Legislature:
Category:
Reset
Active:

Adult Training Centre

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jieħu l-passi kollha meħtieġa biex jara li l-kwalita' ta' ilma li hemm fl-Adult Training Centre jitjieb, peress li dak li hemm sal-lum huwa ta' kwalita' ħażina ħafna? Jista' l-Viċi Prim-Ministru jara wkoll li jiġi assigurat li l-ħalib tal-MDP jkun ta' kwalita' peress li dak li qed jirċievu sal-lum, fl-istess ċentru, qed ikun ta' kwalita' ħażina?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għal liema Adult Training Centre qiegħed jirreferi.

Anzjani — Djar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xahar b'xahar bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena, kemm kien in-numru ta' anzjani li daħlu residenti fid-djar ta' l-anzjani tal-gvern? Kemm huwa n-numru ta' anzjani li jinsabu fuq il-waiting list tal-gvern sabiex jidħlu residenti f'dawn id-djar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Anzjani — Djar privati

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' djar privati li hawn għall-anzjani f'Malta u Għawdex? Kemm huwa n-numru ta' anzjani li jistgħu jikkomodaw? Kemm huwa n-numru ta' anzjani li llum jinsabu residenti f'dawn id-djar privati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' djar privati u tal-knisja li hawn għall-anzjani f'Malta u Għawdex huwa 27. Dawn id-djar jistgħu jakkomodaw 1203 anzjan/a. Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Anzjani ma jkollux records tar-residenti f'dawn id-djar.

Għajnuna soċjali — Children Allowance

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' familji romol u single parents li rċevew il-benefiċċju taċ-children allowance matul dawn l-aħħar ħames snin, sena sena, f'Malta u f'Għawdex separatament?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba.

Imtarfa — Isolation Hospital

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm fil-fatt ilu f'idejn l-awtorita' tad-djar il-bini ta' l-isolation hospital fl-Imtarfa? Kemm saritlu ħsara kawża ta' vandaliżmu dan il-bini abbandunat? Għaliex il-gvern mhux f'pożizzjoni li jaċċetta li dan il-bini jiġi żviluppat mit-Torball Blind Ass. sabiex tiżviluppa ċentru modern għall-għomja li permezz tiegħu jiżdiedu l-opportunitajiet rikriattivi, edukattivi u soċjali għall-għomja Maltin bil-għan li dawn il-persuni jintegraw aktar fis-soċjeta'? Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li ssir xi ħaġa mill-aktar fis sabiex dan il-bini jiġi żviluppat għall-ġid tal-persuni għomja u sabiex ikun wieħed mill-aktar ċentri popolari fil-belt ġdida ta' l-Imtarfa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-fond li rrefera għalih l-Onor. Interpellant għadda f'idejn l-Awtorita' tad-Djar fis-16 ta' Ġunju 2000, permezz ta' Avviż Legali Nru. 109 ta' l-2000. Minn rapport tal-Pulizija jirriżulta li sar att vandalu f'dan il-fond fl-10 ta' Settembru 1999, meta l-fond ma kienx f'idejn l-Awtorita' tad-Djar. Il-Maġistrat tal-Għassa ġie nfurmat bil-każ. Ninsab infurmat ukoll li biex tissewwa l-ħsara li saret, l-ispiża tammonta għal aktar minn Lm10,000. Rigward il-partijiet l-oħra tal-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 9641 fl-1 ta' Novembru 1999, f'Seduta Nru. 168.

Imtarfa — Bini tal-BFBS

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ilu f'idejn l-Awtorita' tad-Djar il-bini ta' l-BFBS fl-Imtarfa? Kemm saritlu ħsara kawża ta' vandaliżmu dan il-bini mindu ilu li għadda lill-awtorita'? X'inhuwa maħsub li jsir b'dan il-bini għall-futur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-bini li rrefera għalih l-Onor. Interpellant ilu f'idejn l-Awtorita' tad-Djar mill-1990. Dan il-bini ser jitwaqqa' biex jinbnew postijiet residenzjali ġodda. Fil-preżent l-Awtorita' tad-Djar għandha applikazzjoni pendenti ma' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-iżvilupp ta' din l-area.

Pensjonijiet — Awtraljani / Kanadizi

Question

Jista' l-Ministru jaġġorna l-mistoqsija parlamentari nru. 14860 sa Settembru ta' din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn Jannar ta' din is-sena sa l-aħħar ta' Settembru, n-numru t'applikazzjonijiet li rċieva d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali mill-Maltin jew Għawdxin għal pensjonijiet Awstraljani kien ta' 231, filwaqt li dawk għal pensjonijiet Kanadiżi kien ta' 49.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Hospitality

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intefqu flus f'hospitality mill-vot tal-Estimi Ġenerali 2000 bejn 1 ta' Jannar 2000 sal-6 ta' Ottubru 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li matul il-perjodu indikat, l-ispiża f'hospitality kienet 61.8% tal-vot allokat għal hospitality.

Ministeru għall-Politika Soċjali — Spejjeż

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu stmat li se jkunu l-kontijiet pendenti u spejjeż konnessi li mhux se jilħqu jkunu mħallsa sa tmien din is-sena? Fis-supplementary estimates kemm huwa stmat li se jkun l-ammont meħtieġ biex ikopri ammonti mhux koperti fl-estimi għas-sena 2000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħal ma normalment isir, il-Ministeru qiegħed jagħmel kull sforz biex ma jitħallewx kontijiet pendenti għas-sena d-dieħla. Jien infurmat li bħalissa qieghed isir l-ikkuntjar neċessarju biex wieħed jasal għal ċifri totali li fuqhom jiġi eventwalment deċiż jekk jew kemm ikun hemm bżonn fondi supplimentari fil-voti tal-Ministeru. Jien infurmat ukoll iżda li stimi tat-tip mitluba mill-Onor. Interpellant jistgħu jvarjaw sostanzjalment bejn issa u l-għeluq tas-sena finanzjarja u għalhekk ma narax l-utilita' li jingħataw.

Pensjonijiet — Impjegati taċ-Ċivili

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk skond l-aħħar ftehim kollettiv li sar bejn il-Gvern u l-unions rigward il-ħaddiema taċ-Ċivil jipprovdix li l-pensjonanti kollha ex-ħaddiema taċ-Ċivil jibbenefikaw fil-pensjoni tagħhom b'riżultat taż-żieda li ngħatat lill-ħaddiema taċ-Ċivil? Jekk fin-negattiv, jista' jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-gvern li fi ftehim simili fil-futur iż-żieda lill-ħaddiema tkun ukoll tirrifletti ruħha fil-pensjonijiet ta' l-ex-ħaddiema, illum pensjonanti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li tajt fis-Seduta Numru 285, Mistoqsija Parlamentari Numru 15675. Inżid ngħid li kull każ jinħadem individwali u għaldaqstant ma jistax jingħad b'mod ġenerali kif kull pensjonant ser jintlaqat.

Benefiċċji Soċjali

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li tintbagħat korrispondenza lil anzjana bla saqajn li tinsab weħidha, li l-d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ma' din il-mistoqsija, peress li huwa diffiċli għalija li tmur is-Social Service Dept wara li qatgħulha l-benefiċċji tal-mard għa dawn l-aħħar 4 xhur u dan meta jidher li bid-dħul li għandha suppost tibbenifika għal dan?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċċjal responsabbli mill-Uffiċċju Distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali mar għand il-persuna kkonċernata biex jivverifika dak li l-istess persuna kienet iddikjarat fl-applikazzjoni tagħha għal Benefiċċju Soċjali partikolari. Minn dak li kien ġie ddikjarat deher ċar, u issa ġie kkonfermat, li l-persuna kellha kapital li kien jeċċedi l-iskala applikabbli għal min jieħu l-Għajnuna għall-Mard u għalhekk dan il-benefiċċju ġie mwaqqaf.

Liġijiet — Drittijiet tat-tfal

Question

Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jitressaq fil-Parlament l-abbozz ta' liġi dwar id-drittijiet tat-tfal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għalkemm l-ewwel abbozz tal-liġi tlesta, għad fadal ħafna xogħol x'isir biex ikunu jistgħu jittieħdu d-deċiżjonijiet finali. Hu maħsub li l-abbozz finali jitlesta s-sena d-dieħla.

Qormi — Triq De La Cruz

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux konxju tad-diffikulta' li għandhom għadd ta' residenti li jgħixu fi flats tal-gvern fi Triq De La Cruz, Ħal Qormi, minħabba n-nuqqas ta' bibien normali, diffikultajiet ta' storbu, konsegwenzi tal-maltemp bħal ilma fl-intrata u riħ? Fi tweġiba parlamentari li l-Ministru ta ftit xhur ilu, għall-mistoqsija simili, wieġeb li bibien normali jagħlqu l-arja tal-post, x'inhija r-raġuni allura, li mhux kull blokka appartamenti fl-akwata għandha din is-sistema ta' bibien? Saru spezzjonijiet apposta mid-dipartiment tad-djar bil-għan li jistħarrġu x'jista' jsir biex jingħelbu dawn id-diffikultajiet għal għadd ta' residenti, partikolarment li jgħixu fil-ground floor? Jekk saru, x'irriżulta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M'għandix wisq x'inżid mat-Tweġiba għal Mistoqsija Parlamentari Numru 15548 li jien tajt f'Seduta 280 ħlief li ngħid li d-Dipartiment m'għamel ebda xogħol fuq il-bibien ta' dawn l-inħawi u jekk saru xi bidliet dawn saru mir-residenti stess jew qabel ma twaqqaf id-Dipartiment.

Impjiegi

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jinfurmani x'inhija l-pożizzjoni illum ta' l-istudent li, id-dettalji tiegħu qed jintbagħatu separatament, u meta se jkollu l-opportunita' li jkompli fil-karriera tax-xogħol tiegħu mad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Apprendisti m'humiex garantiti mpjieg minn min jipprovdilhom taħriġ fuq ix-xogħol wara li jtemmu l-apprendistat. F'każ li jkun hemm talba minn dispartiment tal-Gvern, il-Gvern jista' jikkonsidra li joħroġ sejħa għal applikazzjonijiet għall-impjieg mal-Gvern u li għaliha jkunu jistgħu japplikaw dawk kollha li jkunu temmew b'suċċess l-apprendistat tagħhom. Il-persuna li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant ma għadditx mill-Final Trade Test u ser terġa' tiġi eżaminata fi żmien sitt xhur.

S.V.P.R — Tindif

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarx tindif mill-kuntrattur privat? Jekk iva, min kien dan il-kuntrattur u min tefa' l-offerta miegħu? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-quotations ta' dan il-kuntrattur?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qeda tinġabar u risposta ser tingħata f'xi Seduta oħra.

S.V.P.R — Ħaxix, Frott u Laħam - Kuntrattur

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid min huwa l-kuntrattur tal-ħaxix, frott u laħam li jforni l-isptar S.V.P.R? Kemm ilu dan il-kuntrattur iġib ix-xogħol fl-S.V.P.R? Min ittenderja miegħu? Jista' iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-quotations li ntefgħu biex l-isptar S.V.P.R jiġi fornut bil-laħam, ħaxix u frott?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-kuntratturi li qed jissupplixxu ħaxix, frott u laħam huma dawn: Tal-ħaxix u laħam - Anthony Borg Tal-frott - Raymond Abdilla It-tenders biex kuntratturi jissupplixxu proviżjonijiet ta' l-ikel fl-isptarijiet ta' Malta u Għawdex joħorġu mis-Supplies Section tad-Dipartiment tas-Saħħa u mhux minn San Vinċenz.