Jista’ l-Ministru jgħid it-total ta’ persuni li jaħdmu ma’ Heritage Malta? Jista’ jgħid kemm hemm persuni li għandhom bżonnijiet speċjali li jaħdmu mal-istess Aġenzija?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li t-total ta’ persuni li jaħdmu ma’ Heritage Malta huwa ta’ 255. Minn dawn, ħamsa huma rreġistrati bħala persuni li għandhom bżonnijiet speċjali.
Sant’ Iermu – aċċessibilità għall-persuni bi bżonnijiet speċjali
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’miżuri ħadet Heritage Malta sabiex jiġi assigurat li Sant’ Iermu jkun aċċessibli għall-persuni bi bżonnijiet speċjali? Jista’ jgħid x’miżuri ttieħdu sabiex l-interpretazzjoni tkun aċċessibli għall-persuni b’abilitajiet differenti?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li x-xogħolijiet kollha li saru f’Sant’ Iermu saru skont il-permessi tal-MEPA u l-ħtiġijiet tal-KNPD. Fl-interpretazzjoni saret emfasi qawwija fuq multi media u projections sabiex tintlaħaq l-iżjed udjenza wiesa’ possibbli.
Jista’ l-Ministru jgħid kif Heritage Malta qiegħda twassal il-messaġġ tagħha speċjalment ma’ gruppi li jitqiesu vulnerabbli?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li bħala parti mill-programm ta’ outreach tagħha, Heritage Malta qed tniedi diversi inizjattivi sabiex tilħaq udjenzi dejjem iktar wiesa’, inkluż gruppi vulnerabbli. Fost dawn insibu inizjattivi fil-Ħabs ta’ Kordin (prezentazzjoni fuq il-preistorja, prezentazzjoni ta’ kotba għall-librerija, u organizzazzjoni ta’ mawra għal juvenile offenders f’Bighi u fil-Mużew Marittimu), fir-residenza għall-anzjani San Vincenz de Paule, u mal-istudenti tal-Kulleġġ San Ġorġ Preca tal-Ħamrun, apparti li tilqa’ talbiet għal viżti f’għadd ta’ mużewijiet minn għaqdiet simili. Ta’ min isemmi wkoll li matul l-aħħar snin Heritage Malta addottat Social Inclusion Policy sabiex tkun tista’ tindirizza aħjar il-ħtiġijiet ta’ dawn il-gruppi.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — konsulenza lil individwu
Question
Jista l-Ministru jgħid l-Ministeru, dipartimenti u entitajiet li jifformaw parti mid-dekasteru li hu jmexxi tawx xi forma ta' konsulenza lill-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li ebda Dipartiment, Direttorat u Entità li jaqgħu taħt id-dekasteru tal-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali ma taw xi forma ta’ konsulenza lill-individwu li d-dettalji dwaru ingħataw fil-Mistoqsija Parlamentari.
Anzi li nista’ ngħid hu li dan l-individwu dejjem ressaq minn jeddu u bla ħlas lill-Ministeru proposti konkreti għal titjib fil-qasam tal-ġustizzja, speċjalment fejn jidħlu proċeduri ċivili u dejjem sibt li dawn il-proposti kienu bażi tajba ta’ diskussjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħa wara r-riżenzja tas-Sindku ta' Ħal Tarxien ftit jiem ilu minħabba, fi kliemu "tfixkil intern" biex jara min wettaq dan it-tfixkil u għala? Il-Ministru bagħat għall-ex sindku biex jifhem eżatt x'ried ifisser ħalli jkun f'pożizzjoni aħjar jieħu l-passi kontra min għamillu l-bsatern fir-roti?
Response (BONNICI, OWEN)
Fl-ittra tar-riżenja tiegħu l-ex Sindku ta’ Ħal Tarxien irringrazzja lill sħabu kollha fil-Kunsill Lokali u l-istaff tal-koperazzjoni li dejjem sab tul il-kariga tiegħu fi ħdan il-Kunsill Lokali. Qed inpoġġi kopja ta’ din l-ittra fuq il-Mejda tal-Kamra
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — Taqsima tal-Helpline tal-Liġi tal-Whistleblower - uffiċjali
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk riċentament kienx hemm ċaqliq ta' uffiċjal jew uffiċjali mit-Taqsima tal-Helpline tal-Liġi tal-Whistleblower tal-Ministeru tiegħu? Jekk iva, min iċaqlaq lejn fejn u min ġie floku? X'kienet ir-raġuni wara dan iċ-ċaqliq? Jista' jgħid jekk tali ċaqliq sarx bil-kunsens tiegħu?
Response (BONNICI, OWEN)
Il-liġi tal-Whistleblower tipprovdi għat-twaqqif ta' għadd ta' uffiċjali diversi li għandhom il-poter li jirċievu rapporti mingħand whistleblowers skont il-każ. Mal-bidu fis-seħħ ta' dina l-liġi jiena kont ħadt id-deċiżjoni li nappunta uffiċjal li jkollu r-rwol li jagħti informazzjoni dwar din il-liġi lil kull min jitlobha.
Għalhekk kont appuntajt lill-ex Direttur tal-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali Godwin Pulis li qeda l-inkarigu tiegħu b'mod impekkabbli. Is-Sur Pulis għandu esperjenza vasta kemm fil-kamp legali u kemm fil-qasam tal-Affarijiet Barranin fejn serva taħt diversi Ministri għal ħafna snin.
Iktar kmieni din is-sena l-Uffiċju tal-President ta' Malta ħass li għandu bżonn persuna tal-kalibru tas-Sur Pulis biex jassisti lill-President fil-ħidma tagħha fejn jidħlu relazzjonijiet ma' pajjizi terzi.
Naturalment jiena aċċettajt ir-rikjesta mill-Kap tal-iStat Malti, anke għax hija policy tiegħi li ma nżommx persuni milli javvanzaw fil-karriera tagħhom.
Mat-temma tal-qadi tal-funzjonijiet tas-Sur Pulis fil-Ministeru tiegħi, għaddejt biex ħtart lil persuna oħra biex taqdi l-istess mansjonijiet.
Din hija l-Avukata Maxilene Bonnett, li taħt Gvern preċedenti kienet ġiet ingaġġata bħala avukat fl-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali. Dr Bonnett irriżenjat minn dan l-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali u bdiet taqdi l-funzjoni ġdida tagħha.
Nieħu l-opportunita' biex nirringrazzja lis-Sur Pulis u lil Dr Bonnett tas-servizz impekkabbli tagħhom
Forti Sant’ Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra — viżitaturi
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni li ħalsu biex daħlu jaraw Forti Sant’ Iermu u l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra tul is-sena 2014 u jista’ jindika jekk kienx hemm żjarat minntfal tal-iskola u jekk iva, kemm kien hemm żjarat? Kemm kien hemmżjarat minn skejjel primarji u kemm minn skejjel sekondarji?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li sal-21 ta’ Settembru fl-2014, meta ngħalaq għall-pubbliku minħabba l-proġett ta’ Sant Iermu, kien hemm 41,917 persuna li żaru l-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra bi ħlas, kif inhu elenkat fir-Rapport Annwali 2014 ta’ Heritage Malta li jinsab fis-sit elettroniku ta’ Heritage Malta www.heritagemalta.org.
Matul l-istess sena kien hemm 3 żjarat organizzati minn tfal tal-iskola. B’kollox ġew 69 student minn skejjel primarji u 56 oħra minn skejjel sekondarji.
Kif żgur jaf tajjeb l-Onor Interpellant il-Forti Sant Iermu kien magħluq għall-pubbliku sa Mejju ta’ din is-sena minħabba l-proġett tal-ERDF u għalhekk it-tweġiba ghall-mistoqsija parlamentari tiegħu trid bilfors tkun parzjali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm-il darba l-art taż-żonqor li kien hemm fi Triq Matty Grima f’Bormla u li nqagħlet fuq xogħlijiet tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma taħt l-inkarigu tal-Kunsill Lokali ta’ Bormla tqegħditx f’post adegwat biex terġa’ titqiegħed f’postha?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla li l-pavimentar li kien hemm fi Triq Matty Grima qed jinżamm fil-bitħa tal-Kunsill Lokali. Ħaddiema tal-Projects Implementation Directorate mat-Taqsima tax-Xogħlijiet Pubbliċi, li qed timplimenta l-proġett bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali, qed inaddfu dan il-pavimentar mill-asphalt biex jerġa jitqiegħed fejn kien qabel. It-tqegħid ta’ dan il-pavimentar mistenni jibda fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju.
Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali — persuni impjegati
Question
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 17045 jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru totali ta' impjiegi fil-gradi kollha li saru mill-entitatjiet (bħal Dipartimenti, Kunsilli, Awtoritajiet, Kummissjonijiet, Aġenziji eċċ.) kollha li jaqgħu taħt il-Ministeru tiegħu fil-perjodu indikat? Kemm minn dawn l-impjegi kienu ta' persuni rikonuxxuti uffiċjalment bħala persuni b'diżabilità?
Response (BONNICI, OWEN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jiċċara jekk huwiex qed jistaqsi jekk:
1. Mit-8 ta’ Marzu 2013 sallum kemm ġew ingaġġati nies u kemm minnhom kellhom diżabbilta, fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi jew;
2. Kemm hemm impjegati bħalissa fl-entitajiet kollha li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi u kemm minnhom għandhom diżabbilta’?
Jista’ l-Ministru jgħid kemm persuni ħalsu biex daħlu jaraw il-Palazz u l-Armerija fil-Belt tul is-sena 2014 u jista’ jindika jekk kienx hemm żjarat minn tfal tal-iskola u jekk iva, kemm kien hemm żjarat? Kemm kien hemmżjarat minn skejjel primarji u kemm minn skejjel sekondarji?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li fl-2014 kien hemm 155,375 persuna li żaru l-Palazz u 102,841 persuna li żaru l-Armerija fil-Belt bi ħlas, kif inhu elenkat fir-Rapport Annwali 2014 ta’ Heritage Malta li jinsab fis-sit elettroniku ta’ Heritage Malta www.heritagemalta.org.
Matul l-istess sena kien hemm 46 żjara organizzata għat-tfal tal-iskola fil-Palazz u l-Armerija fil-Belt. B’kollox attendew 1,154 student minn skejjel primarji u 54 oħra minn skejjel sekondarji.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 16905 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport u l-Infrastruttura u jgħid jekk id-devjazzjoni li qed tintuża bħalissa bħala ħruġ mill-Baħrija limiti tar-Rabat hux se titnaddaf u jinqata’ l-ħaxix tat-triq kollha minħabba li huwa ta’ periklu kbir u jista’ jsir inċident?
Response (BONNICI, OWEN)
Infurmat mill-Kunsill Lokali tar-Rabat li x-xogħol tal-qtugħ ta’ ħaxix fit-toroq imsemmija beda fit-22 ta’ Ġunju u huwa ppjanat li jitlesta sal-aħħar ta’ din il-ġimgħa.
Jista’ l-Ministru jindika min huma dawk in-nutara li l-atti tagħhom għadhom ma ġewx invistati mis-sena 1970 sal-lum u x’passi qed jittieħdu biex dawn l-atti jinġabru?
Response (BONNICI, OWEN)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ listi separati li jkopru n-Nutara prattikanti f’Malta u Għawdex rispettivament. F’dawn il-listi hemm l-Atti u Testmenti ta’ kull Nutar li ma ġewx viżitati mis-sena 1970 sa llum.
Fil-preżent hemm erba’ reviżuri li qegħdin jaraw l-Atti tan-Nutara kollha tas-sena 2014. It-Testmenti tas-sena 2014 qegħdin jiġu viżitati skont il-Liġi minn Nutara li jaħdmu fid-Dipartiment tan-Nutar tal-Gvern. Huwa maħsub b’ko-ordinazzjoni mal-Kunsill Nutarili sabiex fil-futur qrib ir-reviżuri jaraw aktar minn sena waħda ta’ kuntratti u b’hekk jinġabru aktar volumi. Barra minn hekk id-Dipartiment tan-Nutar tal-Gvern qed jaċċetta li jiġu depożitati volumi ta’ kwalunkwe sena jekk tkun ix-xewqa tan-Nutar li jagħmel hekk. Riċentament ukoll il-Kunsill Notarili infurma lin-Nutar Prinċipali tal-Gvern li hemm il-possibilita’ li jiġi ingaġġat Nutar Reviżur ieħor sabiex jibda jara l-Atti tas-sena 1999 u ta’ qabel u b’hekk jibdew jinġabru volumi minn dik is-sena partikolari ukoll.
Jista’ l-Ministru jassigura li wara li Forti Sant’Iermu ntuża għal skop mill-aktar nobbli - u hawnhekk qed nirreferi għall-kunċert li ġie organizzat mill-Wintermoods sabiex jinġabru flus għal Puttinu Cares -jara li l-ħsara li għamlu l-vetturi li daħlu fil-pjazza tal-Forti sabiex jarmaw l-apparat meħtieġ, tissewwa peress li daħlu inġenji li qattru ż-żejt li tebba’ partijiet mill-art u anke ġew innutati ħafna marki tas-saqajn immarkati mal-ħitan?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li l-ħsarat imsemmija se jagħmlu tajjeb għalihom l-organizzaturi, kif hija l-prassi f’okkazjonijiet bħal dawn.
Nappella dejjem lill-pubbliku biex jifhem li sabiex sit storiku jitgawda minn uliedna u ulied uliedna rridu nibżgħu għalih. Jekk nieħdu l-marki tas-saqajn bħala eżempju, ma nkunx qed nitlob wisq jekk nappella biex dak li jkun ma jserraħx iż-żraben (u allura l-piż tal-ġisem tiegħu) mal-ħitan ta' forti storika.
Nemmen li l-kunċert tal-Wintermoods kien opportunita' tad-deheb biex wieħed jgħin lil Puttinu Cares waqt li jgawdi l-Forti li tant ġiet restawrata sabiħ. Fl-istess waqt il-poplu ċċelebra flimkien ma'
band
lokali anniversarju importanti.
Il-ktieb Ġgantija The oldest free-standing building in the world — bdil fit-titlu
Question
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 13886, jista’ l-Ministru jgħid jekk Heritage Malta hijiex midħla tas-sit Göbekli Tepe fit-Turkija, sit li huwa kkunsidrat bħala l-eqdem free-standing structure fid-dinja? Ma jaħsibx li ladarba jidher li hemm sit ieħor fid-dinja li qed jikkontesta dan it-titlu, ikun aktar għaqli kieku Heritage Malta semmiet dan il-ktieb: Ġgantija, one of the oldest free-standing building in the world? Jaħseb li dan is-suġġeriment fit-titlu huwa aktar preċiż?
Response (BONNICI, OWEN)
Jidher li l-Onor. Interpellant qed jitfixkel fit-tifsira tat-terminu free-standing.
L-imsemmi sit ta’ fama universali fid-dinja arkeologika ġie skopert u skavat fl-aħħar ħamsin sena.
L-eqdem fdalijiet ta’ strutturi f’Göbekli Tepe jidher li jmorru lura għad-disa’ millennju qabel Kristu, jiġifieri madwar ħamest elef sena qabel il-bini tat-Tempji tal-Ġgantija. Madankollu, dawn il-fdalijiet f’ Göbekli Tepe ġew esposti parzjalment biss u għalhekk m'huwiex
free standing
. Min-naħa l-oħra huwa fatt magħruf li t-Tempji tal-Ġgantija baqgħu esposti (i.e.
free standing)
konsistentament sa mill-bidu tal-eżiztenza tagħhom, jiġifieri għal madwar ħames millennji u nofs.
Għaldaqstant, it-titlu magħżul “
Ġgantija, the oldest free-standing building in the world”
huwa korrett.
Nappella lill-Onor. Interpellant juża iktar kawtela meta f'domandi parlamentari jagħmel stqarrijiet ineżatti li jekk jiġu kkwotati minn min m'għandux interess li Malta timxi 'l quddiem tista' ssir ħsara lill-industrija kulturali u turistika tagħna.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm instabu siti arkeoloġiċi ġodda dawn l-aħħar ħames snin? F’liema lokalitajiet u f’liema sena? Jista’ jgħid kif qed jiġu restawrati? Jista’ jgħid jekk intużawx fondi ewropej għal dan il-għan? Jekk iva, kemm intużaw?
Response (BONNICI, OWEN)
Bejn is-snin 2010 u 2015, instabu f’diversi lokalitajiet f’Malta u Għawdex 113-il sit arkeoloġiku kif indikat fit-tabella li qed inqiegħed fuw il-Mejda tal-Kamra. Kif indikat fl-istess Tabella, dawn is-siti huma protetti skond l-importanza tagħhom u kif tipermetti l-liġi dwar il-Patrimonju Kulturali u dik dwar l-Ambjent u l-Ippjanar tal-Iżvilupp, u skond il-Pjan ta’ Struttura. F’dawn il-każijiet proġetti jkunu emendati b’tali mod li sejbiet arkejoloġiċi jkunu protetti. Għal dan il-għan ma ntużawx fondi Ewropej.
Bord tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali — riżenji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm riżenji mill-Bord tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali f’dawn l-aħħar sentejn u jekk hemmx xi raġuni għalfejn?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-Bord tal-Orkestra Nazzjonali irriżenjaw jew talbu li l-appointment tagħhom ma jerġax jiġġedded 3 persuni f’xi żmien jew ieħor tul l-aħħar sentejn.
Tnejn minn dawn il-persuni, fl-ittra ta’ riżenja jew rinunzja ta’ tiġdid tagħhom, indikaw impenji oħra bħala raġuni. It-tnejn irringrazzjaw lill-Bord tal-Orkestra u awguraw suċċess.
Il-persuna l-oħra, fl-ittra ta’ riżenja jew rinunzja ta’ tiġdid tagħha, qalet li r-raġunijiet kienet qalithom lill-Bord tal-Orkestra. Qalet li ċ-
Chairman
tal-Orkestra qed jagħmel biċċa xogħol tajba ħafna u ħadmet tajjeb miegħu. Żiedet tgħid li waqt li għandna rispett sħiħ lejn il-
policies
li l-Orkestra qed tadotta, fuq uħud minnhom ma tistax taqbel fuq punt ta’ prinċipju. Irringrazzjat lill-Bord tal-Orkestra tax-xogħol li sar u qed isir biex l-Orkestra tkun l-aqwa entita’ artistika f’Malta u tenniet li sa tkompli tappoġġja lill-Orkestra fiż-żmien li ġej.
Amministrazzjoni tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali — riżenji
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm riżenji mill-Amministrazzjoni tal-Orkestra Filarmonika Nazzjonali f’dawn l-aħħar sentejn u jekk hemmx xi raġuni għalfejn?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-amministrazzjoni tal-Orkestra Nazzjonali irriżenjaw 3 persuni f’xi żmien jew ieħor fl-aħħar sentejn.
Fl-ittra ta’ riżenja tagħhom, it-tliet persuni rringrazzjaw lill-Bord tal-Orkestra Nazzjonali tal-esperjenza u awguraw lill-Orkestra suċċess għall-futur. Ma ngħatatx raġuni għar-riżenja fl-ittri li ntbagħatu.