Jista’ l-Ministru jgħid għaliex il-konkos li sar quddiem il-Marsa Sports Ground fi Triq Aldo Moro bħala parti mill-Flood Relief Project, diġà beda juri sinjali ta’ deterjorament bil-formazzjoni ta’ diversi potholes malli niżlet ftit xita?
Response (MIZZI, JOE)
Il-konkos li qiegħed jirriferi għalih l-Onor. Interpellant hu konkos li sar b’mod temporanju sakemm saru d-devjazzjonijiet tat-traffiku f’din it-triq. Dan il-konkos sejjer ikun mibdul meta terġa ssir is- central strip.
B’referenza għall-artiklu li deher f’gazzetta lokali dwar kiri ta’ 45 karozza tal-linja, jista’ l-Ministru jgħid jekk kienx hemm offerti oħra minn kumpaniji kemm lokali kif ukoll barranin biex jinkrew dawn il-karozzi tal-linja? Kemm kienet l-offerta ta’ dawn il-kumpaniji? X’inhi r-raġuni li l-Gvern iddeċieda li jinkrew il-karozzi tal-linja mingħand din il-kumpanija u mhux mingħand kumpanija oħra? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-offerti l-oħra li kellu għal din il-kirja?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat illi l-Malta Public Transport Services (Operations) Ltd irciviet erba’ offerti mingħand kumpaniji differenti għall-kiri ta’ vetturi għal perjodu ta’ sena biex jintużaw fuq is-servizz tat-trasport pubbliku f’ Malta. Dawn kienu magħmula minn żewg offerti għall-kiri ta’ vetturi ġodda, offerta waħda għall-kiri ta’ vetturi użati u offerta oħra mingħajr dettalji dwar jekk il-vetturi li kellhom jinkrew kienux ġodda jew użati.
Kriterju ewlieni li stabbilixiet l-Malta Public Transport Services (Operations) Ltd kien li l-vetturi kellhom ikunu kollha ġodda u dan sabiex tiżgura li l-vetturi jkunu tal-ogħla kwalità u l-aktar affidabbli. Għaldaqstant, l-Malta Public Transport Services (Operations) għażlet l-offerta li kienet tipproponi l-aktar prezz vantaġġjuż għall-kirja ta’ sena waħda biss ta’ vetturi ġodda skont in-numru massimu ta’ passiġġieri li dawn jistgħu jġorru, flimkien ma’ garanzija li dawn il-vetturi jaslu Malta sal-aħħar ta’ Ġunju tal-2014.
It-talba tal-Onor. Interpellant biex jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra l-offerti li ntbagħtu ma tistax tintlaqa’ minħabba li l-informazzjoni kontenuta hija kummerċjalment sensittiva.
Kiri ta’ Karozzi tal-Linja – Espressjoni ta’ Interess
Question
B’referenza għall-artiklu li deher f’gazzetta lokali dwar kiri ta’ 45 karozza tal-linja, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawk il-kumpaniji li wrew interess li jissottomettu l-espressjoni ta’ interess biex joperaw is-servizz tat-trasport pubbliku ġewx avżati li l-Gvern kien se jikri dawn il-karozzi tal-linja għal perijodu ta’ sena? Jista’ jgħid kemm kien hemm kumpaniji oriġinarjament li wrew l-interess tagħhom biex jissottomettu l-espressjoni ta’ interess biex joperaw is-servizz pubbliku u kemm attwalment issottomettew l-offerta tagħhom? Jikkonferma li l-ħruġ ta’ din l-istorja lejliet li kellha tagħlaq l-espressjoni ta’ interess hu xhieda ċara li dan il-Gvern għandu deficit kbir ta’ trasparenza u għalhekk diversi kumpaniji li kienu interessati li jieħdu f’idejhom l-operat tat-trasport pubbliku ddeċidew li ma jissottomettux l-offerta tagħhom?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kumpaniji li wrew interess li jissottomettu l-espressjoni ta’ interess biex joperaw is-servizz tat-trasport pubbliku f’ Malta ma setgħux ikunu infurmati li kienu se jinkrew dawn il-vetturi, għas-sempliċi raġuni li l-kuntratt tal-kiri ta’ dawn il-vetturi ġie konkluż u iffirmat fil-11 t’ April 2014, li tiġi wara d-data tal-għeluq għas-sottomissjonijiet tal-espressjoni ta’ interess.
Fir-rigward ta’ tagħrif mitlub dwar il-kumpaniji li kienu wrew interess sabiex jissottomettu għall-espressjoni ta’ interess u kemm minn dawn attwalment issottomettew l-offerta tagħhom, nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti li ingħataw għall-mistoqsijiet parlamentari numri 8560 u 8972.
B’referenza għall-artiklu li deher f’gazzetta lokali dwar kiri ta’ 45 karozza tal-linja, jista’ l-Ministru jgħid min hu responsabbli li mmanuvra minn wara dahar il-poplu biex inkrew dawn il-karozzi tal-linja bir-riżultat li ttappnet il-kredibilità tal-Gvern Malti, bil-konsegwenza li kumpaniji li setgħu ssottomettew l-espressjoni ta’ interess u li setgħu kellhom offerti vantaġġjużi għall-poplu Malti kemm mil-lat soċjali, finanzjarju u anke fuq livell għoli ta’ servizz, naqsu milli jissottomettu l-offerta tagħhom b’detriment għal dawk li jużaw dan is-servizz fuq bażi regolari? X’passi se jieħu l-Ministru fil-konfront ta’ dawn il-persuni?
Response (MIZZI, JOE)
Nibda billi ngħarraf lill-Onor. Interpellant li ma saru ebda manuvri minn wara dahar il-poplu. Dawk l-affarijiet kienu jsiru fi żmien meta kien hemm il-Partit Nazzjonalista fil-Gvern bħal meta kien hemm min kien jaħbi il-korruzzjoni li kienet tkun għaddejja speċjalment fl-għoti tal-liċenzji tal-baħar li taw żmien biżżejjed qabel ma ħadu azzjoni sabiex setgħu jitqattgħu numru ta’ files. Nisħaq li l-kredibilita’ tal-Gvern Malti tappana min ħalla ċertu dipartimenti, entitajiet jew awtorijiet jiċċappsu bil-korruzzjoni bħal fil-każijiet tal- Enemalta, Transport Malta u kif ukoll fil-korp tal-Pulizija. Għaldaqstant nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 8976.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu pprogrammat li l-operat tas-servizz pubbliku jgħaddi kompletament għand l-operatur li jiġi magħżul mill-Gvern skont is-sottomissjonijiet tal-espressjoni ta’ interess li għalqet fis-7 ta’ April 2014?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li fil-preżent Transport Malta għaddejja bil-proċess ta’ evalwazzjoni tal-Espressjoni ta’ Interess li ħarġet għall-provista tas-Servizz tat-Trasport Pubbliku, bil-għan li jiġi magħżul operatur professjonali u kompetenti li jibda jipprovdi s-servizz fl-iqsar żmien li hu raġonevolment possibli.
Peress li fil-manifest elettorali tal-Partit Laburista (Sezzjoni 10, Infrastruttura: Trasport Pubbliku, Punt Nru 24 paġna 109) hemm miktub li “Konvint li ... naslu għal titjib fi żmien qasir biex nassiguraw li l-eżiġenzi u l-aspettativi tal-poplu Malti u Għawdxi jiġu milħuqa”, u peress li wara sena u xahar li l-Partit Laburista ħa t-tmexxija tal-Gvern f’idejh minbarra li l-livell ta’ servizz tat-trasport pubbliku naqas drastikament, ir-rotot baqgħu l-istess jew naqsu, jikkonferma l-Ministru li l-Gvern falla f’dan is-settur tant importanti għall-ekonomija tal-pajjiż?
Response (MIZZI, JOE)
Nibda billi infakkar lill-Onor. interpellant x’sitwazzjoni sab ma’ wiċċu dan il-Gvern hekk kif ħa t-tmexxija ta’ dan il-pajjiż f’idejh, imbagħad inħalli lill-poplu jiġġudika min verament falla f’dan is-settur.
Dan il-Gvern sab sitwazzjoni fejn minkejja li l-Gvern preċedenti ħallas 23 miljun Ewro f’sussidju u wiegħed rivoluzzjoni f’dan il-qasam billi ħoloq aspettattivi kbar, is-servizz baqa’ ferm ‘il bogħod minn dak imwiegħed, tant li kien hemm ammissjoni ċara mill-Gvern preċedenti fir-rapport tiegħu tat-telfa fl-aħħar Elezzjoni Ġenerali.
Is-sitwazzjoni kienet agħar minn dik li stenna dan il-Gvern. Sibna li kien hemm taħwid kbir fir-rotot, nuqqas ta’ manutenzjoni fuq il-vetturi u nuqqasijiet fl-immaniġġjar. Quddiem dan kollu, deher ċar li r-riforma tant imwiegħda mill-Amministrazzjoni preċedenti, ma rnexxietx u għalhekk dan il-Gvern kellu jerġa’ jibda ir-riforma fit-Trasport Pubbliku mill-qiegħ nett.
Iżda minkejja l-isfidi u d-diffikultajiet li sibna, mingħajr daqq ta’ trombi, dan il-Gvern medd idejh u daħal għar-responsabbilta’.
F’dan il-perjodu wkoll, il-kumpanija ARRIVA Malta LTd. kienet diġa’ bdiet turi x-xewqa tagħha biex titlaq mill-pajjiż, iżda b’rieda tajba dan il-Gvern irnexxilu jinnegozja ftehim sabiex il-kumpanija titlaq mingħajr ma tillikwida mil-lum għal għada, kif kienet se tagħmel u kif kellha kull dritt li tagħmel skont il-kuntratt li kien ġie iffirmat mal-amministrazzjoni preċedenti, bil-konsegwenza li stajna spiċċajna bla servizz tat-trasport pubbliku mil-lum għal għada u b’mijiet ta’ ħaddiema jisfaw bla xogħol.
Irnexxielna nsalvaw mijiet ta’ impjiegi tal-ħaddiema u qed jirnexxielna mmexxu perjodu tranżitorju fejn minkejja li s-servizz mhuwiex perfett, baqa’ għaddej mingħajr skossi u dan sakemm jinstab operatur ieħor biex fl-aħħar mill-aħħar naslu biex ikollna servizz affordabbli għal kulħadd, effiċjenti u li jasal fil-ħin.
Peress li f’Ġunju 2013 hu kien qal li l-konsultazzjoni dwar ir-rotot il-ġodda kienu ngħalqu, jista’ l-Ministru jgħid meta se jidħlu fis-seħħ ir-rotot il-ġodda?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif diġà ġie spjegat fl-Espressjoni ta’ Interess li ħarġet għall-provvista tas-Servizz tat-Trasport Pubbliku, ir-rotot proposti ser jiġu implimentati mill-operatur il-ġdid li jkun ġie identifikat wara li jiġu konklużi n-negozjati.
B’referenza għall-mistoqsija 8836 u 6773, jista’ l-Ministru jgħid b’mod konkret u għaldaqstant jelenka t-talbiet kollha għal xogħlijiet, inkluż toroq, culverts, bankini u xogħol infrastrutturali ieħor, li sarulu mill-Kunsill Lokali Ħal Qormi wara l-laqgħat li kellu magħhom? Liema talbiet minn dawn bi ħsiebu jwettaq il-Ministru? Meta bi ħsiebu jwettaq it-talbiet il-Ministru?
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkun lest ix-xogħol fuq iċ-ċimiterju ta’ Ħal Qormi? Meta inbeda dan ix-xogħol? X’ tip ta’ xogħol qed isir fuq iċ-ċimiterju? X’ inhi stmata li se tkun in-nefqa?
B’ referenza għall-mistoqsija parlamentari 8837 u peress li kontra kif indikat it-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 6774 ma tweġibx ukoll mistoqsija parlamentari 8837, jista’ l-Ministru jgħid b’mod konkret u jelenka liema huwa x-xogħol li huwa ppjanat li jsir mill-Ministeru tiegħu f’Ħal Luqa nkluż toroq, bankini, culverts u xogħol ieħor infrastrutturali jew marbut ma’ trasport u sigurtà fit-trasport? Meta huwa ppjanat li jsir dan ix-xogħol?
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 8838 u 6774, u peress li kontra kif indikat mistoqsija parlamentari 8836 ma tweġibx il-mistoqsija parlamentari 8838, jista’ l-Ministru jgħid b’mod konkret u għaldaqstant jelenka it-talbiet kollha għal xogħlijiet inkluż toroq, culverts, bankini u xogħol infrastrutturali ieħor, li sarulu mill-Kunsill Lokali Ħal Luqa wara l-laqgħat li kellu magħhom? Liema talbiet minn dawn bi ħsiebu jwettaq il-Ministru? Meta bi ħsiebu jwettaq it-talbiet il-Ministru?
B’ referenza għall-mistoqsija parlamentari 8839 u peress li kontra kif indikat it-tweġiba għal mistoqsija parlamentari 6775 ma tweġibx ukoll mistoqsija parlamentari 8839, jista’ l-Ministru jgħid b’mod konkret u jelenka liema huwa x-xogħol li huwa ppjanat li jsir mill-Ministeru tiegħu fis-Siġġiewi nkluż toroq, bankini, culverts u xogħol ieħor infrastrutturali jew marbut ma’ trasport u sigurtà fit-trasport? Meta huwa ppjanat li jsir dan ix-xogħol?
B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 8840 u 6775, u peress li kontra kif indikat fil-mistoqsija parlamentari 8836 ma tweġibx mistoqsija parlamentari 8840, jista’ l-Ministru jgħid b’ mod konkret u għaldaqstant jelenka t-talbiet kollha għal xogħlijiet inkluż toroq, culverts, bankini u xogħol infrastrutturali ieħor, li sarulu mill-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi wara l-laqgħat li kellu magħhom? Liema talbiet minn dawn bi ħsiebu jwettaq il-Ministru? Meta bi ħsiebu jwettaq it-talbiet il-Ministru?
Jista' l-Ministru jara li it-trasport pubbliku bir-rotta X7 meta tkun ġejja mil-Birgu tieqaf quddiem il-knisja ta' Kristu Re peress li dak l-istage huwa qrib iċ-Ċentru tas-Saħħa u l-uniku stage li bħalissa qed jopera huwa dak li qiegħed ma ġenb l-għassa u qed ikun ta' inkonvenjent għall-anzjani li jridu jmorru l-Gudja u l-inħawi tal-madwar? Jista' jara li barra il-waqfiet li hemm issir waqfa oħra quddiem il-knisja?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent, ir-rotta X7 fi triqitha mill-Birgu diġa’ tieqaf quddiem il-Knisja ta’ Kristu Re ġewwa Raħal Ġdid.
Infurmat ukoll li fuq l-imsemmi
bus stop
hemm tabella li tindika li din ir-rotta tipprovdi servizz fuq dan il-
bus stop
.
Peress illi fl-aħħar ġimgħat reġgħu bdew jinbtu numru ta’ billboards madwar it-toroq ta’ Malta u Għawdex, jista’ l-Ministru jikkonferma illi dawn kollha għandhom il-permessi meħtieġa mingħand Transport Malta u, jekk dan huwa l-każ, jgħid jekk Transport Malta għadhiex tinforza l-Guidelines for the Safe Placing of Billboards li jinsabu fl-Avviż Legali 368 tal-2004?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant sabiex jipprovdi l-lista tal-billboards li għalihom qed jirreferi sabiex Transport Malta tkun tista’ tipprovdi l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm u min huma l-kumpaniji li ssottomettew l-espressjoni ta’ interess għal provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm tlett kumpaniji li ssottomettew offerta għall-espressjoni t’interess għall-provvista tas-servizz tat-trasport pubbliku, li huma:
1. Autobuses de Leon SL
2. Gozo First Travel
3. Island Buses Malta
Infurmat ukoll li kien hemm kumpanija oħra li tefgħet l-offerta wara li għalqet l-espressjoni ta’ interess u għaldaqstant, din l-offerta ma setgħetx tiġi aċċettata.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed titlob f’sussidju biex topera s-servizz tat-Trasport Pubbliku kull kumpanija li ssottomettiet l-espressjoni ta’ interess biex topera s-servizz tat-trasport pubbliku?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s-sottomissjonijiet li Transport Malta rċeviet fir-rigward tal-espressjoni ta’ interess għall-provista tas-servizz tat-trasport pubbliku, qegħdin fi stadju ta’ evalwazzjoni. Għaldaqstant, ma tistà tingħata ebda informazzjoni fuq is-sussidju li qiegħed jintalab qabel jintemm dan il-proċess ta’ evalwazzjoni.
B’referenza għall-artiklu li deher f’gazzetta lokali dwar kiri ta’ 45 karozza tal-linja, jista’ l-Ministru jgħid min hi l-kumpanija li mingħandha se jikri dawn il-karozzi tal-linja?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba hija kummerċjalment sensittiva.
B’referenza għall-artiklu li deher f’gazzetta lokali dwar kiri ta’ 45 karozza tal-linja, jista’ l-Ministru jgħid liema procurement procedures ġew applikati fil-kiri ta’ dawn il-karozzi tal-linja? Ħarġet tender, expression of interest, quotation jew ingħataw b’direct order?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li aktar kmieni din is-sena, ittieħdet id-deċiżjoni mill-Bord ta’ Diretturi ta’ l-operatur tat-trasport pubbliku biex jinkrew karozzi tal-linja ġodda tat-tip low floor, Euro 5, u mgħammra bl-arja kundizzjonata għal perjodu ta’ mhux aktar minn sena. Dawn il-vetturi kellhom ikunu f’ Malta sa’ Gunju 2014 sabiex ilaħħqu mad-domanda tal-passiġġieri fix-xhur tas-sajf.
Minħabba ż-żmien qasir li fih kellhom jinġiebu dawn il-karozzi tal-linja, l-operatur tat-trasport pubbliku għamel diversi kuntatti ma’ kumpaniji Maltin kif ukoll barranin sabiex jinkrew karozzi ġodda, low floor u Euro 5.
L-operatur tat-trasport pubbliku rċieva erba’ offerti minn uħud mill-kumpaniji li ġew avviċinati, li minnhom intagħżlet l-offerta l-aktar vantaġġuża.
B’referenza għall-artiklu li deher f’gazzetta lokali dwar kiri ta’ 45 karozza tal-linja, jista’ l-Ministru jgħid min kienu dawk l-uffiċjali/konsulenti li għamlu d-deal għal kiri ta’ dawn il-karozzi tal-linja? Dawn huma impjegati ta’ Transport Malta jew tal-Malta Public Transport Ltd? Xi rwol għandhom u x’inhu l-grad ta’ dawn l-uffiċjali ma’ Transport Malta/mal-Malta Public Transport Ltd?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont informazzjoni ipprovduta mill-operatur tat-trasport pubbliku, id-deċiżjoni li jinkrew 45 karozza tal-linja ġdida tat-tip low floor għal perjodu ta’ sena ittieħdet mill-Bord ta’ Diretturi tal-kumpanija Malta Public Transport Services (Operations) Ltd, fuq rakkomandazzjonijiet li saru mill-management tal-istess kumpanija.
Dawn ir-rakkomandazzjonijiet saru biex jiġi żgurat li jkun hemm biżżejjed karozzi tal-linja biex tintlaħaq id-domanda ta’ passiġġieri, speċjalment matul ix-xhur tas-sajf, filwaqt li ma jiżdiedux l-ispejjeż u fl-istess ħin titjieb il-kwalità tas-servizz li qed jingħata lill-passiġġieri minħabba li fil-preżent hemm numru sostanzjali ta’ servizzi li qed jingħataw b’ coaches jew b’ minibuses li m’humiex tat-tip low floor.