B’referenza għall-artiklu li deher f’gazzetta lokali dwar kiri ta’ 45 karozza tal-linja, jista’ l-Ministru jgħid min awtortizza l-kiri ta’ dawn il-karozzi tal-linja?
Response (MIZZI, JOE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 8976.
B’ referenza għall-mistoqsija parlamentari 8831 u peress li kontra kif indikat it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6769 ma tweġibx ukoll mistoqija parlamentari 8831, jista’ l-Ministru jgħid jekk, wara li l-MEPA m’aċċettatx id-disinn oriġinali li ġie sottomess għal dan il-ġnien, sarux jew hux qed isiru pjanti alternattivi minn dan il-Gvern biex jiġi żviluppat ġnien għall-memorja ta’ Annabelle Vassallo fiż-żona ta’ ħdejn il-Kappella tal-Providenza tas-Siġġiewi? Dan il-proġett ippjanat fil-leġiżlatura l-oħra, meta mistenni jinbeda u jitlesta?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 6769.
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 8832 u 6770, jista’ l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess ta’ procurement biex ikun jista’ jsir ix-xogħol neċessarju marbut ma’ miżuri tas-sigurtà meħuda fi Triq l-Imqabba s-Siġġiewi?
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 8833 u 6771 u x’xogħol li qed isir fuq il-proġett kontra l-ilma tal-għargħar f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ippjanat li jsir ukoll mill-ġdid iċ-ċint ta’ madwar il-wied b’mod partikolari minn Triq il-Mitħna sa Triq Correa, u anke n-naħa ta’ Triq Pawlu Farrugia? Jekk dan iċ-ċint mhux ippjanat li jsir, u peress li dan huwa ċint li qed jagħti dehra ta’ telqa lill-ambjent tal-madwar u peress li bħalissa għaddej ix-xogħol fuq il-Wied u allura fuq dawk l-istess inħawi u peress li l-ispiża tkun relattivament żgħira, jista’ jikkonsidra li dan iċ-ċint jinbena b’mod aktar pulit u adekwat għall-inħawi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan ix-xogħol ma kienx inkluż fil-proġett oriġinali kif ġie ppjanat fil-leġislatura l-oħra. Madankollu ħadt nota ta’ dak li ntqal.
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 8833 u 6771 u x’xogħol li qed isir fuq il-proġett kontra l-ilma tal-għargħar f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ippjanat li jsir ukoll ftit tisbieħ b’ mod partikolari fl-inħawi tal-Wied fejn hemm iċ-ċimiterju u fejn hemm ftit ħamrija u siġar li bħalissa qed jagħtu aktar dehra ta’ telqa milli ta’ xi ħaġa organizzata? Jekk dan it-tisbiħ mhux ippjanat li jsir, u peress li dan in-nuqqas qed jagħti dehra ta’ telqa lill-ambjent tal-madwar u peress li bħalissa għaddej ix-xoghol fuq il-wied u allura fuq dawk l-istess inħawi u peress li l-ispiża tkun relattivament żgħira, jista’ jikkonsidra li dan it-tisbiħ isir għall-ġid tal-istess inħawi tar-residenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li x-xogħol li qiegħed isir bħalissa mill-kuntrattur fuq il-proġett għal kontra l-għargħar ma jinkludiex ix-xogħol indikat minnu. Madankollu din il-proposta ser tiġi ikkunsidrata.
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 8833 u 6771 u x’xogħol li qed isir fuq il-proġett kontra l-ilma tal-għargħar f’Ħal Qormi, jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ippjanat li jkun hemm aċċess għar-residenti, mhux għal karozzi, partikolarment fil-parti tal-wied quddiem klabb tal-boċċi u Triq l-Għargħar 1979? Huwa possibli li l-Ministru jikkonsidra dan l-aċċess, kif qed jissuġġerixxu xi residenti stess, jekk dan ma jkunx ta’ periklu għall-istess residenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà kelli l-okkażżjoni li ninforma lil dawk li kienu għamlu din it-talba qabel, dan l-aċċess se jsir billi se jitpoġġa pont tar-riġel ftit ‘il bogħod mill-klabb tal-boċċi u għalhekk ir-residenti mhux se jkollom bżonn li jinżlu fil-wied biex jaqsmu minn naħa għall-oħra .
B’ referenza għall-mistoqsija parlamentari 8835 u peress li kontra kif indikat it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6773 ma tweġibx ukoll mistoqsija parlamentari 8835, jista’ l-Ministru jgħid b’mod konkret u jelenka liema huwa x-xogħol li huwa ppjanat li jsir mill-Ministeru tiegħu f’Ħal Qormi nkluż toroq, bankini, culverts u xogħol ieħor infrastrutturali jew marbut ma’ trasport u sigurtà fit-trasport? Meta huwa ppjanat li jsir dan ix-xogħol?
Is-Siġġiewi – Triq Dun Manwel Zammit – numru tad-Djar
Question
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jsir l-eżerċizzju mid-Door Numbering Unit sabiex id-djar fi Triq Dun Manwel Zammit fis-Siġġiewi jingħataw numru?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-eżerċizzju ta’ numerar tal-bibien fi Triq Dun Manwel Zammit fis-Siġġiewi diġa tlesta mid-Door Numbering Unit imma għalissa ma jistax jiġi ippublikat fil-Gażżetta tal-Gvern. Dan għaliex, bħalma normalment isir f’każijiet bħal dawn, fil-bidu ta’ din is-sena ġejna infurmati uffiċjalment mill-Uffiċċju Elettorali li mill-bidu ta’ Frar 2014 għandha titwaqqaf temporanjament kull publikazzjoni ta’ eżerċizzji ta’ numerar ta’ bibien fil-Gażżetta tal-Gvern minħabba l-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew u l-ħruġ tal-Karti ta’ l-Identita’ il-ġodda.
L-eżercizzju ta’ numerar fi Triq Dun Manwel Zammit fis-Siġġiewi jiġi ippublikat fil-Gażżetta tal-Gvern hekk kif dan it-twaqqif temporanju jitneħħa mill-Uffiċċju Elettorali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi tanker li, matul dawn l-aħħar jiem, telaq minn Malta, minkejja li suppost ma ħalliex pajjiżna, minħabba,fost l-oħrajn,proċeduri legali li kien hemm fil-konfront tal-crew tal-istess tanker? Liema kien dan it-tanker, meta telaq minn Malta jew it-territorju tagħha? Meta kien li l-awtoritajiet Maltin, kienu nfurmati/ indunaw li dan il-vapur kien ħalla Malta? X'passi ttieħdu biex dan l-istess vapur jitwaqqaf milli jitlaq? Ma’ min saret il-koordinazzjoni biex il-vapur jitwaqqaf milli jitlaq? Jekk ma sarx sforz biex jitwaqqaf, x'kienet ir-raġuni għal dan?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dwar dan il-każ bħalissa hemm għaddejja nkjesta u għalhekk mhux opportun li tingħata aktar informazzjoni f’dan l-istadju.
Jista' l-Ministru jgħid jekk, matul l-aħħar xhur, il-baga tan-navigazzjoni li hemm f'Bengħajsa, tneħħietx, insterqet, jew b'xi mod ieħor ġiet nieqsa minn fuq il-post? Jista' jgħid meta b'xi mod naqset din l-istess baga, u jekk s’issa reġgħetx ġiet imqegħda oħra minflokha fl-istess post? Jista' jgħid meta sar l-aħħar survey u manutenzjoni tal-irbit ta' din il-baga? Jista' jgħid jekk din hijiex waħda mill-bagi l-iktar importanti għal dak li jikkonċerna d-dħul u l-ħruġ ta' vapuri mill-Freeport Terminal? Jista' jagħti dettalji dwar jekk il-fatt li l-baga damet nieqsa għall-perijodu ta' żmien, dan fissirx ukoll li l-inħawi kienu esposti għall-perikli kbar, kemm għal dak li jikkonċerna persuni, kif ukoll ambjentalment?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-baga ta’ Bengħajsa nqatgħet minn postha u ntilfet f’maltempata fi Frar. Ninsab infurmat li tlestiet baga oħra biex titpoġġa flokha u li din se titqiegħed fil-ġranet li ġejjin.
Il-baga oriġinali kienet ilha fil-post madwar tlett snin u perjodikament kienu saru spezzjonijiet u xi tiswijiet fuq il-post. Nikkonferma li din hija baga importanti fil-lokal u f’dan ir-rigward jinħarġu avviżi meta xi baga ma tkunx f’postha jew ikollha xi ħsara. Il-bastimenti jiġu infurmati mit-taqsima tal-VTS (Vessel Traffic System) fi ħdan Transport Malta u mill-piloti marittimi biex il-periklu jiġi minimizzat.
Is-Siġġiewi – Triq Santa Margerita – numru ta’ djar
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir eżerċizzju mid-Door Numbering Unit sabiex id-djar fi Triq Santa Margerita fis-Siġġiewi jingħataw numru?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li qed jiġi diskuss mal-Kunsill Lokali rigward x'inhu l-aħjar li jsir fit-triq imsemmija. Dan għaliex l-ewwel parti ta' Triq Santa Margerita (il-parti il-ġdida) għadha mhux innumerata filwaqt li il-parti il-qadima hija innumerata b'numri konsekuttivi. Qed jiġi diskuss jekk għandhiex tiġi innumerata mill-ġdid it-triq kollha jew jekk għandux jinbidel l-isem tal-parti ta'quddiem tat-triq. B'hekk ma jiġux affetwati ir-residenti tal-parti il-qadima ta' din it-triq.
Jista’ l-Ministru jgħid fuq liema bażi ngħataw għall-użu minn kumpanija waħda partikolari, parti mill-art u l-moll tal-ex Malta Shipbuilding fil-Marsa, għall-finijiet ta’ ħatt u tgħabija minn vapuri? Jista’ jgħid l-allokazzjoni tal-art u l-moll sarux wara sejħa pubblika u fuq liema kundizzjonijiet? Jista’ jikkonferma li l-attività li qed tagħmel din il-kumpanija hija f’kompetizzjoni mal-attività tal-cargo terminal operators l-oħrajn bħal Valletta Gateway Terminals u l-Malta Freeport? Jikkonferma l-Ministru li l-użu tal-moll tal-Malta Shipbuilding għall-ħatt u tgħabija tal-merkanzija minn vapur ta’ din il-kumpanija partikolari qed isir b’esklużjoni ta’ vapuri oħrajn peress li Transport Malta ħarġet ordni biex il-moll ma jintużax għall-ħatt u tgħabija ta’ merkanzija ħlief minn din il-kumpanija?
Response (MIZZI, JOE)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Malta Public Transport Services – karozzi tal-kiri
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ karozzi tal-kiri li qed jinkrew mill-Malta Public Transport Services mit-2 ta' Jannar 2014 sa meta tiġi mwieġba din il-mistoqsija parlamentari? Mingħand min qed jinkrew dawn il-karozzi tal-kiri u x' tip ta' karozzi qed jinkrew? Kemm qed titħallas kuljum il-kumpanija li qed tikri dawn il-karozzi għal kull karozza? Min qed jagħmel użu min dawn il-karozzi u għal-liema użu qed jinkrew dawn il-karozzi?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li skont informazzjoni pprovduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, mit-2 ta’ Jannar 2014 sal-lum, qegħdin jinkrew tmien vetturi, liema vetturi kienu diġa’ qed jinkrew minn qabel Jannar tal-2014. Il-ħlas ivarja bejn l-€10 u l-€50 u qed jintużaw għall-qadi tax-xogħol.
B'referenza għat-tweġiba li ta l-Ministru għall-mistoqsija parlamentari 6201, jista’ l-Ministru jgħid xi ftehim intlaħaq bejn il-Gvern u l-Ħaddiema tax-Xatt rigward arretrati peress li diġà għaddew tliet xhur minn meta l-Onor. Ministru qal li se tingħata l-informazzjoni fil-waqt opportun u baqa’ ma ġie mħabbar xejn min-naħa tal-Gvern?
Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’każ li ntlaħaq ftehim bejn il-Gvern u l-Ħaddiema tax-Xatt fir-rigward ta’ arretrati, kemm tammonta s-somma li se tingħata f’arretrati kif ukoll min se jagħmel tajjeb għal dawn il-flus?
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ttieħdu fir-rigward tax-xufier li fid-9 ta’ Marzu waqt li kien dieħel fil-venda taċ-Ċirkewwa tela’ s-centre strip sabiex jaqbeż min-naħa għall-oħra tat-triq waqt li kien mgħobbi bil-passiġġiera? Jista’ jindika x’tip ta’ tagħlim qed jingħata lil dawn ix-xufiera qabel ma dawn jintbagħtu jsuqu x-xarabanks, kif ukoll is-suġġetti li qed ikopru waqt dan l-istess tagħlim?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li minn investigazzjoni li saret mill-operatur tat-trasport pubbliku jirriżulta li dan l-inċident seħħ minħabba li x-xufier bi żball għadda minn ħruġ li mhux suppost għadda minnu u pprova jirrimedja s-sitwazzjoni mingħajr ma’ talab ebda għajnuna. Ix-xufier inkwistjoni ngħata Final Warning validu għal 12 il-xahar, wara li l-istess xufier kien diġa ingħata warnings oħra għal każijiet separati.
Infurmat ukoll li l-operatur tat-trasport pubbliku għandu liċenzja ta’ Motoring School maħruġa minn Transport Malta sabiex ix-xufiera prospettivi kif ukoll dawk eżistenti jingħataw it-taħriġ tas-sewqan meħtieġ. Infatti l-ewwel taħriġ jingħata lix-xufiera li jkunu interessati li jakkwistaw il-liċenzja tas-sewqan Kategorija D (vetturi kbar għall-ġarr ta’ passiġġieri), filwaqt li jingħata taħriġ ieħor li jwassal għal Ċertifikat ta’ Kompetenza Professjonali skont Direttiva tal-Unjoni Ewropea. Barra minn hekk, jingħata wkoll taħriġ perjodiku lix-xufiera kull ħames snin skont l-istess Direttiva. Dan it-taħriġ ikopri diversi suġġetti li jvarjaw minn aspetti li għandhom x’jaqsmu mas-saħħa u sigurta’ tal-passiġġieri, aspetti tekniċi ta’ kif taħdem il-vettura, aspetti fuq eco driving u suġġetti oħra. Jingħata ukoll taħriġ addizzjonali fuq ir-rotot li hemm fis-servizz, kif ukoll taħriġ ieħor relatat mat-tħaddim tal-magni tal-biljetti u l-imġieba mal-passiġġieri.
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant, li iktar minn dan kollu, ta’ kuljum, l-Instructors tal-kumpanija jagħmlu diversi spezzjonijiet fuq ix-xufiera waqt li dawn ikunu xogħol fuq is-servizz u fejn jinstab li xufier ma jlaħħaqx il-livell mixtieq, ix-xufier jerga’ jintbagħat għal aktar taħriġ.
Servizz tat-trasport pubbliku – bejgħ ta’ biljetti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-proċedura li tintuża mill-kumpanija l-ġdida sabiex tiġbor il-flus tal-biljetti li ta’ kuljum jinqatgħu minn fuq ix-xarabank, kemm mix-xufiera kif ukoll permezz tal-machines? Din il-proċedura hija l-istess proċedura li kienet tintuża mill-operatur li kien hemm qabel, jiġifieri l-Arriva Malta Ltd? X’tip ta’ moniteraġġ qed isir sabiex ikun assigurat li l-ammont ta’ biljetti li jinqatgħu qed jiġi cashed fl-aħħar tal-ġurnata?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-proċedura li tintuża mill-Malta Public Transport Services (Operations) Ltd sabiex tiġbor u tirrikonċilja l-flus tal-biljetti li jinqatgħu minn fuq ix-xarabanks hija bbażata fuq l-istess sistema li kienet titħaddem mill-kumpanija Arriva. Madanakollu din il-proċedura qed tiġi riveduta biex ikun hemm aktar kontrolli u jiġi assigurat li l-flus kollha li jappartjenu għall-billjetti mibjugħa qed jinġabru, u qed jiġu depositati fil-kont tal-kumpanija.
Il-Bord tal-Malta Public Transport ikkummissjonat audit indipendenti fuq is-sistema tal-bejgħ tal-biljetti u ir-rikonċiljazzjoni tal-dħul. Minn rapport preliminarju, hemm nuqqasijiet li qed jiġu riveduti mill-management tal-kumpanija biex jissaħħu l-kontrolli interni u jitnaqqas ir-riskju li xi flus ma jiġux iddepożitati u rikonċiljati.
Fir-rigward tal-magni tal-biljetti l-oħra (dawk li m’humiex fuq ix-xarabank), dawn jiġu ddepożitati jew permezz ta’ l-istess sistema tax-xufiera, jew depożitati direttament il-bank inkella jiġu miġbura mill-istess kumpanija hawn fuq imsemmija.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni li mmedjatament hekk kif għalqet l-espressjoni ta’ interess fis-7 ta’ April 2014. ma ġietx impoġġija l-lista ta’ kumpaniji li tefgħu wkoll l-offerta finanzjarja sottomessa minnhom, fuq in-notice boards fil-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura u/jew fl-uffiċini ta’ Transport Malta kif inhi l-prassi f’sottomissjonijiet bħal dawn? X’inhi r-raġuni għan-nuqqas ta’ trasparenza li qed juri l-Gvern f’dan il-proċess? Ma jħossx li b’tali atteġjament min-naħa tal-Gvern qed imur kontra l-wegħda elettorali tiegħu fejn fil-manifest elettorali kien assigura aktar kontabilità u trasparenza?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara l-għeluq tas-sottomissjonijiet għas-sejħa t’interess relatata mas-servizz tat-trasport pubbliku fis-7 t’April 2014, il-lista ta’ kumpaniji li tefgħu s-sottomissjoni tagħhom ġiet ippublikata fuq il-websajt ta’ Transport Malta. Għaldaqstant, l-Onorevoli Interpellant qed juri li l-interess tiegħu hu li għal kull ħaga ta’ xejn jipprova jqajjem id-dubju u dan juri biċ-ċar li mhux l-intenzjoni tal-Oppożizzjoni li tagħmel kritika ġusta u li tipproponi soluzzjonijiet imma li tieħu kull opportunita’ biex tipprova tfixkel il-ħidma tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kemm hu n-numru ta' opri tal-baħar li huma registrati mal-Awtortità tat-Trasport Pubbliku, bħala pleasure boats fid-diversi kategoriji li hemm, skond l-istess Awtorità tat-Trasport Pubbliku? Jista' jgħid kemm hu n-numru ta' dawn l-opri skond kif registrati fil-lokalitajiet differenti?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li n-numru ta’ dgħajjes reġistrati mar-Reġistru tal-Bastimenti Żgħar (Small Ships Register -SSR) jammonta għal 13,013.
In-numru ta' opri tal-baħar ta' aktar minn sitt metri, reġistrati taħt l-Att dwar il-Bastimenti Merkantili bħala pleasure yachts huwa ta’ 3006. (Opri tal-baħar taħt is-sitt metri jiġu reġistrati taħt ir-Reġistru tal-Bastimenti iż-Żgħar).
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra lista’ ta dawn l-opri tal-baħar maqsuma skont il-lokalitajiet.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il persuna kellha jew għandha liċenzja biex tgħallem s-sewqan (driving schools) mill-2007 sad-data li fiha tkun imwieġba din l-interpellanza?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.