Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għaqdiet sportivi — donazzjonijiet finanzjarji

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm f'dawn l-aħħar sentejn ingħataw donazzjonijiet finanzjarji jew xort'oħra lill-clubs, għaqdiet jew soċjetajiet sportivi u kulturali mill-ministeru u entitajiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tiegħu? Jista' jgħid f'kull każ min kienu dawn is-soċjetajiet li bbenefikaw u kemm kien l-ammont jew il-valur ta' ammont li ngħataw?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Ħal Qormi — Skola ta' San Ġorġ - cameras tas-sigurta'

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 1925, jista' il-Ministru jikkonfermali li cameras tas-sigurta' twaħħlu ma' l-iskola ta' San Ġorġ, f'Ħal Qormi sabiex jipprovdu aktar sigurta' fil-viċinanzi ta' l-iskola, jiġifieri fi Pjazza Federik Maempel?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub qed jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

Ħal Qormi — Xogħlijiet fl-iskejjel

Question

Jista' il-Ministru jagħti t-tagħrif mitlub f'mistoqsija parlamentari 2860 u cioe' jista' jgħid x'xogħlijiet saru fl-iskejjel ta' Ħal Qormi mill-1994 'il hawn? Kemm swiet kull biċċa xogħol?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub qed jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

MFA — Persuni professjonali li jkunu ġejjin minn pajjiżi tal-UE

Question

Għalkemm l-MFA aċċettat li barranin professjonali ġejjin minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea jistgħu jkollhom il-freedom of movement u dritt għax-xogħol, jista' il-Ministru jgħid jekk dawn jistgħux jirristrinġu xorta numru ta' players fuq il-pitch? Hemm xi forma ta' restrizzjoni li tmur kontra d-direttivi ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub qed jiġi verifikat, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — Kap ta' l-iskola għall-iskola primarja

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li tinħatar persuna bħala kap ta' l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar biex ma jintilifx ix-xogħol tajjeb li sar fl-aħħar snin fit-titjib edukattiv f'dik l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li il-proċess biex jinħatar kap ta' l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar inbeda. Malli jispiċċa l-proċess kollu, il-Kap il-ġdid jintbagħat jaqdi d-doveri tiegħu f'din l-iskola.

ETC — Persuna li nqata' minn fuq ir-reġistru ta' l-impjieg

Question

Huwa ġust li persuna li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jinqata' mir-reġistrar għax ma weġibx formola li suppost irċieva bis-servizz tal-Maltapost u li fil-fatt qatt ma rċieva? Jista' il-Ministru jgħid biex se jgħix u jgħajjex lill-famila tiegħu dan ir-raġel?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-persuna msemmija ilu jirreġistra mit-8 ta' Mejju 1995. Informat ukoll li b'ittra reġistrata li ġġib d-data tat-13 ta' Jannar 2004, ir-reġistrant ġie mitlub jattendi intervista l-ETC Head Office - Ħal Far, fis-Sezzjoni ta' l-Ispettorat nhar id-29 ta' Jannar 2004 fit-8.15 ta' filgħodu. Skond il-customer care tal-Maltapost, il-pustier ipprova jqassam l-ittra fl-20, 21, 23 u 24 ta' Jannar 2004, iżda s-sinjur qatt ma nzerta d-dar. Skond il-proċedura tal-Maltapost, meta dan jiġri, titwaddab nota fil-letter box tal-persuna kkonċernata biex tavżaha li hemm ittra reġistarta f'isimha tistennijha il-posta. Jekk wara ġimgħa mid-data li tkun intbagħtet in-nota, l-ittra ma tiġix miġbura, tintbagħat lura unclaimed lil min ikun bagħtha oriġinarjament, f'dan il-każ lill-ETC. Fid-dawl ta' dan kollu, l-ETC iddeċidiet li l-persuna konċernata tinqata' mir-reġistrar u tpoġġiet fuq it-tieni parti tar-reġistru fis-17 ta' Frar 2004. L-individwu skond l-Att tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ. (Kap. 343) għandu dritt ta' apell.

Eżamijiet tas-SEC u MATSEC

Question

Jista' il-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 3810 u cioe' jista' jagħti dettalji dwar kemm hemm studenti li applikaw għal kull suġġett fl-eżamijiet tas-SEC u MATSEC li jmiss separatament u kemm applikaw għal paper A u paper B?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel — Abbuż mill-alkoħol

Question

Jista’ il-Ministru jgħid fl-2003, sa tmiem is-sena skolastika 2002/03, kienx hemm rapporti ta' teħid u / jew abbuż ta' alkoħol fl-iskejjel ta’ l-Istat, tal-Knisja u dawk privati? Jekk fl-affermattiv, jista’ jagħti n-numru ta' studenti, l-etajiet tagħhom u jekk humiex subien jew bniet? Jista’ jgħid ukoll jekk dawn kienux imorru fl-iskejjel ta’ l-Istat, tal-Knisja jew fl-iskejjel privati? X'passi ttieħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fis-sena skolastika li għaddiet (2002/03), kien hemm 2 każi. Iż-żewġ każijiet kienu ta' 2 subien. Każ minnhom kien fi skola tal-Knisja u l-każ l-ieħor kien fi skola sekondarja ta' l-istat. Iż-żewġ subien ġew riferuti għall-counselling.

Skejjel — Abbuż ta' alkoħol

Question

Jista’ il-Ministru jgħid mill-bidu ta' din is-sena skolastika sal-lum kienx hemm rapporti ta' abbuż ta' alkoħol fl-iskejjel? Jekk iva, jista’ jagħti n-numru ta' subien u bniet involuti, l-etajiet tagħhom u kienux jattendu l-iskola ta’ l-Istat, tal-Knisja jew privata? X'passi ttieħdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Mill-bidu tas-sena skolastika sal-lum, ma kien hemm l-ebda rapport ta' teħid u abbuż ta' alkoħol f'xi skola ġewwa Malta jew Għawdex, kemm f'dawk statali u privati kif ukoll f'dawk tal-knisja.

Skejjel — Pussess ta' droga

Question

Jista’ il-Ministru jgħid mill-bidu ta' din is-sena skolastika sal-lum kienx hemm xi rapporti ta' teħid u/jew pussess ta' droga fl-iskejjel? Jekk iva, jista’ jgħid kemm kienu bniet u subien, x'etajiet kellhom u jekk kienux imorru fl-iskejjel ta’ l-Istat, tal-Knisja jew dawk privati? X'passi ttiehdu?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li it-tagħrif li ġie moddi lili ma jiddistingwiex bejn min hu sempliċiment espost għal riskju u min fill-fatt jirriżulta li ħa jew kellu il-pussess, tlabt li jkun hemm verifika ċara tal-fatti biex nkun nista' nwieġeb din il-mistoqsija f'xi seduta oħra.

Skejjel — Problemi ta' l-alkoħol

Question

Jista’ il-Ministru jgħid x'qed isir fl-iskejjel ta' Malta u Għawdex biex l-istudenti jkunu aktar konxji mill-problemi li jista’ joħloq l-akoħol speċjalment wara rapporti ta' NGOs u aġenziji li hemm żieda sostanzjali fit-teħid ta' alkoħol minn żgħażagħ li għadhom jattendu l-iskola?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tħaddem servizz edukattiv ta' prevenzjoni u servizz edukattiv ta' kura. Bħala servizz preventiv id-Dipartiment tal-Kurrikulu għandu kuntatt ma' aġenziji u NGOs u flimkien magħhom ħoloq strateġiji biex jiffokaw fuq il-problema tat-teħid tal-alkoħol miż-żgħażagħ. Is-sezzjoni tal-PSD fi ħdan id-Dipartiment tal-Kurrikulu jagħti lezzjonijiet regolarment peress tal-għalliema tal-PSD fuq dan is-suġġett u xi fuq skills li l-istudenti għandhom ikollhom biex ma jibdewx jieħdu l-alkoħol. Tliet għalliema tal-PSD bħal issa qegħdin jagħmlu xogħol mal-Aġenziji Sedqa biex isiru korsijiet u programmi ma' l-istudenti fl-iskejjel Primarji u Sekondarji. Dawn l-għalliema kienu wkoll responsabbli li jsir teaching pack fuq dan is-suġġett. Sedqa sponsorjat dan il-pack li tqassam fost l-għalliema tal-PSD fl-iskejjel tal-Istat u Skejjel Privati. Is-sezzjoni tal-Home Economicsukoll qed taħdem biex toħloq awareness f'dan il-qasam. Dan tagħmlu perezz ta' tagħlim fl-iskejjel dwar dieta tajba għas-saħħa. Fiċ-Ċentru tal-Home Economics f-Birkirkara jattendu tfal u żgħażagħ li jieħdu sehem f'attivitajiet li jittrattaw dieta tajba u jsir tagħlim dwar l-effett negattiv tax-xorb alkoħoliku liż-żgħażagħ. Bħala servizz kurattiv, id-Dipartiment tas-Servizzi għall-Istudenti, f'każi li l-istudenti jirreferu ruħhom għall-għajnuna, jiġu mogħtija l- counselling li jkun hemm bżonn. Jekk f'xi każ ikun hemm bżonn li l-persuna tiġi rreferuta, ir-referral isir lill-N.G.O. li taħtha jaqa' l-alkohol.

Skejjel — Lasti tal-football

Question

Jista’ il-Ministru jassigura li fl-iskejjel kollha, kemm dawk ta’ l-Istat, kemm tal-Knisja kif ukoll privati m'hemmx lasti tal-football li jistgħu jiġu mċaqalqa u li jistgħu jikkaġunaw xi inċident bħalma kien ġara fi skola sekondarja f’Santa Venera meta kien miet student għax waqgħet fuqu lasta simili s-sena li għaddiet? Saru spezzjonijiet fl-iskejjel biex ikun żgurat li dawn kollha jitwaħħlu ma’ l-art meta jintużaw?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-iskejjel kollha, sew tal-istat kif ukoll dawk tal-knisja u dawk privati, ġew mitluba jieħdu l-passi meħtieġa biex jassiguraw li ma għandhomx lasti tal-football li jistaw jiġu mċaqalqin. Fl-iskejjel primarji tal-istat dawn il-lasti ġew iċċekkjati mill- 'Peripatetic Health and Safety Teachers' u fl-iskejjel sekondarji tal-istat dawn ġew iċ-ċekkjati mir-Resident Health and Safety Teachers.

Institute of Health Care — Kors fin-nursing

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm studenti fil-preżent fl-Institute of Health Care li qed isegwu xi kors fin-nursing? Kif inhuma mqassma skond il-kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li preżentament hemm 137-il student li qed isegwi il-kors li jwassal għal B.Sc(Hons) in Nursing, 377 fil-kors li jwassal għad-Diploma in Nursing, 27 fil-kors li jwassal għal B.Sc (Hons) Midwifery u 23 fil-kors li jwassal għal B.Sc Nursing (Mental Health). Dawn maqsuma, sena b'sena fil-kors kif ġej:- Kors Sena Numru Diploma Nursing 1 114 2 120 3 70 4 73 B.Sc(Hons) Nursing 1 31 2 32 3 38 4 36 B.Sc(Hons) Midwife 1 20 2 7 B.Sc(Hons) Nursing 3 23 (Mental Health)

Kottonera — Canteen tal-kumpless sportiv

Question

Jista' il-Ministru jgħid il-canteen tal-kumpless sportiv tal-Kottonera f’idejn min qiegħed u b’kemm hu mikri? Jista' jgħid ukoll għal kemm ingħata u meta jagħlaq dan il-kuntratt?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-canteen tal-Kumpless Sportiv tal-Kottonera qiegħed f'idejn il-Health Pit Cottonera Ltd. Il-Canteen huwa mikri għall-ħames snin bir-rata ta' Lm4,000 fis-sena u l-kuntratt jagħlaq f'Mejju 2008.

Eżamijiet tas-SEC

Question

Jista' il-Minsitru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari 3809 u cioe' jista' jgħid kemm hemm studenti li applikaw biex joqogħdu għall-eżamijiet tas-SEC li se jsiru f'April/Mejju li ġej? Kemm hemm subien u kemm bniet? Kemm hemm minn skejjel statali, indipendenti u tal-Knisja?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub ser jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skejjel ta' l-istat — Studenti barranin

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex ma tinżammx informazzjoni dwar x'reliġjon iħaddnu l-istudenti barranin li jattendu l-iskejjel ta' l-istat? Ma jħossx il-Ministru li informazzjoni bħal din hija importanti sabiex tkun rispettata aħjar il-kultura ta' dawn l-istudenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li informazzjoni dwar x'reliġjon iħaddnu l-istudenti barranin hija meqjusa bħala waħda personali. Informat ukoll li minħabba din ir-raġuni, l-iskejjel ta' l-istat dejjem dehrilhom li għandhom jirrispettaw dan il-fatt u qatt ma staqsew. Meta l-ġenituri dehrilhom li għandhom jagħtu din l-informazzjoni għal ġid ta' uliedhom, dan dejjem sar.