Legislature:
Category:
Reset
Active:

Uffiċċju Konġunt — Kuntratt ta' post

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jsir il-kuntratt ta' inkwilin anzjan li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jgħix f'dar li s-sid tagħha huwa l-Uffiċċju Konġunt?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-applikazzjoni tal-inkwilin imsemmi mill-Onor. Interpellant qiegħdha tiġi proċessata u l-applikant ser jiġi nfurmat bil-prezz li bih jista' jixtri l-fond.

Ċittadini tal-UE — Xiri ta' proprjeta' f'Malta

Question

Jogħġbu l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk ċittadin ta' l-Unjoni Ewropea li jkun diġa' xtara l-ewwel proprjeta' immobbli tiegħu f'Malta jistax jew le jixtri t-tieni proprjeta' immobbli sabiex jikriha lil ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea?

Response (BORG, TONIO)

Is-suġġett tal-Mistoqsija jirrigwardja l-Capital Transfer Duty Department, u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Persuni ta' nazzjonalita' barranija — talbiet għal Acquisition of immovable property permits

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika l-ammont ta' talbiet għal AIPP (Acquisition of Immovable Property Permits) li kien hemm minn barranin din is-sena għal xiri ta' proprjeta' f'Malta? Kemm minnhom kienu minn ċittadini ta' l-Unjoni Ewropea u kemm le? Kemm minnhom ġew rifjutati?

Response (BORG, TONIO)

Is-suġġett tal-Mistoqsija jirrigwardja l-Capital Transfer Duty Department, u għalhekk nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Qrati — Għajnuna legali fis-sistema ġudizzjarju Malti

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk jaħsibx li s-sistema ta' l-għajnuna legali fis-sistema ġudizzjarju Malti għandhiex bżonn tiġi ristrutturata sabiex kull akkużat ikollu d-dritt effettiv li jagħżel l-avukat tal-fiduċja tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Is-sistema ta' l-għajnuna legali ilha taħdem dawn l-aħħar snin sija fil-kamp penali kif ukoll f'dik ċivili. Is-sistema ndikata mill-Onor. Interpellant diġa' ġiet użata fis-snin preċedenti. Hija riżultat fi spejjeż projbittivi u imprevisti apparti l-fatt li ma kinetx garanzija li qed tingħata limitatament lil min verament għandu bżonnha. Għalhekk ma hemmx il-ħsieb li din tiġi ristrutturata fil-linja ndikata mill-Onor. Interpellant.

Probation officers

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jindika kemm hu n-numru ta' probation officers li hemm bħalissa? Meta hu maħsub li jerġgħu jiftħu l-applikazzjonijiet għall-ingaġġ tagħhom?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fil-preżent fl-uffiċċju tal-Probation hemm 2 Senior Probation Officers u 9 Probation Officers. Il-Gvern huwa kommess li l-Uffiċċju tal-Probation ikollu r-riżorsi umani neċessarji biex ikun jista' jaħdem b'mod effiċjenti. Għalhekk jekk u meta tinħass il-ħtieġa jittieħdu l-proċeduri neċessarji biex isir ingaġġ ġdid.

Qrati — Kawżi

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kif ġew assenjati l-kawżi fil-Qorti tal-Maġistrati b'indikazzjoni ta' l-ismijiet tal-Maġistrati fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 (sal-31 ta' Awissu)? Kemm ġew deċiżi kawżi minn kull maġistrat u kemm hemm kawżi pendenti quddiem kull maġistrat fis-snin 2000, 2001, 2002, 2003 u 2004 (sal-31 ta' Awissu)?

Response (BORG, TONIO)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant dwar il-Qrati Kriminali u l-Qrati ta' Għawdex qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. F'dak li jirrigwarda l-Qrati Ċivili, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni kollha mitluba minnu tinsab fis-sit www.justice.gov.mt taħt Court Statistics li tinsab f'Court Services. Ovvjament għandu jaċċessa għall-istatistika taċ-Ċivili. L-istatistika tinkludi l-kawżi ntrodotti (assenjati), Imħallef b'Imħallef, kawżi maqtugħa (deċiżi), Imħallef b'Imħallef kif ukoll dawk pendenti (attivi). L-istatistika tmur lura għas-sena 2000 u hija aġġornata s'Awissu 2004.

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Staff tas-segretarjat privat

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti rendikont dettaljat ta' l-istaff kollu tas-segretarjat privat tal-ministeru tiegħu u tas-segretarju parlamentari tiegħu? Jista' jgħid fejn jgħixu wieħed wieħed u l-kariga li għandhom fil-ministeru?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern — Rendikont ta' l-istaff

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jagħti rendikont dettaljat ta' l-istaff kollu tal-Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern?

Response (BORG, TONIO)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' l-istaff fl-Uffiċċju tas-Segretarjat Permanenti. Nirreferi ukoll għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 7338 f'din l-istess Seduta.

Laboratorju Forensiku

Question

Jikkonsidra l-Viċi Prim Ministru li wasal iż-żmien li l-Laboratorju Forensiku jkun attrezzat sa snienu biex jaqdi l-esiġenzi ta' l-investigazzjonijiet kriminali tal-pulizija billi dani l-laboratorju qiegħed jispiċċa fuq l-aħbarijiet ta' spiss minħabba li l-esperti ma jistgħux jespletaw l-inkarigi li jingħataw mill-Qrati bi problemi kbar għall-aħjar amministrazzjoni tal-Ġustizzja?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li ninsab infurmat illi ma jirriżultax li hemm xi diffikultajiet f'dak li għandu x'jaqsam ma' l-esperti nominati mill-Qorti li jagħmlu parti mit-Taqsima Forensika tal-Pulizija, nissuġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Pulizija — Breathalyser tests

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm matul din is-sena saru testijiet tal-breathalyser fuq sewwieqa? Kemm instabu pożittivi? Dawn kollha tressqu l-qorti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Awissu ta' din is-sena kien hemm 70 sewwieq li l-Pulizija għamlitlu t-testijiet tan-nifs fuq suspett li kienu qed isuqu taħt l-influwenza ta' l-alkoħol. Minn dawn 36 irriżultaw fil-pożittiv, filwaqt li 34 irrifjutaw jew it-test ma kienx komplut. F'kull każ qed jittieħdu proċeduri kriminali quddiem il-Qorti.

Siġġiewi — Art tal-gvern

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li mhedda art tal-gvern li hi mdawwra bi Triq l-Imdina u Triq Dun Manwel Zammit, fis-Siġġiewi tiġi żviluppata f'dar għall-anzjani kif ġie anke propost mill-kunsill lokali tas-Siġġiewi?

Response (BORG, TONIO)

Jien infurmat li l-Uffiċċju Konġunt jamministra mhedda art tal-gvern li hi mdawra bi Triq l-Imdina u Triq it-Tabib Nikol Żammit (u mhux Triq Dun Manuel Zammit kif imsemmi fil-Mistoqsija) fis-Siġġiewi. Barra t-talba tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi hemm żewġ talbiet oħra għall-iżvilupp ta' din l-art. It-talbiet qed jiġu kkunsidrati sabiex jiġi determinat l-aħjar użu li jista' jsir mill-art.

Impjiegi — Ħaddiema minn Pajjiżi Membri tal-UE

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 6907 li oriġinarjament saret lill-Ministru ta' l-Edukazzjoni, Żgħażagħ u l-Impjiegi u cioe' jgħid: kemm jammonta n-numru ta' ħaddiema mill-pajjiżi membri fl-Unjoni Ewropea li mill-1 ta' Mejju, 2004 ġew jaħdmu f'Malta? Jista' jgħid ta' liema nazzjonalita' huma u x'tip ta' xogħol qed jagħmlu? Jista' jgħid x'inhi l-eta' medja ta' dawn il-ħaddiema?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li mill-1 ta' Mejju 2004 saru 451 applikazzjoni sabiex ċittadini mill-Unjoni Ewropea jaħdmu f'Malta. Il-persuni konċernati ġejjin mill-pajjiżi li jidhru hawn taħt. Saru ukoll 3 applikazzjonijiet dwar ċittadini Norveġiżi (pajjiż tal-EEA). Dwar ix-xogħol li għalih intalab permess qed inpoġġi lista fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninsab infurmat ukoll li ma tinżammx statistika kif mitluba mill-Onor. Interpellant fit-tielet parti tal-Mistoqsija tiegħu. Nirreferi lill-Onor. Interpellant ukoll għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Nru. 6991 u Nru. 7328. Awstrija 13 Belġju 10 Ċeka - Repubblika 8 Danimarka 3 Finlandja 5 Franza 25 Ġermanja 52 Greċja 1 Irlanda 14 Italja 51 Latvja 17 Lussemburgu 1 Olanda 18 Polonja 13 Portugall 1 Slovakkja 8 Spanja 9 Svezja 27 Renju Unit 169 Ungerija 6 TOTAL 451

Korp tal-Pulizija — Ħatra ta' surġenti

Question

B'riferenza għall-mistoqsijiet parlamentari 3471 u 6389, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid meta se jinħatru l-kumplament tat-43 surġent fil-korp tal-pulizija meta dawn ilhom li applikaw sa minn Settembru 2003 u jidher li dan il-proċess ilu jkarkar għal ċertu żmien?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa' għedt fit-Tweġiba preċedenti dwar l-istess suġġett, il-ħatriet imsemmija jingħataw meta l-esiġenzi tas-servizz ikunu jippermettu. L-ewwel grupp li għadda u ġew minn ta' quddiem diġa' inħatru, ħaġa li l-Onorevoli Interpellant insiet issemmi fid-domanda tagħha. Malli jkun hemm il-ħtieġa, jidħlu l-oħrajn li għaddew skond l-ordni tal-mertu tagħhom.

Dipartiment ta' l-Artijiet — Każ dwar proprjeta'

Question

B'riferenza għall-encroachment li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid jekk l-imsemmija proprjeta' għadhiex tal-gvern peress li qed jintbagħtu kontijiet għall-pagament mid-dipartiment ta' l-artijiet?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn riċerka li għamlet it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern jidher li l-proprjetajiet li għamlet referenza għalihom l-Onorevoli Interpellant huma tal-Gvern.

Pulizija — Vetturi abbandunati fir-Rabat

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jara li jitneħħew tliet vetturi kollha fi Triq Ferris fil-parkeġġ ta' ħdejn l-iskola fir-Rabat u dan peress li l-istess vetturi ilhom abbandunati?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn spezzjoni li għamlet il-Pulizija nhar id-29 ta' Settembru 2004, ma jirriżultax li hemm xi vetturi abbandunati kif imsemmi fil-Mistoqsija.

Użura

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'qed isir sabiex tkun miġġielda bis-serjeta' l-użura?

Response (BORG, TONIO)

Għandu jingħad illi b'effett mill-1 ta' Mejju 2002 daħlet fis-seħħ l-emenda għall-artikolu 298 tal-Kodiċi Kriminali li biha l-użura saret reat kriminali. Dan sabiex isaħħaħ l-għodda f'idejn il-Pulizija, peress illi sa dakinhar kull minn kien jipprattika l-użura kien seta' jitressaq quddiem il-Qorti biss talli jkun għamilha ta' istituzzjoni finanzjarja mingħajr liċenzja. Barra piena karċerarja u/jew multa, il-liġi issa tipprovdi wkoll illi jekk matul il-proċeduri kriminali jkun ippruvat quddiem il-Qorti li l-akkużat irċieva ammont ta' imgħax aktar minn dak li jkun permess bil-liġi jew li jkun sproporzjonat b'mod grossolan mas-servizz mogħti, il-Qorti għandha tordna lill-akkużat iħallas lura dak l-ammont hekk imħallas. Ninsab infurmat illi minn meta ġiet fis-seħħ din l-emenda, il-Pulizija akkużat quddiem il-Qorti 23 persuni fuq użura.

Bormla — Triq l-Irlandizi - Għalqa

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid ta' min hi r-responsabbilta' ta' għalqa (plot) li hemm fi Triq l-Irlandiżi Bormla?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi minn riċerka li għamlet it-Taqsima Proprjeta' tal-Gvern jidher li l-unika għalqa li hemm fi Triq l-Irlandiżi Bormla fil-fatt hija proprjeta' privata li qed tiġi esproprjata għal skop pubbliku minħabba proġett ta' housing.

Avukat Ġenerali — Liġi dwar relazzjonijiet industrijali

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid x'inhuma l-pariri legali ta' l-Avukat Ġenerali tar-Repubblika dwar kuntratti definiti meta hemm xi employers li qed jabbużaw minn dawn it-tip ta' kuntratti għal skopijiet tagħhom biex jaħarbu mill-obbligi tal-liġi dwar relazzjonijiet industrijali billi lill-istess impjegat joqogħdu jagħtuh kuntratt definittiv ripetutament?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellanti biex tirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru ikkonċernat.

Kunsilli Lokali — Servizz ta' Bulky Refuse

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru ġentilment iwieġeb mistoqsija parlamentari 6824?

Response (BORG, TONIO)

Bi tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 6824, ninsab infurmat illi l-ammont ta' oġġetti miġbura bis-servizz tal-bulky refuse u l-ispiża marbuta ma' dan is-servizz mill-Kunsilli Lokali f'Malta u Għawdex għas-sena finanzjarja 2003/2004 kienet kif tidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.

Klandestini — Spejjeż

Question

Jista' il-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hu stmat li hi l-ispiża ta' kull klandestin għal ġurnata li jkun Malta?

Response (BORG, TONIO)

Kif diġa' kelli l-okkażżjoni ngħid fi Tweġibiet preċedenti dwar is-suġġett, ma jinżammux kontijiet separati għan-nefqa għall-immigranti llegali. Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet li jien tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari bin-numri 2180, 2556 u 4330.