Jista’ l-Ministru jispjega għalfejn il-pilloli Imdur, użati minn pazjenti b’mard relatat mal-qalb, jinsabu out of stock? Jista’ jagħti d-data meta dawn se jkunu jistgħu jerġgħu jingħataw?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-mediċina Imdur tinsab f’ammont limitat fl-isptarijiet. Hemm ordni pendenti li se tasal fi-26 ta’ Lulju 2013 imma d-dipartiment saqsa lill-kuntrattur biex l-ordni titwassal qabel. Il-kuntrattur fit-18 ta’ Ġunju 2013 wiegħed li qiegħed jagħmel dak kollu li hu possibli biex l-ordni tasal mill-aktar fis. Ir-raġuni għala l-mediċina ġiet out of stock kien minħabba li l-ordni damet ma saret għar-raġuni li f’Awwissu ta’ 2012 id-dipartiment kellu direttivi mill-UĦM li waslu biex jitwaqqaf il-proċess għall-tlett xhur sħaħ.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex dan l-aħħar ġie nnutat li hemm nuqqas kbir ta' wheelchairs fl-Isptar Mater Dei? Kemm hemm wheelchairs għall-użu tal-pubbliku? Jista' l-Ministru jara li jiżdiedu l-wheelchairs fl-isptar?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li normalment l-ammonti tal-wheelchairs li hemm bħalissa huma biżżejjed. Dan l-aħħar ma kienx hemm rapporti ufficjali li jindikaw xi nuqqas kbir.
Bħalissa hemm disgha u sebghin (79)
wheelchair
, li huma għall-użu fl-Isptar Mater Dei.
Pazjent jista jkun akkumpanjat mill-porter jew jingħata l-wheelchair biex jinqeda fl-isptar stess. Kultant ikun hemm talba ghal wheelchairs aktar mis-soltu, ghalhekk l-ammont li hemm bhalissa jew ikun qed jintuża, jew ġieli jkun hemm xi wheelchair għat-tiswija.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm security officers fl-Isptar Mater Dei fl-aħħar ta' Frar 2013? Dan in-numru żdied minn Frar sal-lum? Jekk żdied, b' kemm żdied, u x' kienet r-raġuni?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li fl-aħħar ġurnata ta’ Frar, 2013 kellna 86 Uffiċjal tas-Sigurta’ fuq xogħol fl-Isptar Mater Dei li jkopru l-ġurnata, kif ukoll il-lejl.
Minn l-aħħar ta’ Frar, 2013, in-numru ta’ Ufficjali tas-Sigurta’ la tnaqqas u lanqas żdied.
Jista' l-Ministru jghid kemm inxtraw jew inkrew computers/laptops/mobile devices għall-impjegati tas-Segretarjat tal-Ministru? Meta nxtraw u kemm hu l-valur li nxtraw bih? Kemm inkrew, jekk inkrew u kemm hi l-kirja? Kemm kienet l-ispiża inizjali? Hemm spiża rikorrenti u kemm hi?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li ma’nxtrat l-ebda mobile device għall-impjegati tas-Segretarjat tal-Ministeru. Il-mobile devices kienu inklużi bħala parti mill-pakkett tas-servizz li ntgħazel jew inġiebu mill-Key Loyalty Scheme, għaldaqstant ma’ kien hemm l-ebda spiża inizjali. Ħdax (11) il-mobile device inġiebu għal uża tas-segretarjat. L-ispiża rikurrenti bejn servizzi ta’ voice u data hija ta’elf u sbatax-il ewro (€ 1,017) fix-xahar. Mit-13 ta’ Marzu sa’ llum inkrew erba’ (4) computers u sitt (6) laptops bi spiża rikorrenti ta’tlett elef,mitejn u wieħed u tmenin ewro (€ 3281) fis-sena, għal ħames snin. L-ispiża f’dan ir-rigward mhux ser issir mill-vot tal-Ministeru peres li dawn ser jiġu mħalssin minn vot ċentrali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-tilqima tat-TB hux se tibqa’ tingħata b’xejn fl-iskejjel? Jekk iva, sa liema età? Jekk le, għal liema raġuni?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li is-Suprintendent tas-Saħħa Pubblika kien ħabbar fit-tmienja ta’ Mejju li kien se jsir tibdil fl-iskeda tat-tilqim, b’waħda mill-bidliet tkun propju dik tat-tilqima kontra t-tuberkulożi.
Wara li saret evalwazzjoni sħiħa tal-evidenza xjentifika li hawn illum fuq kemm hija effettiva it-tilqima, instab li ma hemmx evidenza li din it-tilqima fil-fatt la tilqa’ kontra infezzjonijiet primarji u lanqas kontraz ir-rijattivazzjoni ta’ infezzjoni fi tfal li għandhom ‘l fuq minn hames snin. L-evidenza turi li din it-tilqima iżda hija effettiva biex tilqa’ kontra infezzjonijiet b’mod specjali kontra it-tifrix tal-marda fil-ġisem.u kontra il-meninġite ikkawżata mill-mikrobu tat-tuberkulozi fit tfal taħt il-ħames snin li ġejjin minn pajjiżi fejn l-incidenza tal-marda hija għolja.
Wara konsultazzjonijiet li saru mal Għaqda Dinjija tas-Saħħa (WHO) u mac-Centru Ewropew għall-Kontroll u l-Prevenzjoni tal-Mard Infettiv ġie konkluż li l-għoti ta’ din it-tilqima fit-tfal ta’ tnax il-sena kif kien qed isir f’Malta ma kienx qed jilħaq l-għan mixtieq.
Għaldaqstant ġie deciż li-fl-interess tal-istess tfal, din it-tilqima ma tibqax tinġħata lit-tfal kollha iżda tingħata biss lit-tfal taħt il-ħames snin li jitwieldu lill-ġenituri li ġejjin minn pajjiżi fejn l-incidenza hija għolja jew lill-koppji li għexu għal tul ta’ żmien f’dawn il-pajjiżi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk dan l-aħħar sarux spezzjonijiet tal-baħar fiż-żona ta’ ħdejn il-caravan site ta’ Baħar iċ-Ċagħaq? Jekk iva x’irriżulta minn dawn l-ispezzjonijiet? Jekk le, hemm pjan li dawn isiru?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-aktar sit fil-viċin taż-żona ta’ ħdejn il-caravan site ta’ Baħar iċ-Ċagħaq li tifforma parti mill-program ta’ monitoraġġ għall-kwalita` tal-ilma baħar hija dik fil-bajja ta’ Baħar iċ-Ċagħaq magħrufa bħala Żona B 01. Kampjuni tal-ilma baħar minn din iż-żona jinġabru kull ġimgħa bħala parti mill-program ta’ monitoraġġ nazzjonali għall-kwalita` tal-ilma baħar u wara t-tielet ġimgħa mill-bidu ta’ dan il-programm, din iż-żona hija kklassifikata bħala ta’ kwalita` eċċellenti.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 1805 u 406 u jgħid x'inhu l-pjan tiegħu rigward il-kura ta' riabilitazzjoni? X'miżuri jew proġetti se jiġu mnedija sabiex dan is-servizz jitjieb u jsir aktar professjonali u b'hekk ikun jista' jagħti firxa aktar wiesgħa ta' servizzi bħal pereżempju kura ta' riabilitazzjoni għat-tfal, respiratorja, kardijaka u wara li jkun sar xi intervent kirurġiku maġġuri?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-Ministeru għas-Saħħa qiegħed janalizza kif jista' jiżviluppa aħjar is-servizzi tar-rijabilitazzjoni billi jwessa’ l-firxa tas-servizz biex b’hekk inħarsu l-interessi ta’ dawk bejn it-18 u l-65 sena, ħaga li ma tingħatax f’Karen Grech Rehabilitation Hospital, filwaqt li ntejbu aktar is-servizzi li qed jingħataw.
Sal-lum ir-rijabilitazzjoni respiratorja kif ukoll kardijaka qed jingħataw Mater Dei bħal qabel, waqt li dik pedjatrika mis-CDAU, imma anki hawn wieħed jrid jara jekk din hix l-aħjar servizz.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 960 u jgħid għalfejn pazjenti li għandhom bżonn il-mediċina Risperidone depot u li qed jiġu approvati fuq din il-mediċina mid-dipartiment konċernat peress li jikkwalifikaw skont il-protokolli eżistenti, mhumiex fil-fatt qed jingħataw din il-mediċina? Min ħa tali deċiżjoni li l-pazjenti ma jinbdewx fuq din il-mediċina u għaliex? Ma jaħsibx li tali dewmien għal dan it-trattament jista' jwassal sabiex il-pazjenti jiddeterjoraw u possibbilment anke jwassal għall-ħtieġa ta' kura fi sptar?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-mediċina Risperidone(R) Depot ġiet approvata għall-introduzzjoni fil-Formularju tal-Gvern fis-sena 2011 għal numru kkalkulat ta’ pazjenti mistennija li jieħdu din il-mediċina. L-użu u l-konsum ta’ din il-mediċina baqgħet tiġi osservata u evalwata. Fi Frar 2013 ġie deċiż mill-Kumitat Konsultattiv tal-Formularju tal-Gvern li temporanjament jieqfu l-approvazzjonijiet ta’ din il-mediċina sakemm issir l-evalwazzjoni neċessarja sabiex jiġi kkonfermat li pazjenti ġodda jistgħu jiġu approvati mingħajr ma l-mediċina tispiċċa out of stock.
Wara li sar il-monitoraġġ u l-valutazzjoni mid-Dipartiment tas-Saħħa il-permessi pendenti li kien hemm ġew approvati u l-pazjenti qed jingħataw il-mediċina neċessarja.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 961 u jgħid jekk hemmx pjanijiet sabiex tiddaħħal xi forma ta' sistema ta' reimbursement għas-sistema tal-għoti ta' mediċini mis-sistema nazzjonali tas-saħħa, inkluż mis-sistema tal-Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek? X`konsultazzjonijiet beħsiebhom isiru mal-imsieħba soċjali involuti f`dan il-qasam? Min se jiġi kkonsultat?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforna lill-Onorevoli Membru li prezentament, l-Gvern qed jiffoka l-isforżi tiegħu biex jiżgura li s-sistema tal-għoti tal- mediċini jiġifieri l-‘Iskema tal-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek’ tkun sistema vjabbli, li tadqi lil dawk li jużaw s-serviżż, kif ukoll (biex jiżguraw li din is-sistema) tkun waħda li tagħti valur ta’ flus (value for money) lit-taxpayer.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1264 u jgħid x'inhi r-raġuni li xi fiżjoterapisti ngħataw transfer meta dawn diġà ħadmu s-sentejn ta' rotation? Kif ġew magħżula dawk l-impjegati li se jiċċaqalqu, anke meta jirriżulta li impjegati li laħqu sena wara mhux se jiċċaqalqu u ġew esklużi mis-sistema tar-rotation
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li ma ġie trasferit l-ebda fiżjoterapista u li l-perijodu totali li l-istaff jibqa’fuq is-sistema ta’ rotation hija ta’ bejn tliet (3) u ħames (5) snin. L-allokazzjoni ta’ dan il-health care professional tista’ ssir skont l-esiġenzi tas-servizz għall-kura tas-saħħa, u għalhekk jistgħu jinbidlu minn żmien għal żmien.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1806 u jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn inħasset il-ħtieġa li jiġu deployed erba’ security guards, tnejn matul il-jum u tnejn bil-lejl, fil-bini ewlieni tal-Ministeru fi Strada Merkanti, meta fl-aħħar ġimgħat l-istess Ministeru żied is-sistema ta’ CCTV cameras ġewwa l-istess bini u meta fl-istess binja hemm sistema ta' intruder alarm li taħdem tajjeb? Ma jaħsibx li tali miżura tmur oltre minn dak li hu verament bżonnjuż, speċjalment matul il-lejl? Kemm hi n-nefqa f’pagi, allowances u dħul ieħor li qed jitħallsu dawn is-security guards? Kemm ġew irrappurtati lill-Pulizija każijiet ta' serq minn ġewwa Palazzo Castellania, li seħħew fil-ħinijiet tal-uffiċċju u anke matul il-lejl fl-aħħar ħames snin?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li, minħabba l-valur ta’ oġġetti li jinsabu fl-inventarju (Heritage Malta), l-ħafna aċċessi għad-dħul fil-Ministeru, u l-fatt li persuna waħda biss kellu aċċess għaċ-ċwievet kollha inkuż tal-uffiċini u kien jitħallas ammont kbir f’overtime, intalab permess biex jiġu ngaġġati sitt persuni fuq kuntratt bħala (persons of trust) biex iħarsu l-post matul il-lejl u fi ġranet bħal ħdud u festi nkuz sibtijiet.
Apparti dan, dawn il-persuni ġew imħarrga biex jirrispondu telefonati biex b’hekk dawk li jċemplu l-Ministeru barra l-ħin tal-uffiċċju, jkunu moqdija, filwaqt li l-preżenza tagħhom tiffaċilita wkoll laqgħat li jsiru barra l-ħin normali tal-uffiċċju.
Il-pagi mogħtija huma ta’skala 14 skond il-kuntratt ta’ Secretariat Messenger/ Security.
Is-sistema ta’CCTV Cameras li żied fl-aħħar ġimgħat, il-Ministeru preċedenti kienet difettuża.
Ninsab infurmat li ma’ġew irrapurtati l-ebda r-rapporti lill-Pulizija.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2281 u jispjega x’inhi l-proċedura ta' kif qed jinħaslu l-pazjenti li huma klassifikati bħala bedridden ġewwa l-Isptar Mater Dei? Jikkonferma l-istess Ministru li tali proċedura se tinbidel u se jibdew jintużaw disposable sponges? X`inhi r-raġuni għal dan it-tibdil, u kemm hija l-istima taż-żieda fl-ispiża in konnessjoni max-xiri ta’ dawn id-disposable sponges?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-metodu tal-ħasil ta' pazjenti bedridden fl-Isptar Mater Dei kien u għadu jsir billi jimtela friskatur bl-ilma fietel u li minnu l-pazjent jinħasel permezz ta’ face cloth u sapuna. Madanakollu f’dawn l-aħħar snin ġew żviluppati prodotti – bħal l-isponges msemmija – li jħaffu l-proċess kif ukoll jipprovdu iġjene aħjar u jnaqqsu r-riskju ta’ tixrid tal-infezzjonijiet ġewwa l-isptar. Dawn saru il-metodu prinċipali għall-ħasil tal-pazjenti fil-maġġoranza tal-isptarijiet Ewropej. Għal din ir-raġuni, f’dawn l-aħħar ġimgħat, saru xi trials ta’ diversi prodotti (mhux biss sponges, imma prodotti oħrajn ukoll). Din hija proċedura normali. Tant hu hekk li hemm Standard Operating Procudure kif isiru dawn it-trials – liema proċedura ġiet ukoll addottata f’dan il-każ. B’daqshekk ma jfissirx li sejra tinbidel is-sistema preżenti.
Jista’ l-Ministru jagħti tagħrif dwar jekk hemmx xi reġistru partikulari li fih irid jinkiteb min, skont il-liġi, se jkun jista’ jibbenefika mill-proċess tal-IVF b’xejn iktar 'il quddiem? Jekk iva, kif jista’ jagħmel tali applikazzjoni min hu intitolat għal dan il-proċess? Jekk le, x’inhi l-proċedura li se tiġi użata għal dan l-iskop?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li bħalissa qed jinħoloq eligibility criteria għal min ikun intitolat biex jibbenika mill-proċess tal-IVF b’xejn. Dan se jkun ibbażżat fuq il-liġi tal-Embryo Protection Act 2012 kif ukoll NICE guidelines li ġie addatati għas-sitwazzjoni ta’ Malta.
Mill-informazzjoni tal-
Infertily Clinic
d-domanda ta’minn hu eleġibli għal dan, tista tiġi kalkulata bħala ipotesi.
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra kemm kienu l-persuni li mietu matul is-sena 2013 bħala riżultat ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol? Kif kienu mqassma xahar b'xahar? Kemm minn dawn kienu nisa u kemm minn dawn kienu rġiel, xahar b'xahar?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat illi fis-sena 2013 kien hemm 2 fatalitajiet. Fiż-żewġ każijiet, l-inċident kien jinvolvi impjegati rġiel, u l-inċidenti seħħew rispettivament f’April u f’Ġunju.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se joħorġu l-appointments tal-principal pharmacy technicians li r-riżultati tal-interviews għalihom ħarġu fl-14 ta’ Frar 2013 u jekk dawn joħorġux backdated minn meta ħareġ ir-riżultat?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li r-rakkomandazzjonijiet għall-Principal Pharmacy Technicians intbagħtu lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku. Għaldaqstant nistieden lill-Onorevoli Membru biex jiddirieġi l-mistoqsija tiegħu lill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Peress li jeżistu erba’ gradwati fil-B.Sc. Radiography li ggradwaw f’Jannar 2013 wara li kellhom resit u għaddew, qagħdu għall-eżami tal-post f’Ġunju 2012 u għaddew, u fi Frar 2013 ġabu l-permit biex jaħdmu bħala radiographers, jista’ l-Ministru jgħid meta dawn ser jiddaħħlu jaħdmu fl-isptarijiet?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li s-sejħa li applikaw għaliha dawn il-kandidati kienet tistipula li persuni li jgħaddu mill-intervista jkunu jistgħu jingħataw ħatra biss jekk ikollhom ir-reġistrazzjoni qabel il-31 ta’ Diċembru tal-2012, u għaldaqstant ladarba dawn ġew reġistrati f’Jannar tal-2013, ma setgħux jingħataw ħatra abbażi ta’ din is-sejħa. Ninforma ukoll lill-Onorevoli Membru illi, ladarba terġa’ toħroġ is-sejħa għal Radiographers, il-kandidati inkwistjoni jkunu jistgħu japplikaw biex b’hekk ikunu kkunsidrati. Jien għamilt ħilti kollha biex nipprova ndaħhalhom, imma kelli noqgħod għar-regoli mposti mill-gvern prċedenti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet f'din l-aħħar sena fuq postijiet tax-xogħol biex tiġi assigurata s-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li tul l-aħħar sena saru 2352 spezzjoni fuq il-post tax-xogħol minn uffiċjali għas-saħħa u s-Sigurta fuq il-Post tax-Xogħol. Tul l-istess perjodu, l-OHSA evalwat 4977 ċertifikat ta’ krejnijiet, boilers u liftijiet użati f’postijiet tax-xogħol differenti.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fl-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) f'Għawdex?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-Awtorita għas-Saħħa u s-Sigurta fuq il-Post tax-Xogħol topera minn sede waħda li għandha f’Tal Pieta, u m’għandiex uffiċċini fuq bażi reġjonali. Madanakollu, Uffiċċjali tal-Awtorita jitilgħu Għawdex skont il-ħtieġa. Ninsab infurmat li l-Awtorita tagħmel il-meżżi tagħha kollha biex Għawdex ikun inkluż fil-kampanji proattivi ta’ spezzjoni li tkun qed torganiżża.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill-1998 sal-lum? Jista’ jgħid jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li l-Ministeru w entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu,qatt ma għamlu użu mis-servizzi tal-kumpanija msemmija.
Jista’ l-Ministru jagħti lista aġġornata tal-konsulenti li nħatru minn Marzu tal-2013 ’l hawn? Kemm hu l-ħlas tagħhom individwalment fix-xahar, x’servizz huma mitluba li jagħtu u kemm-il siegħa huma mitluba jaħdmu fix-xahar fuq ix-xogħol ta’ konsulenza? Jista’ fil-lista jinkludi wkoll il-membri ta’ kull kumitat li nħatru minn Marzu tal-2013 ‘l hawn, kemm qed jitħallsu u x’servizz hu mitlub li jagħti kull membru?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Membrut li t-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f’xi seduta oħra.