeħtieġ investiment konsiderevoli, tingħata projorità lil mużewijiet u siti fejn ma jkunx hemm ħaddiema biss iżda viżitaturi ukoll.
Jista' l-Ministru jgħid kif Heritage Malta tħares lejn il-kunċett ta' family friendly measures b'referenza partikolari għat-teleworking?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li t-teleworking m’huwiex inkluż fil-Ftehim Kollettiv ta’ Heritage Malta. Madanakollu l-aġenzija tikkunsidra applikazzjonijiet skont il-Public Service Management Code skont l-esiġenzi tax-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta għandiex ħsieb tinvesti f'defibrillator ġewwa l-Head office kif ukoll fis-siti u mużewijiet l-iktar frekwentati mil-viżitaturi?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li Heritage Malta qed tikkunsidra possibiltajiet sabiex tara kif dawn jistgħu jinxtraw.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16543, jista’ l-Ministru jgħid kemm rawħ nies il-programm TVAM minn meta beda (anke jekk bi preżentaturi differenti) sal-lum? Jista’ jagħti dan ir-rendikont sena b’sena?
Response (BONNICI, OWEN)
L-udjenza medja ta’ telespetatturi tal-programm TVAM bejn Ottubru 2011 and Frar 2015, hija mniżżla f’din it-tabella, skont l-istħarrig tal-Awtorita’ tax-Xandir. Dan il-programm jixxandar fuq TVM mit-Tnejn sal-Ġimgħa bejn is-7am u t-8.30am.
Monday
Tuesday
Wednesday
Thursday
Friday
Average Daily viewership
October -December 2011
2,861
8,082
4,756
1,200
0
3,380
January - March 2012
3,343
3,814
5,689
1,227
3,636
3,542
April -June
2012
7,144
0
5,923
3,699
10,046
5,362
October -December 2012
3,000
3,000
2,000
4,000
0
2,400
January - March 2013
8,000
8,000
4,000
3,000
3,000
5,200
April –June
2013
6,000
5,000
3,000
2,000
5,000
4,200
February
2014
3,000
2,000
2,000
2,000
3,000
2,400
October
2014
3,684
0
1,423
6,050
0
2,231
February
2015
1,945
3,400
2,166
4,680
0
2,438
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16546, jista’ l-Ministru jgħid jekk saritx sejħa fost il-ġurnalisti kollha tal-Public Broadcasting Services biex min hu interessat jagħmel xogħol ieħor fil-ġurnata libera tagħhom? Jekk ma saritx sejħa, għaliex? Min qed jagħżel min jidħol jagħmel xogħol extra u min le u fuq liema kriterju qed issir din l-għażla?
Response (BONNICI, OWEN)
B’referenza għall-Mistoqsija Parlamentari 16743 ninforma lill-Interpellant li t-tweġiba qed tingħata fir-risposta għall-mistoqsija numru 16744.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16546, jista’ l-Ministru jgħid min, fil-Public Broadcasting Services, qed jiddeċiedi liema ġurnalist jagħmel xogħol li mhux essenzjalment ġurnalistiku bħall-arkivjar?
Response (BONNICI, OWEN)
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16744, ninforma lill-Onorevoli li l-arkivar tal-materja ġurnalisitku idealment isir u jsir bl-aħjar mod mill-ġurnalisti.
Hija prerogattiva tal-management li jara min huwa l-aħjar persuna li tista’ tagħmel dax-xogħol fuq bażi ta’ kontributorja. Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan sar bl-istess mod li saru l-għażliet ta’ mill-anqas disa’ ġurnalisti fit-taqsima tal-aħbarijiet li barra x-xogħol regolari tagħhom għandhom xogħol ieħor fuq bażi kontributorja fil-ġurnata franka tagħhom kif spejgat fit-tweġiba parlamentari 16546.
Peress li mistoqsija parlamentari 16550 titlob vacancies li se jimtlew fix-xhur li ġejjin fil-Public Broadcastin Services u mhux informazzjoni dwar il-proċedura, jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16550 u jgħid liema vacancies se jimtlew fix-xhur li ġejjin fil-Public Broadcasting Services?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li m’għandi xejn iktar x’inżid mat-tweġiba li ngħatat lill-mistoqsija parlamentari numru 16550.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 16555, jista’ l-Ministru jgħid x’inhu xogħol l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament bħala konsulent tal-Kap Eżekuttiv tal-Public Broadcasting Services? Fuq xiex jagħti pariri lill-Kap Eżekuttiv? X’kompetenzi, kwalifiċi u esperjenzi għandu l-persuna msemmija biex jagħmila ta’ konsulent tal-Kap Eżekuttiv? Saret sejħa biex jimtela l-post ta’ konsulent tal-Kap Eżekuttiv?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onorevoli interpellant li kif diga intqal fit-twegiba ghal mistoqsija Parlamentari 16555, l-persuna indikata tagħti s-servizz tagħha fuq il-web b’
contract for service.
Skont l-obbligi miftiehma, l-persuna indikata kellha tipprovdi lil kap ezekuttiv tal-PBS sensiela ta’ miżuri u inizjattivi biex jogħla il-livell u titjieb il-webpage
tvm.com.mt
. Nista’ nikkonferma li dawn il-pariri ngħataw u ħafna minnhom ġew attwati fl-aħħar xhur u oħrajn qegħdin fil-fażi li jiġu attwati. Dawn il-bidliet anke fid-dehra tal-webpage kellhom ir-riżultati mixtieqa.
Dwar il-kompetenza tal-persuna, r-riżultati jitkellmu waħedhom. Dwar il-kwalifiki, l-persuna hija gradwata fil-komunikazzjoni mill-Universita ta’ Malta u kellha esperjenza ġurnalistika b’mod partikulari fil-midja immedjata. Peress li dan huwa contract for service ma hemmx obbligu li issir sejħa pubblika. B’dan il-proċess, il-PBS setgħet tagħmel evalwazzjoni tal-ħiliet u talenti bħala parti mill-programm strateġiku tagħha biex tkompli isaħħaħ il-preżenza tagħha fil-midja immedjatika.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16623 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq ir-restawr tal-bini tal-Casino fuq is-Saqqajja, ir-Rabat, Malta?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-proċess tal-għotja tal-kuntratt għax-xogħol hu temporanjament sospiż sakemm jiġu deċiżi żewġ appelli li saru.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16624 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq ir-restawr tal-Barrakka taħt is-Saqqajja, ir-Rabat, Malta, minn fejn jingħataw il-palji fit-tiġrijiet taż-żwiemel fi żmien l-Imnarja?
Response (BONNICI, OWEN)
Ix-xogħol fuq ir-restawr tal-Barrakka taħt is-Saqqajja fir-Rabat qed isir minn ħaddiema tad-Direttorat tar-Restawr wara li inġiebu l-permessi meħtieġa. Fil-preżent għaddejjin xogħolijiet minn ġewwa tal-binja, u dalwaqt ser jinbeda x-xogħol fuq barra.
Jista' l-Ministru jara li ttitieħed azzjoni biex issir zebra crossing fi Triq il-Kanun f'Ħal Qormi peress li hija triq ferm traffikuża u qed jinħoloq inkonvenjent u perikolu kbir għar-residenti li jkunu jridu jaqsmu din it-triq?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Ħal Qormi li se jagħmel evalwazzjoni teknika dwar il-possibilta’ li ssir din
zebra crossing
biex jiġi iddentifikat l-aktar post addattat u konsegwentament jitlob l-approvazzjoni tat-Transport Malta skont ir-riżultat tal-evalwazzjoni.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il kawża ta’ libell ċivili ġiet ippreżentata fil-Qorti mill-2008 sal-lum? Minn min ġew ippreżentati u kontra min? Jista’ jagħti d-dati rispettivi ta’ meta ġew ippreżentati? F’kull każ, x’kien l-eżitu u d-data tas-sentenza finali? Liema għadhom pendenti quddiem il-Qorti tal-Appell? Kemm minnhom spiċċaw quddiem il-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta’ libelli ċivili ppreżentati fil-Qorti ta’ Malta u Għawdex mill-2008 sal- 5 ta’ Ġunju 2015 huwa muri fit-tabella hawn taħt, u ċioe:
SenaNru ta’ Libelli ppreżentati
MaltaGħawdex
200877
200955
2010292
201116
201238
2013471
201450
2015 (sal-5/6/2015)4
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi min ippreżenta l-libell u kontra min; id-dati rispettivi ta’ meta ġew ippreżentati l-libelli; jekk l-kawża ġietx itterminata jew le; id-data tas-sentenza finali jew meta ġiet terminata l-kawża; u jekk kienx hemm Appell. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-eżitu tal-kawża ma jiġix reġistrat.
B’referenza għall-aħħar mistoqsija, qiegħda ssir kwalifika peress illi meta pesuna tieħu kawża quddiem il-Qorti Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem u din tiġi ddikjarata inammissibbli mill-ewwel, il-Gvern ma jiġix mgħarraf. Il-kawżi ta’ libell illi l-Gvern jaf illi spiċċaw quddiem il-Qorti Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem huma s-segwenti:
1. Lombardo and Others vs Malta (App No. 7333/06) deċiża fl-24 ta’ April 2007.
2. Aquilina and Others vs Malta (App No. 28040/08) deċiża fl-14 ta’ Ġunju tal-2011.
3. Mizzi vs Malta (App. No 17320/10) deċiża fit-22 ta’ Novembru 2011.