Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #7712 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Persuni li mietu b'overdose ta' droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm mietu nies b'drug overdose f'dawn l-aħħar għoxrin sena, sena b'sena?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni li mietu b'overdose permezz ta' droga ta' abbuż huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #7713 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Abbużi mid-droga

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu pulizija li kienu jabbużaw mid-droga, sena b'sena, matul dawn l-aħħar ħames snin? Meta individwi japplikaw sabiex jidħlu fil-korp tal-pulizija, dawn jiġu screened għad-droga? Kemm-il darba jiġu ripetuti dawn it-testijiet matul il-karriera tal-pulizija?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li matul dawn l-aħħar ħames snin kien hemm żewġ kuntistabbli li nqabdu jabbużaw mid-droga. Parti mill-proċedura ta` reklutaġġ fil-Korp tal-Pulizija tinkludi screening għad-droga. Ninsab infurmat ukoll li minn din is-sena, ser jibda jsir random screening fuq il-membri tal-Korp dwar teħid tad-droga.
Leg 9 PQ #7719 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru ta' l-Intern

PA — PA 5605/96

Question

Jista' l-Ministru jara x'inhi r-raġuni għaliex l-applikazzjoni lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar PA 5605/96 sal-lum għadha ma ġietx ipproċessata minkejja li ilha madwar tliet snin li ġiet sottomessa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant kienet dwar estensjoni għall-bini eżistenti li jinsab barra miż-żona ta' l-iżvilupp. Id-Direttorat ta' l-Ippjanar ried jistabilixxi jekk il-bini eżistenti kienx inbena bil-permess. Meta l-perit kien intalab jipprovdi kopja tal-permess, hu kien indika li l-bini kien tela` 'l fuq minn tletin sena ilu u għalhekk ssottometta kopja ta' survey sheets(1968) li kienu juru l-bini eżistenti. Ninsab infurmat li għaldaqstant id-Direttorat ta' l-Ippjanar irrakkomanda l-iżvilupp propost u qed jistenna r-rapport tad-D.P.A. biex jintbagħat lill-perit għar-rimarki tiegħu.
Leg 9 PQ #7736 Sitting 120 1999-06-14 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Birgu - Ilmenti ta' storbju

Question

Jista' l-Ministru jara li l-pulizija tkun tista' tikkontrolla dwar ilmenti ta' storbju li qed ikun hemm fuq Tal-Ħawli H/E, Birgu viċin il-ġibjun u ħdejn stage tal-karozzi tal-linja? Jista' l-Ministru jara wkoll li numru ta' ilmenti, li qed jintbagħtu separatament, li saru minn numru ta' residenti jispiċċaw u r-residenti jkunu jistgħu jkomplu jgħixu fil-kwiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-ilmenti li qed jirreferi għalihom l-Onor. Interpellant diġa` kienu qegħdin jiġu segwiti mill-Pulizija tad-Distrett. Ninsab infurmat ukoll li minn barra li ħadet il-passi meħtieġa meta kellha xi ilment, il-Pulizija qed tiffrekwenta din il-lokalita` biex tiżgura li ma jkunx hemm xi ksur tal-liġi.
Leg 9 PQ #7426 Sitting 119 1999-06-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment ta' l-Artijiet — Xiri ta' art

Question

Jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi ta' mistoqsija parlamentari numru 987 Seduta Nru. 25 u mistoqsija parlamentari numru 4993 Seduta Nru. 73? Peress li l-familja teħtieġ l-għajnuna urġenti u ċioe' l-bżonn li l-kas pendenti jiġi rimedjat mingħajr dewmien, jista' l-Ministru jara li tinstab soluzzjoni rimedjata?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġibiet supplementari li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6407 f'Seduta 103 fid-19 ta' Mejju, 1999. Il-pożizzjoni sal-lum hija l-istess kif irrapurtata fl-istess Seduta.
Leg 9 PQ #7500 Sitting 119 1999-06-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Proġett tal-Portomaso

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex ix-xogħol fuq il-qtugħ tal-blat fil-proġett ta' Portomaso ma jibqax iħammeġ u jniġġes il-bajja ta' San Ġiljan? F'kull każ meta ttieħdu l-passi meħtieġa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li x-xogħol ta' tqattiegħ ta' blat fil-marina tal-proġett ta' Portomaso issa tlesta skond l-aħħar struzzjonijiet ta' l-Awtorita` ta' l-Ippjanar. Meta xi kundizzjonijiet ma kienux qed jiġu strettament osservati, l-Awtorita` ħadet il-passi neċessarji u x-xogħol ġie sospiż sakemm ittieħdu l-passi neċessarji biex il-kundizzjonijiet jiġu rispettati. Ninsab infurmat ukoll li tul il-proġett, u l-iżjed f'dawn l-aħħar xhur meta t-tniġġis fil-baħar żdied minħabba traskuraġni minn naħa tal-kuntrattur, ttieħdu diversi passi, kif ġej : - * saru emendi fil-mod ta' tqattiegħ ta' blat sabiex ħafna mit-tqattiegħ sar fix-xott; * sar tibdil fil-frekwenza tal-ippumpjar ta' l-ilma u l-metodu li kien qed jintuża biex isir l-istess ippumpjar (din kienet l-ikbar problema li kienet qed toħloq tniġġis fil-baħar); * sar monitoring kontinwu minn uffiċjali ta' l-Awtorita` u fl-aħħar xahar anki tqabbdet kumpanija ta' periti biex ikun l-ħin kollu fuq is-sit (dawn kienu jirrapurtaw lill-Awtorita` kuljum); * inħasel il-blat madwar il-marina, qabel ma din infetħet għall-baħar; * inġabar it-tajn mill-qiegħ tal-marina qabel ma din infetħet għall-baħar; * tqiegħed filtru mal-makkinarju li eventwalment ser jippompja l-ilma fil-marina. Sadanittant, l-Awtorita` ta' l-Ippjanar ukoll bdiet il-proċess sabiex tirtira l-garanzija bankarja ta' Lm50,000 li kien għamel l-iżviluppatur peress li x-xogħol ta' skavar tal-marina ma sarx skond il-programm miftiehem fil-permess oriġinali u minħabba ħsara ambjentali kkawżata mix-xogħol fuq il-marina. Il-garanzija bankarja kienet tkopri l-ewwel fażi tax-xogħolijiet, jiġifieri sakemm jitlesta x-xogħol fuq il-marina u l-breakwater. Fil-fatt hemm ukoll garanzija bankarja oħra ta' Lm50,000 li tkopri l-ħames snin ta' wara. Bħala parti mill-permess għall-iżvilupp tas-sit tal-Hilton, kienet ġiet miftiehma skeda ta' monitoring tax-xogħol. Dan il-monitoring sar minn konsulenti indipendenti u huwa abbażi tar-rapporti tagħhom kif ukoll abbażi ta' l-fatt li l-iżviluppatur ma mexiex skond il-programm ta' xogħol miftiehem li l-Awtorita` bdiet il-proċess biex tirtira l-garanzija. Il-monitoring kien qed isir kemm fuq il-kwalita` ta' l-ilma kif ukoll fuq l-istat ta' saħħa ta' l-alka. Kien hemm ukoll qbil bejn l-Awtorita` u l-iżviluppatur dwar liema huwa t-'threshold levels', jiġifieri x'livell ta' tibdil huwa aċċettabli fl-ambjent ta' madwar is-sit tal-Hilton. Ir-rapporti li saru mill-konsulenti juru li dawn il-livelli inqabbżu u li l-kaġun ta' dan kien ix-xogħol ta' skavar fuq il-marina li ma kienx qed isir skond il-kundizzjonijiet tal-permess. Skond il-ftehim legali li jeżisti bejn l-Awtorita` u l-iżviluppatur tal-Hilton, l-Awtorita` ta' l-Ippjanar issa appuntat assessur indipendenti biex jeżamina l-jedd li qed titlob l-Awtorita`. F'dan l-aħħar xahar, l-Awtorita` ukoll ġegħlet lill-iżviluppatur biex, skond Artiklu 34(5) ta' l-Att dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp, jagħmel garanzija bankarja oħra, din id-darba ta' Lm20,000 li tkopri l-perijodu sakemm ix-xogħol fuq il-marina u l-breakwater jitlesta. L-Awtorita` talbet din il-garanzija bankarja fid-dawl ta' dak li seħħ fl-aħħar ġimgħat u biex tassigura li l-iżviluppatur jimxi skond il-kundizzjonijiet tal-permess.
Leg 9 PQ #7501 Sitting 119 1999-06-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Għawdex — Għarb - Bini f'"Tas-Sbejħa"

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex minkejja stop notice mill-Planning Authority fuq il-bini f'"Tas-Sbejħa" fi Triq il-Monġur fl-Għarb, Għawdex dan il-bini xorta qed jintuża regolarment biex jospita turisti ġo fih?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7037, ninsab infurmat illi l-Enforcement Notices li hemm pendenti fuq Ta' Sbejħa Complex jirrigwardjaw l-istrutturi. Ninsab infurmat ukoll li skond verbal li sar fil-Qorti fl-4 ta' April, 1997, mandat ta' Inibizzjoni 278/97, dan il-kumpless jista` jintuża; jiġifieri l-blokk ta' fuq it-triq bħala maisonettes filwaqt li l-blokk ta' wara bħala terraced houses. Minħabba deċiżjoni ta' mandat ieħor datat 27 ta' Mejju, 1999, li jġib in-numru 59/99 ma jistgħux jittieħdu aktar passi f'dan il-mument.
Leg 9 PQ #6633 Sitting 118 1999-06-09 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Ministeru ta' l-Intern — Membri

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri li jiffurmaw l-istaff kollu tal-Ministeru tiegħu? Jista' l-Ministru jgħid: 1) meta dawn bdew jaħdmu hemm? 2) x'karigi jokkupaw u xi kwalifikazzjonijiet għandhom? 3) x'salarju u allowances qed jirċievu? 4) kemm minnhom qegħdin bil-kuntratt? 5) kemm minnhom huma seconded u minn fejn huma seconded? 6) min minnhom qed juża karozza tal-gvern? 7) min minnhom qed jagħmel użu ta' mobile phone? 8) kemm hija l-ispiża tal-kontijiet tal-mobile phones ta' kull wieħed li qed jagħmel użu mill-mobile phones minn meta beda jagħmel użu minnu xahar b'xahar? 9) min minn dawn għandu s-servizz tat-telephone b'xejn fir-residenza privata tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Qiegħed nehmeż lista tal-membri kollha tas-Segretarjat tiegħi u dak tas-Segretarju Parlamentari li turi : (i) il-karigi tagħhom; (ii) liema minnhom qegħdin b'kuntratti; (iii) it-total tan-nefqa individwali bejn Settembru 1998 u Marzu 1999 fuq mobile phones ta' dawk il-persuni li huma ntitolati għall-użu ta' mobile; u (iv) id-data effettiva tal-ftehim li ffirma/t kull wieħed/waħda mill-membri ta' l-istaff skond il-Memorandum 'Engagement of Staff in Private Secretariats' li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f'Novembru li għadda - liema Memorandum sarulu xi emendi li wkoll ser jitqegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra fil-ġranet li ġejjin. Il-kundizzjonijiet l-oħra li dwarhom qed jistaqsi l-Onorevoli Interpellant huma kollha konformi ma' dak imniżżel fil-Memorandum, inkluż il-fatt li m'hemm l-ebda persuna ssekondata minn xi organizazzjoni parastatali.
Leg 9 PQ #7373 Sitting 118 1999-06-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Strutturi bla permess

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se tieħu l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dwar strutturi bla permess mibnija fl-impjant ta' Polidano fil-limiti tas-Siġġiewi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fis-sit li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant diġa` bdew jittieħdu l-passi kollha meħtieġa skond l-Att Nru. 1 ta' l-1992 dwar l-Ippjanar. Fil-fatt hemm Stop and Enforcement Notices fuq is-sit imsemmi u applikazzjonijiet biex jissanzjonaw. Peress illi dawn l-avviżi ġew appellati u għadhom pendenti quddiem il-Bord ta' l-Appell, l-Awtorita` tkun tista` tkompli tieħu passi wara li jkunu ttieħdu d-deċiżjonijiet tal-Bord ta' l-Appell. Hemm ukoll taħrika quddiem il-Qorti talli nkissru l-Istop and Enforcement Notices u din għadha wkoll pendenti.
Leg 9 PQ #7466 Sitting 118 1999-06-09 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Liċenzji

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 7190?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7190 ingħatat f'Seduta 114.
Leg 9 PQ #7333 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Eżami tas-surġenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm membri tal-Korp tal-Pulizija li qagħdu għall eżami għal surġent li r-riżultat tiegħu ħareġ il-ġimgħa li għaddiet? Kemm għaddew? Minn dawk li għaddew kemm minnhom kellhom: (1) Anqas minn ħames snin servizz? (2) Bejn ħames u għaxar snin servizz? (3) Aktar minn għaxar snin servizz? Kemm hu t-total ta' surġenti fil-Korp tal-Pulizija inkluż dawk li għaddew minn dan l-eżami? Intlaħaq in-numru ta' surġenti li huwa previst li jkun hemm? Kemm hemm surġenti li għandhom aktar minn 25 sena servizz?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi kien hemm 89 kuntistabbli li qagħdu għall-eżami għal surġent li minnhom 28 għaddew. Minn dawk li għaddew 13 għandhom inqas minn 5 snin servizz, 10 għandhom bejn 5 u 10 snin servizz filwaqt li 5 għandhom aktar minn 10 snin servizz. Fil-preżent in-numru ta' surġenti fil-Korp huwa ta' 274, li minnhom 22 għandhom aktar minn 25 sena servizz. Dan in-numru ma jinkludix dawk il-kuntistabbli li għaddew mill-eżami msemmi. Ninsab infurmat ukoll li skond il-complement approvat n-numru ta' surġenti irid ikun 301.
Leg 9 PQ #7334 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Akkademja tal-Pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jiggradwaw dawk li qegħdin jagħmlu l-kors fl-Akkademja tal-Pulizija biex jinħatru spetturi fil-Korp tal-Pulizija? Kemm minn dawn huma diġa' membri fil-Korp? Jista' l-Ministru jgħid jekk dawn hux diġa' għamlu xogħol fit-taqsimiet differenti tal-pulziija bħala parti mit-taħriġ tagħhom? Jekk fl-affermattiv, f'liema taqsimiet servew? Hemm minnhom li qed jispeċjalizzaw f'xi xogħol partikolari?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat il-kors li qed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant tlesta u anke` ħareġ ir-riżultat. F'dan il-kors kien hemm 24 kadett, li minnhom 17 huma surġenti fil-Korp tal-Pulizija. Parti mit-taħriġ kien li l-kadetti ġew assenjati fid-diversi taqsimiet tal-Korp, li kienu fil-maġġor parti tagħhom fid-Distretti, fid-Dipartiment ta' l-Investigazzjoni Kriminali, fit-Taqsima ta' l-Immigrazzjoni u fit-Taqsima ta' kontra d-Droga. Ħadd minn dawn il-kadetti għadu ma speċjalizza f'xi qasam partikolari.
Leg 9 PQ #7413 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Refuġjati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 7171 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Affarijiet Barranin u li issa ġiet riferuta lilek u ċioe' tista' tgħid kemm fil-fatt huwa n-numru ta' refuġjati li hawn f'pajjiżna fil-mument? X'nazzjonalita' għandhom u kemm minnhom huma tfal? Kemm kien in-numru ta' refuġjati matul dawn l-aħħar għaxar snin, sena b'sena, u x'nazzjonalita' kellhom rispettivament?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-ewwel parti tat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7228.
Leg 9 PQ #7454 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Ħwienet miksija bl-aluminium

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jittieħdu ċerti deċiżjonijiet sabiex isiru enforcements sabiex faċċati ta' ħwienet miksija bl-aluminium, li jkunu ilhom hekk għal ħafna snin, jerġgħu jinġiebu fl-istat oriġinali? Għaliex ħanut toħroġlu enforcement u ieħor fl-istess lokal le?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta' l-Ippjanar ma tagħmilx distinzjoni bejn faċċati ta' ħwienet jew faċċati oħra miksija bl-aluminium. F'kull każ fejn, wara l-1988, sar jew isir xi xogħol ta' aluminium fuq il-faċċati u jkun hemm provi li dan ix-xogħol sar mhux skond il-permessi approvati u mhux skond id-DC 1/88 (Kundizzjonijiet ta' Żvilupp maħruġa fl-1988) jittieħdu passi skond l-Att I ta' l-1992 sabiex ir-regolamenti jiġu osservati. Fejn ix-xogħol ta' aluminium ikun sar wara l-1988 skond kif approvat ma jkunx hemm lok ta' xi forma ta' azzjoni. F'kull każ ieħor fejn ix-xogħol ikun sar qabel il-ħruġ tad-DC 1/88, meta ma kienux joħorġu kundizzjonijiet ad hoc dwar aluminium, jitqies li ma kienx jirrikjedi permess u allura ma jittieħdux passi.
Leg 9 PQ #7464 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: CHRIS AGIUS To: Ministeru ta' l-Intern

Artijiet — Postijiet fuq art possession and use

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 7191?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7191 ingħatat f'Seduta 114.
Leg 9 PQ #7538 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Muturi tal-pulizija

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se tibqa' s-sistema ntrodotta mill-Gvern Laburista li l-muturi tal-pulizija tat-traffiku jibqgħu jiġu shared bejn żewġ membri tal-korp u allura mhux kull membru jkollu l-mutur tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 851.
Leg 9 PQ #7540 Sitting 117 1999-06-08 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Radars

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' radars li jeżistu fil-gżejjer Maltin li jissorveljaw il-kosta Maltija u Għawdxija? Kemm għandhom snin? X'inhi d-distanza li jkopru? Hemm xi ħsieb li b'kollaborazzjoni ma' pajjiżi ġirien ningħataw aktar għajnuna f'dan is-settur, in vista anke tal-problema ta' l-immigranti llegali u t-traffikar tad-droga?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #6602 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Intern

Ministeru ta' l-Intern — Riċevimenti

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 4455, jista' l-Ministru jikkonsidra mill-ġdid it-tweġiba mogħtija peress li l-pubblikazzjoni ta' l-irċevuti konnessi huma fl-interess pubbliku għax jikkonċernaw infiq pubbliku?

Response (BORG, TONIO)

M'għandi xejn xi nżid mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 4455.
Leg 9 PQ #7303 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjoni 1916/99

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif tista' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tilqa' l-applikazzjoni 1916/99 biex tinbena lukanda fuq is-sit ta' Villa Frieres f'San Ġiljan meta bini f'dan is-sit iħassar il-karatteristika tal-pjazza ta' San Ġiljan u l-bini ta' Villa Frieres huwa ta' Grad 2 skond il-policy UCO7 tal-pjan ta' struttura?

Response (BORG, TONIO)

L-Onor. Interpellant jifhem li l-Awtorita` ta l-Ippjanar ma tistax ma tħallix lil xi ħadd jissottometti applikazzjoni dwar kwalunkwe sit jew żvilupp. Iżda dan ma jfissirx li kull applikazzjoni tiġi awtomatikament approvata. Kull applikazzjoni tiġi kkunsidrata fil-kuntest ta' polices vigenti u skedar li jkun hemm fuq is-sit li dwaru tkun saret l-applikazzjoni.
Leg 9 PQ #7305 Sitting 116 1999-06-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Kunsill Lokali - Dingli

Question

Jista' l-Ministru jara x'passi ttieħdu mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar wara l-ilmenti imqajma mill-Kunsill Lokali ta' Ħad Dingli li f'xagħri viċin l-irdum fl-inħawi tal-Qaws jew Wied Ħażrun kien qed jintefa' t-terrapin u l-ħamrija bla permess? Meta ttieħdu l-passi? X'passi ttieħdu mill-pulizija dwar l-istess ilment? Meta ttieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta' l-Ippjanar investigat il-każ li rrefera għalih l-Onor. Interpellant u ġie stabbilit li ntefa` materjal (terrapien) fuq l-art agrikola fl-inħawi msemmija. Għaldaqstant wara li twaqqaf dan ix-xogħol inħarġu żewġ Stop and Enforcement Notices b'referenza ECF 462/99 u ECF 427/99. Ninsab infurmat ukoll illi l-Pulizija nvestigat dan il-każ u rriżulta li dan ix-xogħol sar skond permess maħruġ mid-Dipartiment ta' l-Agrikoltura.