Jistax l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm għalliema u x'kwalifiki għandhom fl-iskola ta' Lorenzo Gafa, Birgu? Kemm hemm studenti u f'liema klassijiet qegħdin, huwiex possibli li jiġi ndikat kemm hemm kotba ġewwa l-librerija ta' l-iskola u b'kemm żdiedu tul dawn l-aħħar snin u cioe' 1998, 1999 u 2000. Huwie ukoll possibli li jiġi indikat kemm flus f'manutenzjoni etc intefqu f'dawk is-snin 1998, 1999 u 2000?
Response (GALEA, LOUIS)
B'żieda mat-tweġiba diġa` mogħtija għal din il-Mistoqsija Parlamentari, informat li ġewwa l-librerija ta' l-iskola Lorenza Gafa' hemm:
Sena Total ta' kotba Żidiet Noti
Diċ. '98 775 72 47 minnhom donazzjonijiet
Diċ. '99 1138 363 338 minnhom donazzjonijiet
Nov. 2000 1175 37 kollha donazzjonijiet.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 21183, jista' l-Ministru jgħid dawk il-membri ta' l-istaff li ġew mis-servizz pubbliku fejn kienu qabel dan l-appointment u kemm ilhom impjegati maċ-ċivil?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk inqatgħux il-pagi tal-lecturers fil-Junior College minħabba li ma daħlux biex jagħtu lezzjonijiet fit-2 ta' Ottubru, 2000?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma kienx hemm lectures fit-tnejn ta' Ottubru. Fit-tnejn ta' Ottubru saret iċ-ċerimonja uffiċjali tal-ftuħ tas-sena akkademika.
Jista' l-Ministru jgħid x'relazzjoni hemm bejn il-kap tad-dipartiment tal-farmaċija u l-istudenti? X'passi beħsiebu jieħu biex dik li semma l-kap tad-dipartiment li hija interpretazzjoni ħażina minn numru ta' studenti, ma terġax sseħħ? Jaħseb illi l-istudenti jistgħu jħossuhom taħt xi pressjoni minnu minħabba dak li ġara?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-relazzjoni bejn il-Kap tad-Dipartiment tal-Farmaċija u l-istudenti ma jistgħux ikunu aħjar, li l-komunikazzjoni se tibda ssir aktar bil-miktub, u li l-istudenti m'għandhomx raġuni għax iħossuhom taħt ebda pressjoni.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-kors tal-farmaċija l-prattiċi tal-laboratorji, per eżempju, fil-kimika farmeċewtika, twaqqfu kompletament?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-kurrikulum tal-farmaċija jiġi modernizzat minn żmein għal żmien. Fost dan l-aġġornament hemm l-istil tal-prattiċi. Bħalissa qed isir sforz biex il-prattiċi isiru aktar relevanti għal prattika tal-farmaċija. Dan qed isir billi l-istudenti jagħmlu l-prattiċi fuq il-postijiet tax-xogħol.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-kors tal-farmaċija ġie estiż għal ħames snin fl-Universita'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kors ġie estiż għal ħames snin biex ikun jista' jwassal lill-istudenti lejn il-livell tal-Farmaċija milħuq minn pajjiżi oħra u biex fil-ħames sena jwassal lill-istudent lejn aktar esperjenza prattika.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li l-kap tad-dipartiment tal-farmaċija fl-Universita' ressaq suġġeriment quddiem is-Senat biex it-titlu tal-kors tal-farmaċija jinbidel? Din il-bidla seħħet u għaliex? Saret konsultazzjoni mal-Kamra ta' l-Ispiżjara fuq dawn il-bidliet? X'kien il-parir li ngħata lilu mill-Kamra ta' l-Ispiżjara f'dan ir-rigward?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-raġunijiet huma biex il-kwalifika tkun tixbaħ lil dawk mogħtija minn universitajiet ta' reputazzjoni.
Il-bidla ma seħħitx għax għadhom qed isiru konsultazzjonijiet estensivi ma' min hu involut.
S'issaMa sarux konsultazzjonijiet mal-Kamra ta' l-Ispiżjara għalkemm hemm il-ħsieb li l-Kamra ta' l-Ispiżjara tintalab l-opinjoni tagħha u din tiġi kkonsidrata.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm membri akkademiċi full-time u part-time fid-dipartiment tal-farmaċija? X'inhuma l-kwalifiki ta' dawn il-membri? Kemm hemm staff akkademiku u mhux akkademiku illi għamel jew qed jagħmel studju post-graduate fuq farmaċija? X'inhi l-pożizzjoni tagħhom fid-dipartiment? Kemm hemm staff temporanju illi qed jagħti demonstrations u tutorials lid-dipartiment tal-farmaċija? Hemm nies oħrajn li qed jagħtu servizz akkademiku lid-dipartiment?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' membri akkademiċi : full-time fid-dipartiment - 4
part-time fid-dipartiment - 3
Il-kwalifiki tal-membri huma Baċellerat, Masters u Dottorat.
L-istaff kollu akkademiku għamel jew qed jagħmel studju post-graduate. L-istaff kollu mhux akkademiku fil-grad ta' Lab Officer II għamel jew qed jagħmel studju post-graduate. Il-Lab Officers I, III, il-Lab Assistant kif ukoll l-istaff klerikali m'għamlux u lanqas qed jagħmlu studju post-graduate fuq il-farmaċija.
Il-pożizzjoni ta' l-istaff mhux akkademiku li għamel jew li qed jagħmel studju post-graduate fid-Dipartiment huwa ta' Lab Officer II.
In-numru ta' l-istaff temporanju jinbidel skond il-bżonn u jammonta għal madwar 20.
Hemm numru ta' nies oħra li jagħtu servizz akkademiku lid-Dipartiment tal-Farmaċija minn żmien għal żmien fosthom il-Lab Officers II u numru sostanzjali ta' persuni li jaħdmu fl-isptarijiet, komunita` u fl-industrija, oħrajn li jaħdmu fuq bażi volontarja, kif ukoll membri akkademiċi ta' dipartimenti oħra fosthom il-farmakoloġija, Institute of Health Care, il-patoloġija, il-kimika, l-anatomija, it-teoloġija, matematika, computers, fisjoloġija u biokimika, mediċina, u lingwistika.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ħaddiema jaħdmu mal-Malta Centre for Restoration?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-aħħar ta' Novembru 2000 kien hemm: 7 ħaddiema impjegati direttament b'kuntratt ma' l-MCR: 21 ħaddiem sekondati minn dipartimenti tal-Gvern: 16-il part time lecturer: u 7 restorers/lecturers Taljani (b'kuntratt ma' l-MCR).
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-istaff Taljan li qed jaħdmu fil-Malta Centre for Restoration?
X'inhu x-xogħol tagħhom?
Kemm għandhom salarju kull persuna fix-xahar?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istaff Taljan ta' restorers/lecturers li kienu jaħdmu fil-Malta Centre for Restoration fit-30 ta' Novembru 2000 fuq kuntratt ta' sena kienu 5 (Roberta de Angelis, Grazia de Cesare, Sabrina de Vanna, Claudia Kusch, u Ioanna Kakoulli). Kien hemm żewġ restorers/lecturers oħra (Antonella Amoruso u Wilma Basilissi) fuq kuntratt ta' ftit xhur.
Ix-xogħol ta' dawn il-persuni jinkludi l-konservazzjoni u r-restawr ta' oġġetti fil-kuntest tal-proġetti ta' konservazzjoni u restawr li jkun qed iwettaq il-Malta Centre for Restoration: l-ippjanar u l-iżvilupp ta' degree programmes u xogħol akkademiku ieħor li jsir fiċ-Ċentru: xogħol konness ma' lectures, eżamijiet u tutorials fiċ-Ċentru: xogħol konness mat-twaqqif u t-tmexxija tal-laboratorji ta' l-MCR: it-tħejjija ta' budgets, rapporti u xogħol simili għad-dipartiment fejn kull restorer/lecturer tkun qed tagħti sehemha: xogħol amministrattiv li jinqala' minn żmien għal żmien: u involviment f'xogħol li jsir biex is-servizzi li toffri l-MCR jinfirxu aktar fil-gżejjer Maltin.
Informat li s-salarju ta' l-istaff Taljan joħroġ mill-fondi li jagħti l-Gvern Taljan taħt ir-IV Protokoll bejn Malta u l-Italja.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm għandna għalliema tal-PSE fl-iskejjel tal-gvern?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm 120 għalliema tal-PSE li jinkludu wkoll 7 għalliema li jieħdu ħsieb is-Seminar Centre li jaħdem matul is-sena skolastika u 6 għalliema li qed jagħmlu programm pilota fl-iskejjel primarji.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 21662?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment ta' l-Eżamijiet ma biddel ebda tariffi iżda din is-sena kien kostrett li jbiddel l-administration fee minn 40c għal 60c minħabba regolamenti ġodda tal-Banek. Din titħallas darba ma' kull applikazzjoni.
Għal dak li jirrigwarda l-Universita` ta' Malta, matul din il-leġislatura kien hemm tibdil fid-drittijiet ta' l-Universita` fl-1999. Dawn saru permezz ta' l-Avviż Legali Numru 160 ta' l-1999. (Suppliment tal-Gazzetta tal-Gvern ta' Malta Numru 16,840 ta' l-20 ta' Settembru 1999)
Informat ukoll li sar tibdil fit-tariffi relatati mal-kiri tas-swali fil-Mediterranean Conference Centre u speċifikament fir-rigward tas-Sala Repubblika kif ser nispjega:
Ir-rata għall-kirja għall-ġurnata minn elf lira saret elf u ħames mitt lira f'każ li l-użu tas-sala jkun għall-konferenza.
Fil-każ li s-Sala Repubblika tinkera sabiex tittella` wirja teatrali ġiet introdotta skema mis-sena 2000 fejn flok Lm1500 għall-ġurnata, il-klient iħallas minima ta' Lm550 għall-ewwel 440 biljett tad-dħul li jbiegħ u fuq ir-rimanenti biljetti li jinbiegħu iħallas Lm1.25 fuq kull biljett. Din l-iskema ta' rati tgħodd għall-perijodu 1 ta' Diċembru sal-15 ta' Jannar.
Għall-perijodi 16 ta' Jannar - 14 ta' Ġunju u 16 ta' Settembru - 30 ta' Novembru ir-rata hija ta' Lm750 minimu għall-ewwel 600 biljett mibjuh u Lm1.25 għall-kull biljett ieħor mibjuh fuq l-ewwel 600.
Mill-15 ta' Ġunju sal-15 ta' Settembru ir-rata hija ta' Lm550 minimu għall-ewwel 550 biljett mibjuh u Lm1 għal kull biljett ieħor mibjuh fuq l-ewwel 550.
Ir-rata għall-kiri tas-Sala Repubblika għall-ġranet ta' preparazzjoni ġiet imnaqqsa minn Lm500 għal Lm250 ħlief għall-perijodu 16 ta' Jannar - 14 ta' Ġunju u 16 ta' Settembru - 30 ta' Novembru.
L-għan ta' dawn it-tibdiliet fit-tariffi huwa intiż sabiex jitħajru aktar klienti jorganizzaw wirjiet teatrali peress li issa ir-riskju finanzjarju ġie imnaqqas konsiderevolment.
Fil-Malta Racing Club kien hemm żieda ta' 25c fuq l-entratura.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħataw b'kollox s'issa l-Valletta FC biex jirribijalitaw l-ground Salinos?
Kemm nefqu mis-somma li ngħataw? X'xogħol sar mill-flus li ħadu?
X'verifika saret biex jiġi żgurat li dawn il-fondi tassaw intefqu fuq il-ground?
Sena b'sena kemm ngħataw minn dawn il-fondi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-issa l-Valletta FC b'kollox ingħataw Lm50,000 biex jiġi riabilitat il-Ground tas-Salinos. S'issa ntefqu madwar Lm52,000.
Ix-xogħol li sar jikkonsisti fi skavar u tneħħija ta' materjal, bini madwar il-grounds żgħar u servizzi professjonali. Ix-xogħol ġie verifikat mill-Perit tad-Dipartiment. Il-fondi ġew allokati f'żewġ pagamenti ta' Lm25,000 il-wieħed fl-1997.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 21598?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' għalliema li bħalissa huma impjegati mal-gvern fl-iskejjel sekondarji, Junior Lyceums, Primarji u tas-Snajja hu kif ġej:
Skejjel Sekondarji/Junior Lyceum
Amministrazzjoni
Irġiel - 87 Nisa - 36 (Full time)
Għalliema
Irġiel - 738 Nisa - 940 (Full time)
Irġiel - 11 Nisa - 16 (Part time)
Minn dawn 6 irġiel u mara huma reliġjużi.
Hemm ukoll numru ta' għalliema li bħalissa jinsabu fuq Leave (Maternity/Parental eċċ.) skond kif se nsemmi:
Irġiel - 6 Nisa - 89
Skejjel tas-Snajja'
Amministrazzjoni
Irġiel - 13 (Full time)
Għalliema
Irġiel - 168 Nisa - 39 (Full time)
Minn dawn raġel huwa reliġjuż.
Hemm ukoll numru ta' għalliema li bħalissa jinsabu fuq Leave skond kif ġej:
Irġeil - 2 Nisa - 2
Skejjel Primarji
Amministrazzjoni
Irġiel - 107 Nisa - 105 (Full time)
Għalliema
Irġiel - 180 Nisa - 847 (Full time)
Nisa - 2 (Part time)
M'hemmx għalliema reliġjużi fl-iskejjel Primarji.
Hemm ukoll numru ta' għalliema li jinsabu fuq Leave kif se nsemmi:
Irġiel - 7 Nisa - 72.
Hemm 179 għalliema li għalih hu responsabbli d-Dipartiment tal-Kurrikulu:
Dawn jipprovdu s-servizz peripatetiku fl-iskejjel, jagħtu servizz f'Units differenti tad-Dipartiment tal-kurrikulu bħal "Spld Unit" Floriana u jaħdmu fi proġetti bħal "Literacy Programme" u "Let Me Learn Project".
Fost dawn l-għalliema hemm saċerdot wieħed.
Skejjel Speċjali tal-Gvern
Għalliema 38
Peripatetic Teachers 27
Peripatetic Instructors 1
Sezzjoni Servizz għall-Istudent
Child Safety Services (Teacher) 1
Teacher in charge Art Therapy 1
Safe School Programme (Anti-Bulling Teachers) 2
Guidance Teachers 103
Għalliema fuq bażi part-time - Nil
Għalliema reliġjużi - 1 Raġel
Skejjel tal-Knisja
Reliġjużi Lay
Irġiel Nisa Total Irġiel Nisa Total
Primarja 4 58 62 15 268 283
Sekondarja 20 25 45 211 313 524
Total Full-time 24 83 107 226 581 807
Primarja 1 2 3 0 8 8
Sekondarja 5 18 23 19 17 36
Total Part-time 6 20 26 19 25 44
Skejjel Indipendenti
Lay
Irġiel Nisa Total
Primarja 4 201 205
Sekondarja 71 124 195
Total Full-time 75 325 400
Primarja 2 11 13
Sekondarja 5 21 26
Total Part-time 7 32 39.
Jista' l-Ministru jgħid meta ser jitħabbar il-Premju Letterarju u jingħataw is-sussidji lil dawk
l-awturi Maltin u Għawdxin li ppubblikaw il-kotba fl-1998, skond l-avviż li deher fil-Gazzetta
tal-Gvern tas-19 ta' Ottubru 1999?
Jista' jgħid ukoll meta ħiereġ l-avviż Premju Letterarju u sussidju għal dawk li ppubblikaw
il-kotba tagħhom fl-1999?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Premju Letterarju 1998 tħabbar u l-awturi Maltin u Għawdxin ingħataw premjijiet, ċertifikati u sussidji f'serata kreattiva li saret fiċ-Ċentru ta' Kreattivita` nhar il-Ġimgħa 17 ta' Novembru 2000.
L-avviż għandu jiġi ppublikat fil-ġejjieni qrib.
Jista’ l-Ministru jgħid fejn waslet it-talba tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament biex isir tal-post u jikkwalifika għall-pensjoni peress li għadu part-timer minkejja li ilu snin twal jagħti kontribut prezzjuż fil-qasam tar-restawr u tal-edukazzjoni tal-bini?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex niġbor l-informazzjoni meħtieġa, nagħti tweġiba f'xi Seduta oħra.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 21378, jista' l-Ministru jwieġeb għal aħħar parti ta' din il-mistoqsija dwar l-istipendji ta' l-istudenti fl-iskejjel tal-Knisja u privati fis-sena skolastika li għaddiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Jiddispjeċini li dan it-tagħrif għadu ma wasallix u tweġiba jkollu nagħtiha f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikazzjonijiet pendenti għal ftuħ ta' skejjel li jgħallmu l-Ingliż?
Minn min saret kull applikazzjoni, meta u għal-liema lokalita'?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex niġbor l-informazzjoni meħtieġa, nagħti tweġiba f'xi Seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid meta nħolqu (ġurnata, xahar, sena) l-vacancies ta' assistent kap ta' skola li rispettivament intlew mill-assistenti kapijiet ta' skola li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex niġbor l-informazzjoni meħtieġa, nagħti tweġiba f'xi Seduta oħra.