Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 520 u jgħid jekk hux se tibda tingħata għajnuna lill-pazjenti li jridu jixtru l-injezzjoni tal-Aclasta minħabba l-bone density?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li skond il-protocol nru.229 tal-Formularju tal-Gvern, Aclasta® (zoledronic acid) tingħata b'xejn li dawk il-pazjenti li qed ibatu minn Osteoporosi bħalha kawża sekondarja ta' kundizzjoni li taqa’ taħt l-iSkeda V. Pazjenti oħra li jsofru minn osteoporosi primarja, mhumix intitolati għal din il-mediċina b'xejn.
Sptar MAter Dei — Dipartiment tal-Emerġenza - uffiċċju tal-Ministru
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 522, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-riżultati tal-ftuħ tal-uffiċċju tiegħu fid-dipartiment tal-emerġenza? Kien hemm effett fuq l-operat tal-istess dipartiment? Jekk iva, b’liema mod? Jekk le, il-Ministru qed jikkonsidra li jagħlaq dan l-uffiċċju sabiex l-ispazju jkun jista’ jerġa’ jintuża mill-istaff mediku tal-Isptar Mater Dei?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
L-oġġettiv tal-ftuħ tal-uffiċċju qrib id-Dipartiment tal-Emerġenza kien li jiena nkun aktar fil-qrib tal-pazjent u erqreb tal-ħaddiema li jaħdmu fl-Isptar Mater Dei. Ma kien hemm l-ebda staff complement. Jien ippreferejt li ħidmieti f’dan l-isptar tkun iffukata f’post li huwa fil-hub tal-Isptar Mater Dei. Din il-kamra hija fil-fatt użata bi sħab mal-health professionals l-oħra li jużawha għal-laqgħat tagħhom, darba fil-ġimgħa, għalhekk ma kienx il-każ li dawn ma komplewx jużaw il-kamra meta kellhom il-ħtieġa. Jien f’din il-kamra niltaqgħa mal-management u mal-istakeholders kollha tal-isptar mingħajr ma’ noqgħod naqlagħhom lejn il-Ministeru fil-Belt Valletta biex b’hekk kulħadd jibqa’ fuq ħidmietu. L-uffiċċju li kienu wrewni fil-bidu biex nagħmel użu minnu, kien fir-raba’ sular li huwa maqtugħ mir-rejaltajiet ta’ dak li jiġri fl-Isptar Mater Dei.
Jista’ l-Ministru jagħti lista komprensiva tat-transfers (jew kif qed isejħilha hu deployment) kollha li saru fil-ministeru tiegħu, id-dipartimenti u l-awtoritajiet li jaqgħu taħtu, mill-11 ta’ Marzu sal-lum, u jagħti dettalji tal-ismijiet, il-gradi, il-postijiet minn u għal fejn iċċaqalqu, u jekk tali transfers sarux fuq talba bil-miktub tal-impjegati kkonċernati skont kif tistipula t-transfer policy tal-Ministeru tas-Saħħa?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li mill-11 ta’ Marzu 2013 saru sitta u sittin (66) transfer. Tletin (30) minnhom kienu interministerjali (jiġifieri minn Ministeru għal ieħor), u sitta u tletin (36) minnhom kienu intraministerjali (jiġifieri minn dipartiment għal ieħor fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa).
Id-differenza bejn transfer u deployment hija li transfer isir minn post għall-ieħor, filwaqt li deployment isir fl-istess post.
Mit-transfers imsemmija ħamsa u ħamsin (55) saru fuq talba personali filwaqt li ħdax (11) saru skont l-esiġenzi tas-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-Breast Screening Programme se jkun miftuħ sabiex ikopri firxa aktar wiesgħa ta' etajiet?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li saret evalwazzjoni tal-programm eżistenti mill-IARC (International Agency for Research on Cancer).
Bħalissa qed nikkonċentraw fuq il-konsolidazzjoni tas-servizzi eżistenti. Hu maħsub li l'quddiem inkopru firxa aktar wiesgħa ta' etajiet fl-isfond tar-riżorsi li jistgħu ikunu disponnibli.
Jista’ l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jibda l-iscreening għall-kanċer tal-għonq tal-utru?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li skont il-Pjan Nazzjonali dwar il-Cancer, kien maħsub li l-iscreening għall-cancer tal-għonq tal-utru jiġi mniedi fl-2014. Dan jiddependi fuq ir-riżorsi li ser ikunu disponibbli fil-baġit 2014 għall-pjani Nazzjonali tal-iscreening, u għalhekk s'issa ma tistax tiġi kkonfermata id-data ta' meta dan se jibda.
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – ħatra ta’ kap eżekuttiv
Question
Jista’ l-Ministru jgħid xi proċess intuża sabiex jinħatar kap eżekuttiv għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, u jgħid x’pakkett finanzjarju għandha l-persuna magħżula? X`inhuma t-termini tal-kuntratt?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-impjieg tal-persuna avviċinata biex iservi bħala Kap Eżekuttiv għall-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex saret fuq il-bażi ta’ position of trust skond il-provedimenti kollha ta’ OPM Circular 21/2011 tal-14 ta’ Diċembru 2011, MPO/289/85II.
Tajjeb li ngħid li dan il-proċess intuża b’ mod regolari mill Gvern preċedenti sabiex jiġu ngaġġati persuni f’ċerti pożizzjonijiet.
Infurmat ukoll li għadu ma’ġie ffirmat l-ebda Kuntratt mal-persuna li ġiet avviċinata għalhekk mhux prudenti li jingħataw dettalji dwar it-termini tal-Kuntratt f’dan l-istadju.
Apparti li se se sservi bħala Kap Eżekuttiv għall-Isptar Ġenerali t’Għawdex, il-persuna konċernata baqgħet ukoll tieħu ħsieb il-programm tal-iscreening tal-cancer.
Ministeru għas-Saħħa — Abolizzjoni ta' direttorati
Question
Jista’ l-Ministru jgħid liema direttorati li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu huma maħsuba li jiġu aboliti? X`wassal għal tali deċiżjoni, u meta se jsir dan ir-ristrutturar?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Filwaqt li ninsab informat li s’issa ma ġie abolit xejn, nirreferi lill-Onorevoli Membru għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 2312.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm tiswa operazzjoni tal-kataretti, kemm dik mingħajr u kemm dik meta jintuża l-loppju, ġewwa l-Isptar Mater Dei, u jagħti d-dettalji dwar kemm jiswa l-materjal, kif ukoll l-ispejjeż relatati mal-pagi tal-ħaddiema, kull wieħed skont il-grad tiegħu?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-Ministeru għas-saħħa qatt ma’ kien għamel costings rejalistiċi tal-proċeduri kollha li jsiru fis-servizz tas-saħħa.
Dan l-eżerċizzju b’mod komplut se jibda għall-ewwel darba issa taħt gvern Laburista.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumpaniji, li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament, għandhomx kuntratti mal-Ministeru, inkluż entitajiet kollha li jaqgħu taħtu? Jekk iva, jista' jgħid x'tip ta' kuntratti għandhom? Jista' jgħid meta daħal fis-seħħ dan il-kuntratt u sakemm se jibqa' fis-seħħ? Jista' jgħid kemm huwa l-valur ta' kull kuntratt?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 1025 u jgħid jekk itteħditx id-deċiżjoni li l-klinika tal-Gvern li hemm fi Triq Enrico Mizzi, ir-Rabat, Għawdex, hix se tingħalaq u tibda tifforma parti mill-Isptar Ġenerali t'Għawdex? Jekk iva, min ħa din id-deċiżjoni? Il-Ministeru għal Għawdex ġie kkonsultat dwar dan? Ġie kkonsultat il-Ministeru għal Għawdex qabel din tingħalaq? X'se jsir mill-premises meta dawn jitbattlu? Jikkunsidra li din il-klinika qiegħda qrib il-bus terminus ċentrali t'Għawdex u fl-aktar post ċentrali u allura aċċessibbli għal kulħadd inkluż anzjani u meta tingħalaq dan kollu se jintilef?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li gie deċiz li l-Klinika tal-Gvern tar-Rabat tiġi trasferita f’binja vojta li hija ferm aktar spazjuza u li tinsab fil-perimetru tal-Isptar Generali t'Għawdex. L-iskop huwa li din il-binja tintuża bħala ċentru għas-saħħa, filwaqt li dik il-binja tar-Rabat tintuża u tinfetaħ bħala berġa.
Huwa fatt li ċ-ċentru tas-saħħa tar-Rabat t'Għawdex huwa zgħir fid-daqs u qatt ma’ġie attrezzat b'tagħmir li huwa tal-istess livell bħal dak taċ-ċentri tas-saħħa f'Malta.
Konsegwenza t'hekk, il-pazjenti li jżuru ċ-ċentru tas-saħħa t'Għawdex ta' spiss jiġu riferuti l-isptar General t'Għawdex.
Minbarra dawn in-nuqqasijiet hemm ukoll il-ħtiega ta' aktar aċċessibilita' ta'
parking
; li ċ-ċentru jkun konformi mar-regoli sanitarji u li jibdew jintu¿aw l-istess riżorsi diġa ofruti fl-isptar Generali t'Għawdex, fosthom
X-Rays u ECG's
; u biex il-poplu Għawdxi jkun moqdi ferm aħjar u b'u¿u ta' aktar servizzi minn kif qed jinqeda bħalissa.
Apparti dan, meta toħrog ambulanza u jkollha bżonn servizz ta’ tabib, din trid tgħaddi l-
Health Centre,
tiġbor it-tabib u tmur fejn huwa meħtieg, b’telf ta’ ¿mien għad-detriment tal-pazjent.
Waħda mill
-policies
ewlenin tal-gvern preżenti fil-qasam tas-saħħa hija li jsaħħah u jkabbar is-sistema tas-saħħa pubblika komunitarja. Dan huwa ta' ħtiega għaliex f'dawn l-aħħar snin il-gvern preċedenti ma’ baqax jevolvi dan il-livell ta' kura pari passu ma' dak sekondarju u terzjarju, anzi naqqsu, b'konsegwenza li dan in-nuqqas affettwa wkoll dawn il-livelli tas-saħħa.
Is-saħħa pubblika komunitarja hija s-sies tal-qasam tas-saħħa.
Il-qasam tas-saħħa pubblika ta' Għawdex bix-xieraq ġie ntegrat ma' dak ta' Malta biex b'hekk is-sistema titmexxa b'aktar għaqal u b'mod ħolostiku.
Għalhekk, b’'din l-implimentazzjoni, d-dritt u d-dinjitza' tal-pazjent se jiġu mħarsa filwaqt li se jkun hemm aktar kontabilita' fis-servizz.
Sptar Ġenerali ta’ Għawdex – riżenja tas-supretendent
Question
Jista' l-Ministru jgħid x' kienet ir-raġuni li għaliha rriżenja s-supretendent tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex wara ftit jiem biss f'din il-kariga?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-persuna li kienet inkarigata bħala ad hoc acting medical director kien talab biex tiġi maħtura persuna oħra minfloka, minħabba raġunijiet personali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm ingħata xogħol ta’ konsulenza mill-Ministeru tiegħu jew dipartimenti, entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu fid-dekasteru tiegħu lill-individwu li ismu qed jintbagħat separatament, mill-1999 sal-lum? Jista’ jgħid dwar xiex kien dan ix-xogħol, jekk dan ix-xogħol ingħatax b’direct order jew b’tender u kemm kienet l-ispiża f’kull każ?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-Ministeru u entitajiet, aġenziji u awtoritajiet li jaqgħu taht id-dekasteru tiegħu,qatt ma’għamlu użu mis-servizzi tal-kumpanija msemmija.
Baħar iċ-Ċagħaq – caravan site – sistema tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jghid jekk sarux spezzjonijiet fil-caravan site ta’ Baħar iċ-Ċagħaq? Dan is-sit għandu sistema tad-drenaġġ adegwata? Jekk iva, saret spezzjoni fuqha? Jekk le, hemm xi ħsieb li din is-sistema ssir u sa meta?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li din il-gimgħa stess saret spezzjoni minn uffiċjali għas-Saħħa Ambjentali f’dan is-sit wara lment li daħal lid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali. Mill-investigazzjoni jirriżulta li hemm erba` skips għall-iskart, u li nstabu fi stat tajjeb ta’ ndafa u manutenzjoni u li huma mikrija mill-kumitat għall-Camping Site ta’ Baħar iċ-Ċagħaq. Hemm ukoll il-ħsieb li jiġu miżjuda kontenituri sabiex fihom ikun jista` jintefa skart għar-reċiklar.
Kien hemm ukoll numru ta’ karavans li ġew spezzjonati għall-faċilitajiet iġeniċi u sanitarji fejn irriżulta li dawn il karavans huma provduti b’faċilitajiet tas-sistema kimika fejn il-materjal jinġabar f’tankijiet biex imbagħad jitbattlu fil-faċilitajiet pubbliċi li hemm fl-istess żona. Il-faċilitajiet pubbliċi huma provduti b’għaxar toilets u b’għaxar showers li wkoll nstabu fi stat tajjeb ta’ ndafa.
Skont informazzjoni li għandu dan id-Direttorat li ngħatat mill-uffiċċjal inkarigat ta’ dan is-sit dawn il-faċilitajiet pubbliċi huma konnessi mas-sistema tad-drenaġġ pubbliku, iżda jferrgħu fuq fossa li tappartjeni lill-Waste Water Unit fi ħdan il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u għalhekk għar-rigward tad-domandi fuq is-sistema tad-drenaġġ id-domandi għandhom isiru lill-Ministru responsabbli minn din il-Korporazzjoni.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 519 u jgħid jekk il-pilloli tal-pressjoni Atorvastatin (Atacor tal-40mg) humiex out-of-stock? Jekk iva, għal liema raġuni?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-pilloli Atorvastatin tal-40mg m’humiex out of stock mill-entitajiet u mill-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek. Infatti l-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek ħadu l-aħħar kaxxi nhar il-ġimgħa 31 ta' Mejju (1591x30), wara li kienu ħadu ordni oħra f'nofs Mejju.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2282 u ċjoè: B’referenza għal dak li qal id-Deputat Parlamentari l-Onor. Fearne fil-Parlament fil-21 ta' Mejju 2013 u ċjoè "wieħed mill-affarijiet li nara li fis-snin li ġejjin irridu nikkonsidraw bis-serjetà huwa l-bini u l-ftuħ ta’ sptar ġdid speċjalizzat għall-kura tal-ommijiet, tan-nisa u tat-tfal, mother and child hospital", x'inhuma fil-fatt il-pjanijiet tal-Gvern preżenti għal Mother & Child Hospital? Fejn se jkun tali sptar? B’liema fondi se jiġi ffinanzjat tali sptar?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li l-Gvern qed jikkunsidra l-pjan għal Mother & Child Hospital fil-kuntest wiesgħa tal-prioritajiet kif elenkati fil-manifest elettorali u fil-kuntest diffiċli li fih il-Gvern preżenti sab fis-settur tas-saħħa, fejn l-ippjanar ta riżorsi umani u finanzjarji ma’kienx qed iżomm il-pass mal-wegħdi li ingħataw.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2283 u jgħid x’inhi r-raġuni li d-direttur tan-nursing fl-Isptar Mater Dei ġiet trasferita għall-Isptar Karin Grech? Min ħa tali deċiżjoni u min awtorizza dan iċ-ċaqliq? Dan iċ-ċaqliq huwa skont il-provvedimenti tal-kuntratt abbinat ma’ din il-kariga? Ingħata handover, u jekk iva lil min?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li hija l-politika dikjarata ta’ dan il-Gvern li s-servizzi ta’ rijabilitazzjoni li qedin jingħataw bħalissa mill-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech għandhom jitjiebu bil-bosta - u dan għall ġid tal-pażjenti tagħna. Huwa ta’ diżappunt għalija meta ninnota li s-servizz li qed jingħata bħalissa mill-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech ma jilħaqx il-miri ta’ servizz ta’ rijabilitazzjoni hekk kif mistenni minn ċentru modern. Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech qed jintuża aktar bħala dar tal-anzjani long term milli bħala ċentru ta’ rijabilitazzjoni. Waqt li napprezza mill-qalb ix-xogħol li qed isir mill-ħaddiema tal-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech, insostni li din is-sitwazzjoni għandha tiġi rranġata sabiex is-servizzi ta’ rijabilitazzjoni li jingħataw lill-pazjenti tagħna wara perjodu ta’ kura akuta ikunu specjalizzati - u li jkunu mfassla madwar il-bżonnijiet ta’ pażjenti differenti.
Fl-isfond tal-miri li qed ipoġġi dan il-Gvern għas-servizzi ta’ rijabilitazzjoni f’pajjiżna, inħasset il-ħtiega mmedjata li s-servizz tan-nursing ġewwa l-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech għandu jissaħħaħ. Għalhekk ittieħdet deċiżjoni skond l-esiġenzi tas-servizz pubbliku sabiex dan it-tisħiħ jibda jseħħ b’mod immedjat. Iċ-caqliq ta’ persuna li qed jirreferi għaliħ l-Onorevoli nterpellant għalhekk sar sabiex is-servizz li jingħata ġewwa l-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech jissaħħaħ; u sabiex dan l-isptar ikun jista jgawdi wkoll minn management experience ta’ persuna li mexxiet is-servizzi tan-nursing fl-Isptar Mater Dei għal numru ta’ snin. L-Onorevoli Membru żgur li jaqbel miegħi li knowledge transfer huwa ta’ importanza kbira f’settur bħal dak tas-saħħa u dan iċ-ċaqliq ser wkoll iservi ta’ xprun sabiex il management team tal-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech jissaħħaħ aktar.
Nixtieq inserraħ ras l-Onorevoli Membru li dan iċ-ċaqliq sar b’mod meqjus ħafna fl-interess ta’ dik li hija mira ewlenija tas-servizz pubbliku jiġifieri li ntejbu s-servizzi li qed jingħataw lill-pazjenti tagħna.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2284 u jgħid min hi l-persuna l-ġdida li ħadet over it-tmexxija tad-Dipartiment tan-Nursing ġol-Isptar Mater Dei? X`kariga kellha qabel u x’inhu s-substantive grade tagħha? Kif intgħażlet din il-persuna ladarba ma jidhirx li ħarġet xi call for application u b’liema mod ġiet assenjata? X’inhu s-salarju li din il-persuna se tkun qed tirċievi?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninforma lill-Onorevoli Membru li għadu ma ġie ffirmat l-ebda kuntratt u għalhekk mhux prudenti li tingħata l-informazzjoni li qed tiġi mitluba.
Madankollu irrid niforma lill-Onorevoli Membru li l-impjieg tal-persuna ser isir fuq il-bażi ta’
position of trust
skont il-provedimenti kollha ta’
OPM Circular
21/2011 tal-14 ta’ Diċembru 2011, MPO/289/85II. Dan il-proċess intuża b’mod regolari minn Gvern preċedenti.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1265 u jgħid jekk reċentament kienx hemm bidla fil-policy ta' kif jingħata l-overtime lill-infermiera ġewwa l-Isptar Mater Dei? Min hu responsabbli għall-proċess ta' kif jitqassam l-overtime? Jikkonferma l-Ministru, li qed isiru interventi politiċi ta' kif, min, u fejn għandu jsir l-overtime mill-infermiera ġewwa l-Isptar Mater Dei?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda bidla fil-policy ta’ kif jingħata l-overtime iżda żdied b’mod sinifikanti l-iskrutinju fuq min, kif u meta qed jintuża l-overtime. Dan biex inkunu ċerti li kull ċenteżmu li qed nużaw fl-overtime ikun qed isir bil-qies kif ukoll f’dawk il-postijiet fejn hu indispensabbli għall-kura u s-saħħa tal-pazjent. Dan qed isir mhux biss fuq l-infermiera iżda fuq kull professjoni fl-isptar. In-nursing management huwa responsabbli ta’ kif jitqassam l-overtime lill-infermiera fl-isptar. Ma sar l-ebda ntervent politiku fuq kif, min u fejn jitqassam l-overtime lill-infermieira fl-isptar MDH.
Id deċiżjonijiet u l-iskrutinju tal-
overtime
qed issir totalment mill-
management
tal-isptar.
saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol — korsijiet f'Għawdex
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru korsijiet jew kampanji ta' informazzjoni f'Għawdex dwar l-obbligi ta' saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol?
Response (FARRUGIA, GODFREY)
Ninsab infurmat li l-korsijiet ta’ taħriġ li torganiżża l-Awtorita għas-Saħħa u s-Sigurta fuq il-Post tax-Xogħol fl-uffiċini tagħha huma miftuħa għal kulħadd, u jinkludu parteċipanti kemm minn Malta kif ukoll minn Għawdex. L-istess jingħad għal kampanji ta’ nformazzjoni. Speċifikament l-OHSA organiżżat korsijiet f’Għawdex dwar il-provvediment tal-ewwel għajnuna fuq il-post tax-xogħol, is-settur tal-kostruzzjoni, u dwar obbligi ġenerali.
Fil-preżent, l-Awtorita qed tipprepara biex tiġi organiżżata “
OHS Information Session
” f’Għawdex li probabbilment ser issir bejn Settembru u Ottubru, waqt li fi ftit ġranet oħra ser issir laqgħa mal-
Gozo Business Chamber
, biex ikunu spjegati l-iktar obbligi mportanti taħt il-liġijiet ta’ saħħa u sigurta.
Fil-passat, l-Awtorita kienet ukoll qed tesplora l-possibilita ta’ korsijiet f’Għawdex, liema diskussjonijiet kienu qed isiru mall-Ministeru għal Għawdex, iżda dawn id-diskussjonijiet kienu inkonklussivi.