Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-kriterji li fuqhom ġiet mnaqqsa l-pensjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Din il-persuna għandha dritt għall-appell?
Iħossx li wasal iż-żmien li kriterji li qedgħin spiss jiġu applikati jiġu riveduti skond iċ-ċirkustanzi tal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pensjoni tal-persuna li qiegħed jirreferi għaliha, ġiet sospiża sakemm isiru xi nvestigazzjonijiet. Il-persuna kkonċernata ġiet infurmata biċ-ċirkostanzi kollha tagħha mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali.
Meta tirċievi d-deċiżjoni hija għandha dritt tappella. L-appell irid isir fi żmien tletin ġurnata mid-data tad-deċiżjoni.
Bħalissa il-kriterji biex wiehed jikkwalifika għall-pensjoni mhux kontributorja jinsabu fit-Taqsima IV tat-Tieni Skeda li tinsab fl-Att dwar is-Sigurta' Soċjali (Kap 318).
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm kien hemm nies irreġistrati bħala impressed?
Kemm minnhom għażlu li jsiru tal-post mal-Gvern? Kif ġew deployed?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-proċess biex l-impressed drivers li jagħżlu li jiġu mpjegati mall-Gvern jagħmlu dan, qed jitmexxa mill-Management and Personnel Office fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Għalhekk nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Prim Ministru.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid liema kienu d-drogi li l-aktar ġew ikkurati għalihom il-persuni li attendew iċ-Ċentru Detox skond it-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija nru. 20466?
Jista' jagħti breakdown ta' kemm-il persuna kienet ikkurata għall kull tip ta' droga?
Response (GONZI, LAWRENCE)
1. Prinċiparjament, il-persuni li jattendu fiċ-Ċentru tad-Detox għall-kura, huma persuni li jabbużaw mid-droga eroina. Dan minħabba li l-kura ewlenija li tingħata hija l-Methadone, li tintuża bħala sostitut għad-droga eroina. Għaldaqstant, il-persuni kollha li jattendu d-Detox jabbużaw mid-droga eroina. Jeżistu numru ta' persuni li jabbużaw minn aktar minn droga waħda. Għalhekk il-lista hija dwar in-numru ta' persuni li attendew matul l-ewwel disa' xhur tas-sena (Jannar sa Settembru 2000) u liema kienu d-drogi ewlenin li abbużaw.
2. Eroina 324
Eroina u Cannabis 241
Eroina u Kalmanti 10
Eroina u Ecstasy 25
Eroina u Kokaina 219
Total 819
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari nru. 20466 u t-tweġiba tagħha jista’ l-Viċi Prim Ministru jgħid:
Mill-140 persuna li għamlu użu mis-servizz tad-Detox għall-ewwel darba kemm kienu rġiel u kemm nisa' u kemm kienu barranin?
Mill-102 persuna barranija li wżaw id-Detox ta' liema nazzjonalita' kienu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
1. Mill-140 persuna li għamlu użu mis-servizz tad-Detox għall-ewwel darba, 111 kienu rġiel, filwaqt li 29 kienu nisa. Minn dawn, 28 kienu barranin.
2. In-nazzjonalita' tal-102 persuna barranija li għamlu użu miċ-Ċentru tad-Detox hija:
38 Libjani
32 Ingliżi
20 Taljani
2 Ġermaniżi
4 Jugoslavi
1 Palestina
1 Rumania
1 Portugal
1 Kanada
1 Russja
1 Iraq
Jista' l-Viċi Prim Ministru jara li jinħadem ix-xogħol kollu konness mal-pensjoni tal-pensjonant li l-partikolaritajiet tiegħu qed jidhru separatament? Jista' jgħid hekk hux se jkollu dritt għal somma peress li kien ilu 40 sena mal-Gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor Interpellant illi 'l persuna minnu ndikata ser titħallas il-pensjoni dovuta lilha fil-jum tal-pagament li jmiss wara li l-istess persuna tkun għalqet l-eta' ta' 61 sena. Inżid ngħid illi l-istess persuna ġiet infurmata bil-miktub dwar dan.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-Boys Scouts ta' Ħal Qormi se jingħataw post xieraq minn fejn joperaw peress li ilhom mit-twaqqif tagħhom joperaw minn post taħt it-triq u bil-għan li anke jkunu jistgħu jkabbru l-attivita' tagħhom f'post fejn jenħtieġ ferm li jikbru u jissaħħu l-attivitajiet indirizzati lejn it-tfal u ż-żgħażagħ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment għall-Akkomodazzjoni Soċjali ma jistax jalloka postijiet jekk mhux biex jintużaw bħala residenza.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li pensjonanti li ggwadanjaw minn emenda fil-liġi li wettaq Gvern Laburista fl-1997 sabiex il-pensjoni tas-servizz ma titqiesx u ma jiħdux pensjoni mnaqqsa, issa qed jintalbu li jħallsu mijiet ta' liri bħala ħlas lura mid-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi jista' jkun hemm aktar minn raġuni waħda għaliex qegħdin jinġabru xi ħlasijiet żejda li tħallsu bħala pensjoni lil diversi persuni li għandhom ukoll pensjoni tas-servizz.
Sibna każijiet illi dak li jkun qatt ma kien iddikjara li qiegħed jieħu pensjoni tas-servizz u allura bilfors kellha ssir stima mill-ġdid tal-pensjoni tas-sigurta' soċjali u min kien qiegħed jitħallas aktar id-dipartiment kellu jiġbor dak il-ħlas żejjed li seta kien hemm.
Hemm ukoll każijiet fejn hemm żewġ pensjonijiet tas-servizz, jiġifieri dawk mit-Teżor kif ukoll dawk mis-Servizzi Ngliżi. Meta sar l-eżerċizzju biex tiġi fis-seħħ l-emenda ta' Ottubru ta' l-1997 mwettqa mill-Gvern preċedenti, kien hemm xi każijiet li flok ġiet injorata pensjoni tas-servizz waħda, ġew injorati it-tnejn. Għaldaqstant inħoloq ħlas żejjed. Peress dan kien tort tad-dipartiment, il-ħlas żejjed qed imur lura għal perjodu ta' sentejn biss u qed jitħallas lura bl-anqas rata possibbli taħt l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm nies fil-unit li għandu l-ministeru biex jinvestigaw allegati abbużi fis-servizzi soċjali? Beda jaħdem il-bdil ta' informazzjoni mat-Tax Compliance Unit?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Unit li għandu d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali biex jinvestiga allegati abbużi fis-Servizzi Soċjali jikkonsisti f'seba' minn nies.
Madankollu, dan il-Unit jagħmel użu wkoll minn xogħol ieħor li jkun irid isir minn uffiċjali oħra fid-Dipartiment.
Kemm dan il-Ministeru kif ukoll il-Ministeru tal-Finanzi qegħdin jikkordinaw il-ħidma li qed issir u li għad trid issir bejn dan il-Unit u t-Tax Compliance Unit, kif ukoll f'oqsma oħra li jistgħu jgħinuna ħalli l-abbuż ma jitħallhiex isir mill-bidu nett minflok li jinqabad snin wara.
Jista’ l-Viċi Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari nru. 20543?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nikkonferma li dan l-aħħar sar xi tindif minn kuntrattur privat. Qabel ma sar dan ix-xogħol, inġabru skond il-proċedura, kwotazzjonijiet minn tlett kumpaniji - il-Bad Boy General Cleaners Ltd., il-General Cleaners Co. Ltd. u l-M.C.C.S. Co. Ltd. (Mr Clean).
Peress li l-offerta tal-Bad Boy General Cleaners Ltd. kienet l-aktar waħda vantaġġuża ix-xogħol ingħata lil din il-kumpanija.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid għaliex il-persuna li n-numru ta' l-identita' tagħha qed jintbagħat separatament qiegħed jingħad li tħallset pensjoni żejda meta din il-persuna ikkontribwixxiet għal żewġ pensjonijiet (tal-bolli u tas-servizz)?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor Interpellant biex ġentilment jgħaddi b'mod kunfidenzjali aktar dettalji tal-każ imsemmi sabiex tkun tista' tingħata risposta.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hijiex qed tiġi kkunsidrata li meta persuna tmut u tħalli postijiet (bini) mikrija lill-werrieta, il-bini jiġi stmat skond il-kera li jkunu qegħdin idaħħlu flok jiġi stmat il-bini?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid xi żviluppi kienu saru minn mistoqsija parlamentari numru 6949 tat-12 ta' Mejju 1999?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Minn meta ngħatat it-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 6949, komplejna ninsistu biex jitlesta r-rapport, iżda sallum dan għadu ma ġiex ippreżentat lill-Ministeru.
Il-Gvern ser jagħti sa l-aħħar tas-sena biex il-Kummissjoni dwar ir-Reviżjoni tal-Liġijiet tal-Kera, li kienet waqqfet l-amministrazzjoni Laburista 1996-98, tlesti x-xogħol tagħha u tirrapporta lill-Gvern. Jekk dan ma jsirx, allura l-Gvern ikollu jikkummisjona rapport biex jiġbor fih ix-xogħol li kien sar u l-konklużjonijiet li kienet waslet għalihom din il-Kummissjoni.
B'referenza għall-aħħar mistoqsija parlamentari fuq is-suġġett, jista' l-Viċi Prim Ministru jinforma l-Kamra f'liema stadju wasal il-bini tal-Flats ġewwa Triq San Ġwann, Bormla u jistax ukoll jinforma l-Kamra kemm sa issa ġew sburżati spejjeż u sommom neċessarji u relattivi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li dawn l-appartamenti huma kważi lesti u jonqoshom biss li jitlestew xi xogħolijiet addizzjonali u li jiġu provduti s-servizzi essenzjali. Jien infurmat ukoll li sallum tħallsu Lm222,718 lill-kuntrattur.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jagħti informazzjoni dwar meta ser jiġu mwaħħla lifts fil-bini magħruf bħala "Kamerata" ġewwa Merchant Street, Valletta?
Jista' jikkonferma wkoll hux beħsiebu jimplimenta proċess ta' twaħħil ta' lifts fil-housing estates tal-Pieta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fil-ġranet li ġejjin l-Awtorita' tad-Djar ser tissottometti l-applikazzjoni meħtieġa lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-istallazzjoni ta' lift fil-bini ndikat fl-ewwel parti tal-Mistoqsija.
Ninsab infurmat ukoll li l-Awtorita' tad-Djar waslet biex tassenja t-tender għal żewġ lifts f'żewġ blokki fil-Pieta' fejn jgħixu persuni b'diżabilita' li jsofru minn nuqqas ta' mobilita'.