Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 12 PQ #21665 Sitting 343 2016-01-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – impjegati li jaħdmu s-salarji

Question

Jista’ l-Ministru jikkonferma jekk l-impjegati tas-Servizz Pubbliku f’Għawdex li preżentament qed jaħdmu s-salarji tal-impjegati kollha tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni humiex ser jibqgħu taħt il-Ministeru tiegħu jew jekk hux ser imorru taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni? Jekk ser imorru taħt il-Ministeru għall-Edukazzjoni jista’ jagħti raġuni għalfejn dawn l-impjegati Għawdxin li qed jaħdmu minn Għawdex mhux ser jibqgħu taħt il-Ministeru għal Għawdex? Jista’ jikkonferma wkoll jekk dawn l-impjegati humiex ser jibqgħu jaħdmu miċ-Ċentru Amministrattiv tar-Rabat Għawdex jew jekk humiex ser jiġu trasferiti kollha lejn ix-Xagħra?

Response (REFALO, ANTON)

L-Onorevoli Nterpellant għandu informazzjoni żbaljata. Ninforma lill-Onorevoli li m’hemm l-ebda ħsieb li s-Sezzjoni tas-Salarji tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni tmur taħt id-Dipartiment tal-Edukazzjoni.
Leg 12 PQ #21760 Sitting 343 2016-01-12 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Ix-Xagħra Għawdex – Vjal it-Tmienja ta’ Settembru — xogħlijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta se jkun lest ix-xogħol fuq Vjal it-Tmienja ta’ Settembru fix-Xagħra, Għawdex? Kemm se jiswa b’kollox dan ix-xogħol? Jista’ jgħid meta se jsir ix-xogħol ta’ tarmak fi Pjazza Vittorja fix-Xagħra? Kemm se jiswa dan ix-xogħol u x’kulur ta’ tarmak se jintuża f’din il-Pjazza?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li x-xogħol hu mistenni li jitlesta sa Marzu 2016 u mistenni jiswa Euro 690,000. Il -kulur huwa terracotta jew RAL3002.
Leg 12 PQ #22218 Sitting 343 2016-01-12 Oral · Final From: ROBERT CUTAJAR To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – ftuħ tad-Dar tal-Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jindika meta mistenni li tiġi inawgurata u allura tilqa’ l-ewwel residenti fiha d-Dar tal-Anzjani f’Għawdex?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għall-mistoqsijiet parlamentari 14013 u 19677.
Leg 12 PQ #21537 Sitting 342 2016-01-11 Oral · Final From: CLYDE PULI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — nefqa fuq reklamar u informazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21340 u jgħid x'kienet in-nefqa fuq kampanji ta' reklamar u informazzjoni mill-Ministeru, inkluż l-entitajiet u d-dipartimenti li jaqgħu taħtu? Jista' jagħti din l-informazzjoni sena b'sena mill-2013 'l hawn, entità b'entità u dipartiment b'dipartiment?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar, u għaldaqstant r-risposta tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 12 PQ #21602 Sitting 342 2016-01-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel – Free pass

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista ta’ dawk l-individwi kollha li għandhom il-free pass tal-Gozo Channel u d-data ta’ meta ngħataw dan il-pass?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gozo Channel ma bidlet xejn mill-prassi li kienet tintuża minn żmien l-amministrazzjoni preċedenti. Dawn ivarjaw minn żmien għal żmien fosthom membri parlamentari, korp diplomatiku u uffiċjali pubbliċi.
Leg 12 PQ #21603 Sitting 342 2016-01-11 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Gozo Channel — Policy ta’ free passes

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-policy li kienet saret fi żmien il-Gvern Nazzjonalista u li kienet pubblikata fil-website tal-Gozo Channel dwar min għandu dritt għal free pass biex juża l-vapur tal-Gozo Channel ġietx mibdula? Jekk ġiet mibdula, meta ġiet mibdula u fejn ġiet pubblikata? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-policy dwar mingħandu dritt għal dan il-pass kif kienet fi żmien Gvern Nazzjonalista u kopja tal-policy kif inhi llum?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għall-Mistoqsija Parlamentari 21602.
Leg 12 PQ #21694 Sitting 342 2016-01-11 Oral · Final From: LUCIANO BUSUTTIL To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – użu ta’ karozza uffiċjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-karozza uffiċjali li kien juża l-Ministru responsabbli minn dan il-qasam bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013 kenitx tinkera jew kenitx mixtrija mill-Gvern? Jista’ jgħid ta’ liema mudell kienet il-karozza? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża xahar b’xahar matul l-istess perjodu f’każ li kienet mikrija? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża f’każ li l-karozza kienet inxtrat mill-Gvern u meta nxtrat? Jista’ jgħid x’kienu l-ispejjeż fuq xogħlijiet ta’ tiswija li saru fuq din l-istess karozza matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fuq kiri ta’ karozzi li ntużaw minflokk il-karozza uffiċjali matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża u kemm intuża petrol jew diesel bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013, xahar b’xahar b’mod separat, għall-karozza/i li għamel użu minnhom il-Ministru?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-karozza uffiċjali tal- Ministru bejn l-1 ta' Jannar 2008 u t-8 ta' Marzu 2013 kienet BMW 320 li inxtrat fit-30/03/2006 u swiet €33775.9, kif ukoll BMW 320D Saloon li inxtrat fit-02/04/2009 u swiet €30974.00 part exchange mal BMW320 L-ispiża totali fuq tiswijiet ta’ din il-karozza bejn l-2008 u 2013 u f'kirjiet ta' karozzi minflokha, kienet tammonta għal €18129.20 L-ispiża fuq it-tiswijiet biss kienet ta' €5119.61 L-ispiża f'kirjiet ta' karozzi minflokha biss ammontat għal €13009.59. L-ispiza fuq il-fuel għall-karozza uffiċjali tal-Ministru bejn l-1 ta' Jannar 2008 u t-8 ta' Marzu 2013 kienet ta’ €12429.10. Fl-istess perjodu ingħataw 10180.44 litri ta’ fuel lil din l-istess karozza. Kien hemm ukoll spiża ta' €4702.17 fi fuel għall-karozzi li nkrew minflok il-karozza uffiċjali tal- Ministru.
Leg 12 PQ #21932 Sitting 342 2016-01-11 Oral · Final From: CHARLES MANGION To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex — użu tat-tieni karozza

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk it-tieni karozza li kien juża l-Ministru jew xi ħadd awtorizzat minnu bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013 kenitx tinkera jew kenitx mixtrija mill-Gvern? Jista’ jgħid liema mudell kienet din il-karozza? F’każ li l-karozza kienet mikrija, x’kienet l-ispiża xahar b’xahar matul l-istess perjodu? Kemm kienet l-ispiża f’każ li l-karozza kienet inxtrat mill-Gvern u meta nxtrat? Jista’ jgħid x’kienu l-ispejjeż fuq xogħlijiet ta’ tiswijiet li saru fuq din l-istess karozza matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid kemm kienet l-ispiża fuq kiri ta’ karozzi li ntużaw minflok it-tieni karozza matul l-istess perjodu? Jista’ jgħid x’kienet l-ispiża u kemm intuża petrol jew diesel bejn l-1 ta’ Jannar 2008 u t-8 ta’ Marzu 2013, xahar b’xahar b’mod separat, għat-tieni karozza li għamel użu minnha l-Ministru jew xi ħadd awtorizzat minnu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-Ministru preċedenti ma kenitx tuża t-tieni karozza, iżda peress li kienet tuża l-karozza privata tagħha bħala t-tieni karozza, kienet tibbenefika minn allowance ta’ €7,000 fis-sena.
Leg 12 PQ #22140 Sitting 342 2016-01-11 Oral · Final From: PAULA MIFSUD BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – għoti ta’ kuntratti lil kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jagħti d-dettalji tal-kuntratti kollha (servizzi jew xogħol) li ngħatat il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, mill- entitajiet u d-dipartimenti kollha tal-istess Ministeru, bejn Marzu 2013 u Novembru 2015? X’inhuma l-valuri ta’ dawn il-kuntratti u meta ngħataw? F’kull każ, dan kien riżultat ta’ direct order jew le?

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li fil-perjodu imsemmi, il-Ministeru għal Għawdex, inkluż id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu, ma għamlux użu mix-xogħol jew servizzi tal-kumpanija imsemmija.
Leg 12 PQ #21418 Sitting 341 2015-12-16 Oral · Final From: MARTHESE PORTELLI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – reklamar fuq media

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm tħallas s’issa f’reklamar (li jinkludu reklami fuq television, radio, gazzetti u l-online portals, kif ukoll google adverts jew permezz ta’ kwalunkwe medium ieħor) mill-Ministeru kif ukoll minn kwalunkwe dipartiment, awtorità u entità oħra li taqa’ taħtu mill-1 ta’ April 2013 sad-data li fiha tiġi mwieġba l-mistoqsija parlamentari, kif ukoll il-valur tar-reklami li għadhom ma tħallsux imma huma bbukjati? Jista’ jgħid jekk dawn ir-reklami tħallsux jew hux se jitħallsu minn Fondi Ewropej, jew jekk tħallsux jew se jitħallsu minn xi fond ieħor? Jista’ jgħid kemm hu l-ammont li tħallas jew se jitħallas minn kull fond imsemmi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Leg 12 PQ #21592 Sitting 341 2015-12-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — pixxina

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tas-sejħa għall-espressjoni ta’ interess biex tinbena pixxina ġewwa Għawdex? Jista’ jgħid jekk il-Gvern hux ser jiffinanzja xi parti minn din il-pixxina u jekk le allura l-privat kif ser idaħħal lura l-investiment li ser jagħmel? Jista’ jgħid kemm-il siegħa fil-ġimgħa din il-pixxina ser tkun tista’ tintuża mill-Għawdxin b’xejn u f’liema ġranet u ħinijiet?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li s-sejħa għadha miftuħa u kull informazzjoni li tingħata tista’ tippreġudika l-proċess, ir-risposta tingħata aktar ‘il quddiem.
Leg 12 PQ #21599 Sitting 341 2015-12-16 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – kontijiet tad-dawl ta’ playing fields

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li bħalissa għaddej b'eżerċizzju biex il-kontijiet tad-dawl ta' diversi playing fields madwar Għawdex li sal-lum dejjem kienu jitħallsu mill-Ministeru għal Għawdex qed jitfagħhom fuq il-kunsilli lokali biex jibdew jitħallsu minnhom? Jista' jgħid liema playing fields u postijiet oħra qed jinsisti li l-meters u l-kontijiet tad-dawl tagħhom jgħaddu minn fuq il-Ministeru għal fuq il-kunsilli lokali Għawdxin u jelenkahom wieħed wieħed? Jista' jgħid x'se jiffranka b'din id-deċiżjoni l-Ministeru tiegħu u kemm se jkun il-piż li se jitfa' fuq il-kunsilli lokali Għawdxin?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Att dwar il-Kunsilli Lokali jistipula li hija r-responsabilta tal-Kunsilli Lokali li jipprovdu li jsiru, jinżammu fi stat tajjeb u manutenzjoni ta’ playgrounds tat-tfal, ġonna pubbliċi u ċentri oħra, ta’ sport, kultura jew divertiment ieħor. Għaldaqstant l-eżerċizzju li qed isir huwa propju fl-ispirtu tal-osservanza tal-liġi u tat-tisħih tal-kunċett ta' deċentralizzazzjoni. Mhu ser jintefa’ l-ebda pi¿ fuq il-Kunsilli ikkonċernati peress li l-kontijiet pendenti ser jitħallsu mill-Ministeru għalGħawdex. L-informazzjoni dwar il-kontijiet in kwistjoni hija mogħtija fit-tabella li qiegħed impoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 12 PQ #21542 Sitting 340 2015-12-15 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex — Ir-Rabar, Taċ-Ċawla - appartament - pannelli

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ġew installati l-pannelli fuq l-appartamenti fil-Housing tal-Gvern f'Taċ-Ċawla fir-Rabat, Għawdex? Jista' jgħid kemm-il pannella ġiet stallata u kemm swew dawn il-pannelli? Jista' jgħid mil-liema ġurnata dawn il-pannelli bdew jiġġeneraw l-elettriku u jitfgħu fil-grid tal-Enemalta? Kemm qed jiġġeneraw elettriku kuljum dawn il-pannelli s'issa?

Response (REFALO, ANTON)

Qiegħed ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-pannelli msemmija ġew installati f’Jannar 2015. Is-sistemi tal-pannelli fuq is-single phase bdew jiġġeneraw l-elettriku fil-grid tal-Enemalta hekk kif kienu nstallati, filwaqt dawk is-sistemi fuq it-three phase bdew jiġġeneraw l-elettriku f’Settembru 2015. B’kollox ġew installati 231 pannella li swew €113,673. Sal-4 ta’ Diċembru dawn il-pannelli iġġeneraw 2991.72 units ta’ elettriku fil-grid tal-Enemalta.
Leg 12 PQ #21587 Sitting 340 2015-12-15 Oral · Final From: FRANCO MERCIECA To: Ministeru għal Għawdex

Ferry trips between Ċirkewwa and Mġarr

Question

To ask the Minister, what is the cost of a ferry trip between Ċirkewwa and Imġarr? How many extra trips were carried out by Gozo Channel Company Ltd in 2013 and 2014? Can we have a break down of the timings of these extra trips?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’referenza għal-PQ 21587, l-ispiża tat-traġitt tal-vapur bejn iċ-Ċirkewwa u l-Mġarr li jieħu madwar 30 minuta hija kif gejja: Bejn is-sitta ta’ filgħodu u s-sitta ta’ filgħaxija, b’ekwipaġġ ta’ 15 il-persuna (biex ikunu jistgħu jinġarru sa massimu ta’ 900 persuna) l-ispiża ta’ kull traġitt hija ta’ €312.39. Bejn is-sitta ta’ filgħaxija u s-sitta ta’ filgħodu, b’ekwipaġġ ta’ 11 il-persuna (biex ikunu jistgħu jinġarru sa massimu ta’ 500 persuna) l-ispiża ta’ kull tragitt hija ta’ €296.96” Qed nanetti ukoll rapport ta’ l-extra trips li saru bejn 2013 u l-2014.
Leg 12 PQ #21638 Sitting 340 2015-12-15 Oral · Final From: PAULA MIFSUD BONNICI To: Ministeru għal Għawdex

Ministeru għal Għawdex – petrol u diesel — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm intuża petrol u diesel kull ġimgħa u kemm ġie jiswa fi flus kontanti, għall-karozza li juża l-istess Ministru minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Novembru 2015? Jista’ jgħid ukoll kemm intuża petrol u/jew diesel kull ġimgħa u kemm ġie jiswa fi flus kontanti għat-tieni karozza u karozzi oħra li juża l-istess Ministru, jew xi ħadd awtorizzat minnu, minn Marzu 2013 sal-aħħar ta’ Novembru 2015?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tingħata f'seduta oħra.
Leg 12 PQ #21429 Sitting 339 2015-12-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Nadur – Triq Għajn Qasab – ċimiterju tal-Ħniena Divina – xogħlijiet fuq il-bankina

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 21225, jista’ l-Ministru jgħid liema approvazzjonijiet jonqos u mil-liema awtoritajiet biex tkun tista’ ssir il-bankina quddiem iċ-Ċimiterju tal-Ħniena Divina fi Triq Għajn Qasab fin-Nadur? Jista’ jara li din issir malajr peress li dan iċ-Ċimiterju issa beda jintuża u kuljum imorru fih numru ta’ nies kif ukoll peress li din il-bankina tinsab fi triq arterjali li twassal għall-bajja tar-Ramla u li tintuża kuljum minn mijiet ta’ nies?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-permess mit-Transport Malta nħareġ u x-xogħlijiet bdew.
Leg 12 PQ #21498 Sitting 339 2015-12-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Għajnsielem – Istitut ta’ San Ġużepp — ftehim

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi r-raġuni għalfejn il-ftehim li sar bejn il-Ministeru tiegħu u l-Kurja ta’ Għawdex dwar dak li kien l-Istitut ta’ San Ġużepp f’Għajnsielem ma jistax jiġi ppubblikat? Jista’ jgħid kif ftehim li sar bi ħlas mit-taxxi pubbliċi ma jistax jiġi ppubblikat? Jista’ jgħid kif dan il-ftehim li sar b’direct order u mhux wara sejħa pubblika m’għandux jiġi pubblikat? Kif il-Ministru ma weġibx dwar id-data meta ġie ffirmat dan il-ftehim u għal kemm snin sar?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lil-Onorevoli Interpellant li m’hemm xejn x’iżżid mar-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari bin-numru 21252.
Leg 12 PQ #21518 Sitting 339 2015-12-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Uffiċċju fuq l-Għassa ta’ Marsalforn

Question

B'referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 21313 u 21116, jista' l-Ministru jgħid għaliex ma jridx jikkonferma jekk ikkonsultax lill-Kunsill Lokali taż-Żebbuġ Għawdex jew le dwar it-teħid ta' proprjetà f'Marsalforn li kienet f'idejn il-kunsill lokali u li l-Ministru qabad u ħa? Jaf il-Ministru li kull ma jrid iwieġeb hu iva jew le biex naraw tal-anqas ikkonsultax mal-kunsill elett min-nies taż-Żebbuġ u Marsalforn qabel qabad u ħa din il-proprjetà li kienet f'idejn il-kunsill?

Response (REFALO, ANTON)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposti tal-Mistoqsijiet Parlamentari 21313 u 21116.
Leg 12 PQ #21525 Sitting 339 2015-12-14 Oral · Final From: CHRIS SAID To: Ministeru għal Għawdex

Sptar Ġenerali t’Għawdex – Child Development Centre

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa sal-lum iċ-Child Development Centre li nbena fil-konfini tal-Isptar Ġenerali t’Għawdex? Kemm hu maħsub li se jkun jiswa b’kollox meta jkun lest? Meta se jkun lest u meta se jibda jintuża għall-benefiċċju tat-tfal Għawdxin?

Response (REFALO, ANTON)

Qiegħed ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-proġett msemmi, s’issa ġie jiswa’ €1,088,000 u maħsub li ser jiswa’ madwar €1,315,000 meta jkun lest. Dan iċ-ċentru diġa qed jintuża mis-Social Workers.
Leg 12 PQ #21651 Sitting 339 2015-12-14 Oral · Final From: GEORGE PULLICINO To: Ministeru għal Għawdex

Malta Libraries — impjegati

Question

Jista’ l-Ministru jagħti lista tal-impjegati tal-Malta Libraries u tal-libreriji f’Għawdex (li jaqgħu taħt id-dipartiment tal-customer services tal-Ministeru għal Għawdex) li huma kkwalifikati mill-Università ta’ Malta jew minn universitajiet oħra rikonoxxuti fix-Xjenzi tal-Librerija? Nitlob lill-Ministru jagħti l-isem, in-numru tal-I.D. Card, il-grade fil-librerija u l-post fejn jaħdmu u l-kwalifika.

Response (REFALO, ANTON)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif murija fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.