Legislature:
Category:
Reset
Active:

Pembroke — Kuntrattur tat-tindif

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hux minnu li l-kunsill lokali ta' Pembroke ilu xahrejn bla kuntrattur tat-tindif, non urban/urban u qtugħ ta' ħaxix u jgħid x'inhi r-raġuni? Għalfejn it-tender ħarġet din il-ġimgħa (l-aħħar ġimgħa ta' Settembru)?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Pajjiżi tal-UE — Persuni ta' nazzjonalita' barranija jaħdmu f'Malta

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn barranin minn pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea jaħdmu Malta llum u minn liema pajjiż huma?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant hija kif jidher hawn taħt. Inħarġu wkoll għaxar liċenzji lil ċittadini minn Norveġja, pajjiż ta' l-EEA. Pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom inħarġitilhom liċenzja ta' impjieg Awstrija 46 Belġju 36 Ċeka - Repubblika 24 Danimarka 33 Estonja 3 Finlandja 13 Franza 57 Ġermanja 159 Greċja 7 Irlanda 20 Italja 148 Latvja 25 Litwanja 7 Olanda 47 Polonja 35 Portugal 4 Slovakkja 35 Slovenja 3 Spanja 17 Svezja 84 Renju Unit 506 Ungerija 11 TOTAL 1,320 Ninsab infurmat ukoll li għalkemm id-Dipartiment konċernat pprepara l-liċenzji meħtieġa lil madwar 300 persuna mit-total li jidher hawn fuq, dawn il-liċenzji għadhom ma nġabrux.

Gżira — Ġnien tal-kunsill ta' l-Ewropa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-ġnien tal-kunsill ta' l-Ewropa fil-Gżira qed ikun mitfi u fid-dlam ċappa bil-lejl?

Response (BORG, TONIO)

Bħal ma jaf l-Onor. Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali b'personalita' legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.

Qrati — Persuni akkużati fuq każi ta' indiċenza pubblika

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm ittellgħu persuni l-qorti in konnessjoni ma' każi ta' indiċenza pubblika din is-sena? Ta' liema sess kienu, x'kienu r-reati u kemm kellhom żmien il-persuni mressqa?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Settembru ta' din is-sena kien hemm 13-il persuna li ġew imressqa quddiem il-Qorti mill-Pulizija b'reati kontra l-indiċenza pubblika. Minn dawn waħda kienet tas-sess femminili, filwaqt li l-eta' tagħhom kienet tvarja bejn l-20 u s-67 sena.

Karti ta' l-identita' — Tibdil ta' ismijiet minħabba sex change

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid mis-sena 2000 sal-lum kemm saru tibdil ta' ismijiet minn fuq ID cards minħabba sex change (sena b'sena)?

Response (BORG, TONIO)

Peress li r-responsabbilita' ta' ħruġ u tibdil fl-ID Cards hija tal-Uffiċċju Elettorali, id-Dipartiment tar-Reġistru Pubbliku m'huwiex f'pożizzjoni li jgħid x'tibdil sar fl-ID Cards. Pero' id-Dipartiment għandu record ta' l-Atti tat-Twelid li tagħhom ġew mibdula kemm l-isem ta' l-individwu minħabba sex change kif ukoll l-indikazzjoni tas-sess u dan b'sentenza tal-Qorti. F'kull każ l-indikazzjoni tas-sess hija li minn raġel ġie mibdul mara u l-każi mis-sena 2000 sa llum kienu kif ġej:- Sena Numru 2000 NIL 2001 2 2002 5 2003 1 2004 NIL

Korp tal-Pulizija — Supretendenti u spetturi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk il-gvern għandux il-ħsieb li jżid in-numru ta' supretendenti u spetturi fil-korp tal-pulizija fil-ġejjieni qarib?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tqassim tal-membri tal-Korp isir skond l-eżiġenzi tal-Korp u n-neċessitajiet oħra li jkun hemm bżonn.

Ħaż-Żebbuġ — Għassa tal-pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jieħu ħsieb li l-għassa tal-pulizija ta' Ħaż-Żebbuġ tkun miftuħa aktar ta' spiss billi qegħdin jasluli ilmenti mingħand ċittadini Żebbuġin li ħafna drabi jkollhom jinżlu l-għassa ta' Ħal Qormi biex jinqdew?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi fl-Għassa tal-Pulizija msemmija mill-Onorevoli Interpellant qed ikun hemm dettaljat kuntistabbli regolarment. Ikun hemm drabi fejn ikun hemm ukoll surġent. Madankollu, jista' jkun hemm drabi fejn l-eżiġenzi tas-servizz ikunu jirrikjedu lill-Pulizija li jkunu għassa joħorġu fuq xogħol, bil-konsegwenza li l-għassa jkollha tingħalaq f'dawk il-ħinijiet.

Ħaż-Żebbuġ — Għassa tal-pulizija

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jieħu ħsieb li jżid il-complement tal-pulizija fl-għassa ta' Ħaż-Żebbuġ u li jiżdiedu l-patrols tal-Vice Squad billi l-problema tad-droga f'Ħaż-Żebbuġ hija sostanzjali u magħrufa minni personalment mill-kuntatt professjonali u politiku li għandi f'Ħaż-Żebbuġ?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7333, ninsab infurmat illi t-Taqsima ta' kontra d-droga tal-Pulizija regolarment tagħmel, u ser tkompli tagħmel, ronda f'Ħaż Żebbuġ kif ukoll fl-inħawi tal-madwar, l-aktar f'postijiet fejn ikun hemm suspett li jkun qed isir xi abbuż ta' droga.

CCF — Sejba ta' droga

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il darba nstabet id-droga fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 (sal-31 ta' Awissu)? Mill-investigazzjonijiet li saru qatt irriżulta kif fil-fatt id-droga sabet ruħha fil-ħabs? U jekk iva, x'passi ttieħdu?

Response (BORG, TONIO)

B'żieda mat-tagħrif li jien tajt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2563, ninsab infurmat illi bejn Jannar 2004 sa l-aħħar ta' Awissu 2004 kien hemm ħdax (11)-il sejba ta' materjal suspettuż ġewwa l-Ħabs. Kien hemm każi meta l-materjal suspettuż instab fuq viżitaturi waqt li tkun qed issirilhom tfittxija qabel ma jidħlu fis-sala tal-viżti, kif ukoll f'oġġetti li viżitaturi jkunu ġabu biex jingħataw lill-priġunieri. F'kull każ saret inkjesta maġisterjali.

Qrati — Kawżi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif ġew assenjati l-kawżi fil-Prim'Awla tal-Qorti Ċivili u fil-Qorti tal-Familja b'indikazzjoni ta' l-ismijiet ta' l-imħallfin fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 (sal-31 ta' Awissu)? Kemm ġew deċiżi kawżi minn kull imħallef u kemm hemm każi pendenti quddiem kull imħallef fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 (sal-31 ta' Awissu)?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni kollha minnu mitluba tista' faċilment tinkiseb mis-sit www.justice.gov.mt taħt Statistics li tinsab f'Court Services. L-istatistika tinkludi kemm kawżi Ċivili kif ukoll dawk Kriminali u tinkludi kawżi pendenti, introdotti u maqtugħa (deċiżi) għal kull Qorti u għal kull ġudikant. L-istatistika tmur lura sal-2000 u hija aġġornata sa Awissu 2004. Kopja qegħdha tiġi hawn annessa.

Qrati — Sentenza dwar klinika involuta f'każ ta' DNA

Question

Peress li l-imħallef l-Onor. Ray Pace fit-30 ta' Ġunju f'sentenza li ta fil-Qorti tal-Familja talab lill-pulizija tinvestiga l-operat ta' ċerta klinika fejn l-imħallef qal li ma mxietx b'etika f'każ tad-DNA, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk fil-fatt saritx din l-investigazzjoni? X'passi ttieħdu?

Response (BORG, TONIO)

Il-każ qed jiġi studjat u jekk ikun hemm lok għal xi proċeduri dawn jittieħdu.

Korp tal-pulizija — Ħatra ta' surġenti maġġuri

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari 5088, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid xi progress kien hemm fil-ħatra ta' surġenti maġġuri fil-korp tal-pulizija peress li dan il-proċess ilu jkarkar żmien twil?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-Tweġiba li jiena tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 5088, għadha tgħodd.

Qrati — Awla tal-Maġistrat Mizzi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jikkonferma jekk il-kaġun tal-ħruq estensiv li ħakem l-awla tal-maġistrat Mizzi fil-bini tal-qorti kienx doluż jew kolpuż? L-inkjesta maġisterjali għadha għaddejja jew le?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-inkjesta maġisterjali li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant għadha għaddejja, u għalhekk m'hemmx aktar informazzjoni x'tingħata f'dan l-istadju.

Faċilita' Korrettiva ta' Kordin — Detenuti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika l-ammont ta' detenuti fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin maqsumin skond dawk sentenzjati u dawk le, skond dawk Maltin u dawk barranin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-ammont ta' detenuti fis-16 ta' Awissu 2004 kien ta' mitejn u tmenin (280). Dawn kienu mqassma kif ġej:- 180 Maltin - 140 sentenzjati, 40 taħt arrest preventiv 100 Barranin - 59 sentenzjati, 41 taħt arrest preventiv.

Libreriji lokali — Xiri ta' kotba

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika l-ammont ta' flus minfuq fuq xiri ta' kotba din is-sena mil-libreriji lokali b'mod nazzjonali u mil-libreriji fir-Raba' Distrett, lokal b'lokal, b'mod partikolari?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-ammont ta' flus minfuq mill-Kunsilli Lokali fuq xiri ta' kotba din is-sena għal-Libreriji Lokali b'mod nazzjonali skond l-informazzjoni mogħtija sal-lum hu ta' Lm7,667. L-ammont ta' flus minfuq għal-Libreriji Lokali fir-Raba' Distrett hu kif ġej: Gudja : l-ebda risposta mingħand il-Kunsill Marsa : l-ebda devoluzzjoni ta' Librerija Lokali Paola : l-ebda devoluzzjoni ta' Librerija Lokali Santa Luċija : l-ebda devoluzzjoni ta' Librerija Lokali Tarxien : l-ebda devoluzzjoni ta' Librerija Lokali

Pembroke — Proġett ta' afforestazzjoni

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħtini informazzjoni għaliex il-proġett ta' l-afforestation f'Pembroke tħalla daqshekk lura, ħlief għal tisqija? Veru li ma ngħatax tender għat-tieni darba mill-kunsill? Jista' il-gvern jintervjeni?

Response (BORG, TONIO)

Rigward l-ewwel partijiet tad-domanda nitlob l-Onor. Interpellant jagħmilha direttament lill-Kunsill Lokali Pembroke u l-aħħar parti lill-Ministeru għall-Affarijiet Rurali u Ambjent.

UE — Talba għal fondi mill-Gvern Malti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid għal liema fondi mill-UE il-Gvern Malti applika fil-qasam tal-persuni li qegħdin ifittxu l-asil u r-rifuġjati u/jew persuni li ngħataw protezzjoni umanitarja? Jista' jagħti d-dati meta applika? Kien hemm fondi li l-Gvern seta' japplika għalihom iżda m'applikax u għaliex?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-applikazzjoni fil-qasam tal-persuni li qegħdin ifittxu l-asil u r-rifuġjati u/jew persuni li ngħataw protezzjoni umanitarja, il-Gvern seta' applika għal fondi li jammontaw għal 48,000 Euro li ġew allokati lill-Malta taħt il-Fond Ewropew għar-Rifuġjati (ERF), stabbilit bid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Settembru (2000/596/EC). L-applikazzjoni ġiet mgħoddija lill-amministrazzjoni tal-Fond Ewropew għar-Refuġjati fi ħdan il-Kummissjoni Ewropeja, Brussels, nhar id-29 ta' Settembru 2003. Il-Gvern seta' wkoll japplika biex jikseb għajnuna finanzjarja mill-fondi tal-programm ARGO, iżda setgħa biss jagħmel hekk bi sħab ma' pajjiżi oħra. Aktar dettalji dwar din il-possibilita' ngħataw fl-istqarrija tal-istampa numru 1352 maħruġa mid-Dipartiment tal-Informazzjoni nhar it-30 t'Awissu 2004.